Nitkellmu ma’ Keith Demicoli

Fil-21 ta’ Novembru, għal darb’oħra Keith se jkun qed jippreżenta Miss World Malta, din is-sena flimkien ma’ Quinton Scerri.

It-tħejjijiet għal Miss World Malta mill-organizzaturi Sue Rossi u Claudia Calleja ilhom ix-xhur li bdew imma minħabba l-pandemija s-serata finali kellha tiġi posposta aktar minn darba u l-arranġamenti baqgħu jinbidlu s’issa. Għal din is-serata ttieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex l-24 tfajla u l-15-il ġuvni li se jikkompetu u dawk kollha nvoluti jkollhom moħħhom mistrieħ li l-attività ssir skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa. Fil-fatt is-serata se tkun maħsuba aktar għat-televiżjoni milli għall-udjenza limitata li se tkun preżenti fis-sala.

Nistaqsu lil Keith x’jaħseb li jispikka l-aktar f’dan il-konkors, ‘lil hinn mis-sbuħija. “Din il-kompetizzjoni hija tas-sbuħija li fil-verità hija suġġettiva ħafna u tiddependi mill-perspettività ta’ kull individwu. Madanakollu, il-parteċipanti jiġu ġġudikati wkoll fuq il-personalità li jien personali nemmen ħafna fiha għax is-sbuħija estetika mhix hemm għal dejjem. L-impatt li tista’ tħalli persuna hu b’għemilha u l-personalità tagħha. Għalhekk nieħu gost nara li l-organizzaturi ta’ Miss World jisħqu ħafna fuq il-kunċett ‘beauty with a purpose’ fejn il-parteċipanti jieħdu inizjattivi volontarji li bihom jgħinu lil ħaddieħor u jxerrdu aktar tama u mħabba li fiċ-ċirkostanzi ta’ bħalissa huma ferm aktar importanti.” jgħidilna.

Bħalissa Keith u l-mara tiegħu Alexia jinsabu ħerqana u eċċitati ħafna, dan għaliex jekk kollox imur kif ippjanat, din se tkun is-sena li se jqattgħu l-ewwel Milied tagħhom fid-dar il-ġdida tagħhom fir-Rabat, li ilhom jirranġaw fiha kważi 10 snin. Minkejja li għalihom se tkun id-dar il-ġdida tagħhom, din id-dar hi waħda antika ħafna, ta’ aktar minn 500 sena!

“Ħafna qraba u ħbieb jibqgħu mistgħaġba kemm domna biex inlestu imma minbarra li kien fiha ħafna xogħol u spejjeż, kellna bżonn ħafna paċenzja u ridna nagħmlu ħafna sagrifiċċji fosthom finanzjarji. Niftakar li eżatt kif iżżewwiġna fl-2011, jien u Alexia iddeċidejna li nkomplu ninvestu aktar fir-relazzjoni tagħna minflok fil-ġebel. Ma ridniex nabbandunaw kollox u niffukaw biss fuq id-dar. Minflok, imxejna pass pass u b’mod li x-xogħol fid-dar ma jkunx ta’ piż finanzjarju u emozzjonali sproporzjonat fuqna t-tnejn. Għalhekk għamilna madwar ħames snin minnhom meta għażilna li nistudjaw flimkien l-Universitá ta’ Malta u dik kienet prioritá li flimkien max-xogħol full-time tagħna ma tantx ħallitilna wisq ħin niffukaw fuq il-proġett tad-dar li tajnih spinta f’dawn l-aħħar sentejn jew tlieta. Illum sfortunatament hawn uħud li biex jagħmlu suċċess, ikollhom aktar fama jew ikunu aħjar minn kulħadd, ikunu jridu kollox u possibilment jagħmlu kollox f’daqqa. Impossibbli. Ir-realtá hija differenti mir-ritratti jew filmati fuq il-midja soċjali li jafu jinfluwenzawna u nippruvaw nagħmlu l-istess. Inħossu li biex ir-relazzjoni tagħna tkompli tirnexxi, ma nistgħux noħolqu stress jew pressjoni żejda fuq xulxin. Kollox bilmod u bil-pass tiegħu.”

