Riċentament waqt il-programm Popolin li jixxandar kuljum, mit-Tnejn sal-Ġimgħa, fis-7pm fuq TVM, ġie diskuss is-suġġett tal-ewtanasja.
Anna Scerri, irrakkuntat kif hija tilfet lil missierha u żewġ ħutha kawża ta’ mard terminali u li wieħed minn ħuha xtaq imut qabel il-waqt, jiġifieri xtaq l-ewtanasja.
Madanakollu hi stqarret li minkejja t-tbatija li għaddew minnha, tħoss li huma sabu l-paċi u skoprew l-imħabba u r-rispett f’dak li kienu għaddejjin minnu. Tgħid ukoll li kieku ħuha ħa l-ewtanasja kienu jitilfu 3 snin esperjenzi li minkejja li kienu iebsin kemm għal ħuha u kemm għalihom, għaddewhom flimkien sal-aħħar.
Wara li tisma’ storja bħal din iġġiegħlek tirrifletti ż-żewġ perspettivi. Il-ħajja għandha valur u m’għandek qatt taqta’ qalbek, imma min-naħa l-oħra bniedem li għaddej minn mard terminali għandu dritt li jagħżel li jtemm is-sofferenzi tiegħu b’dinjità?
Int x’taħseb? Taqbel? Assolutament ma taqbilx? Kellek lil xi ħadd qrib tiegħek li xtaq jagħmel din l-għażla u ma setax?
Nixtiequ niskopru l-ħsieb u l-opinjoni tiegħek. Ikkummentalna hawn taħt jew ibgħatilna email fuq info@skoperta.net