Il-pandemija b’xi mod jew ieħor qed taffettwa lil kulħadd, madanakollu Keith jgħidilna li hu dejjem jipprova jadatta għal kull sitwazzjoni u għalih dan hu perjodu ieħor x’aktarx storiku li qed jagħmel l-almu tiegħu biex jgħixu bħala opportunità li jirrifletti fuq x’inhu l-aktar importanti fil-ħajja. Waqt li mill-aspett personali qed jipprova jagħti aktar importanza lill-familja, fir-rigward tal-professjoni tiegħu qed jagħmel sforz akbar biex isib stejjer pożittivi. Waħda minn dawn l-istejjer kienet dik ta’ Żaren Borg li l-Covid-19 kien għoddu ħadlu ħajtu. Wara 21 ġurnata fuq il-ventilator fl-ITU, Żaren beda jirkupra u llum qed igawdi l-ħajja. “X’aktarx għadni nagħmel dan ix-xogħol għax ilaqqgħani ma’ stejjer u karattri straordinarji bħal Żaren u l-familja tiegħu.” jgħid Keith. Kif ukoll jisħaq li l-ġurnalisti huma wkoll frontliners u għandhom responsabbiltà kbira ħafna għax ir-rappurtaġġi u l-mistoqsijiet tagħhom jistgħu jkomplu jagħksu jew jagħtu aktar tama lil ħafna nies li jinsabu fuq ix-xwiek biex ikunu aġġornati bit-tagħrif u l-iżviluppi relatati mal-pandemija u t-tilqima b’mod fattwali u korrett.

Keith huwa ambaxxatur tal-kampanja Saving Our Blue. Waħda mill-isbaħ esperjenzi din is-sena kienet f’Settembru li għadda fil-bajja tal-Għadira waqt attività ta’ ġbir ta’ skart fl-għeluq tal-kampanja ta’ madwar tliet xhur, li matulha ġabru aktar minn 4,250kg skart mix-xtut u l-bajjiet. Keith jirrakonta kif darba bla mistenni kien mar raġel fuqu u qallu li wara li l-mara tiegħu kienet qed issegwih fuq il-midja ikkonvinċiet lill-familja kollha biex ma jużawx aktar plastik li jintuża darba biss bħat-tazzi tal-kafè u meta jmorru l-baħar joqgħodu b’seba’ għajnejn li ma jarmu xejn fil-baħar jew il-bajja għax irrealizzaw il-ħsara kbira għall-ambjent u saħħithom.

Bħala ambaxxatur ukoll tal-qari Keith jisħaq dwar l-importanza tal-qari minn età żgħira u l-influwenza tal-ġenituri f’dan ir-rigward. “Ironikament sakemm kelli madwar 12-il sena ma kontx inħobb naqra kotba. Dan kien rifless fir-riżultati li kont qed nikseb l-iskola. Kont ‘D’ student! Dan hu l-messaġġ ewlieni li nwassal lit-tfal kull darba li mmur naqralhom u nispjegalhom l-importanza tal-qari fl-iżvilupp tal-ħsieb, tal-personalitá u l-kreattivitá tagħhom. Kif jien personalment irrealizzajt is-sbuħija u l-effett inkredibbli tal-qari ta’ kotba u rivisti ta’ kwalitá, kont qed insibha aktar faċli biex nesprimi ħsibijieti b’mod verbali u bil-kitba. Nixtieq inħeġġeġ lill-ġenituri jaqbdu ktieb quddiem uliehom u jaqraw għal ftit minuti kuljum. L-eżempju jkaxkar u huma jistgħu jkunu l-aktar ‘influencers’ effettivi ta’ wliedhom.”

Nistaqsu wkoll lil Keith dwar x’inhuma l-ħsibijiet tiegħu fuq is-saħħa mentali. “Is-saħħa mentali nipprova nieħu ħsiebha iktar mis-saħħa fiżika. Il-ġirja ta’ 30 minuta li mmur nagħmel kważi kuljum hi l-aqwa mediċina li nsib biex nibqa’ mentalment b’saħħti u dan hu l-parir li nagħti lil kull min għaddej minn sfidi ta’ dan it-tip. L-eżerċizzju fiżiku, ġest ta’ qalb tajba u l-mogħdrija huma l-aqwa għodod biex tħossok tajjeb u parti mill-komunitá. Il-pandemija għenet ħafna nies jirrealizzaw aktar l-importanza tal-familja, tal-ambjent u tas-saħħa iżda wasslet ukoll biex iktar nies iħossuhom frustrati, mimlija tensjoni, waħedhom jew iżolati. Telefonata, messaġġ jew stedina għal kafé lil xi ħabib jew persuna li ilek ma tikkomunika magħha u tħoss li jaf qed tbati fis-skiet, jistgħu jagħmlu differenza kbira. Jekk aħna lkoll naħsbu aktar f’xulxin ngħixu b’aktar serenitá u kuntentizza.”

L-inġustizzja, id-diskriminazzjoni u n-nuqqas ta’ rispett jew apprezzament huma fost l-aktar li jweġġgħu lil Keith.

Għall-mistoqsija ta’ x’kienet l-akbar qlajja’ li qalgħu fuqu Keith qalilna li ma jiftakarx waħda partikolari. “Jiena mhux tip li nkun konfrontattiv jew ninkwieta fuq x’qal dak jew l-ieħor. Nipprova ngħix kull sekonda bl-aħjar mod li nista’ mingħajr ma nweġġa’ lil ħadd u meta jkun hemm min jipprova jweġġgħani, nipprova nżomm kalm billi nikkontrolla l-emozzjonijiet ‘negattivi’ tiegħi u ma nweġibx mill-ewwel. Ħafna drabi dan nagħmlu billi noqgħod ‘il bogħod minn dik is-sitwazzjoni jew persuna sakemm jikkalmaw l-affarijiet. Sibt li kull darba li naħfer inkun ferm aktar kuntent miegħi nnifsi u jkolli aktar enerġija ‘pożittiva’ biex nimxi ‘l quddiem. Fil-ħajja hemm ħafna aktar pożittiv milli negattiv. Ejjew niffukaw fuq dak li sejjer tajjeb f’ħajjitna u napprezzaw dak li jagħmilna tassew kuntenti bħall-familja, ħbieb, sport u volontorjat (speċjalment meta ngħinu lil ħaddieħor!)”.

Keith mat-tifla tiegħu Rianne

Keith jgħidilna li bin-natura tax-xogħol tiegħu ma tantx hemm affarijiet li ma tkellimx dwarhom fil-pubbliku. “Hemm min jaħseb li dan hu żvantaġġ. Jiena nħossni privileġġjat li għandi pjattaforma bħal din fosthom fuq ‘Skoperta’ fejn nista’ nesprimi ħsibijiet u esperjenzi li possibilment jistgħu jgħinu persuni oħrajn li jkunu għaddejjin minn żmien ta’ sfida jew inċertezza. Dan l-ahhar kont ferhan se ntir nara lit-tifla Rianne tghaddi mill-ezami tal-A level fis-soċjoloġija fl-ewwel sena tal-post-sekondarja. Inkwetaw inqas u tbissmu ferm iktar. Il-ħajja qasira wisq.”

Keith jikkonkludi l-intervista b’dan il-messaġġ għalikom is-segwaċi u l-qarrejja ta’ Skoperta. Ċertament li min jaf lil Keith, jista’ jikkonferma l-ġenwinità ta’ dan il-messaġġ.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks