Nitkellmu ma’ Bjorn Formosa
Nhar l-Erbgħa 25 ta’ Novembru fis-7.30pm se jsir Charity Dinner ġewwa Ta’ Ċensu, il-Marsa. L-għan ta’ dan l-avveniment hu biex ikomplu jinġabru l-aħħar fondi għat-tieni Dar Bjorn. Għal dan l-avveniment se jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji, distanza soċjali bi ftit nies fuq l-imwejjed u b’distanza kif meħtieġ.
Bħalissa beda x-xogħol ta’ kostruzzjoni ta’ Dar Bjorn, u mistenni li fix-xhur li ġejjin ikun hemm avvanz sew tant li titlesta l-binja b’ġebel u saqaf.
Dar Bjorn toffri servizz olistiku ta’ bosta servizzi mediċi u terapewtiċi, tislif ta’ apparat mediku u residenza permanenti ġewwa Dar Bjorn stess fost oħrajn.
Nistaqsu lil Bjorn kif jirnexxilu jżomm determinazzjoni tant qawwija minkejja l-isfidi personali ta’ kuljum. “Billi nibqa’ iffukat fuq l-għan ta’ dan kollu u dejjem naħseb fin-numru kbir ta’ nies li għandhom bżonn l-għajnuna tagħna. Dejjem iffukat fuq dak li rrid nagħmel u minkejja li stajt għamilt ċerti żbalji, xorta għenu biex nitgħallem minnhom u nibqa’ miexi ‘l quddiem f’dak li rrid inwettaq. Is-sodisfazzjon tiegħi hu li jirnexxilna noħolqu soluzzjonijiet ġodda li qabel ma kinux jeżistu għal dawk li qed ibatu” iwieġeb Bjorn.
Għal Bjorn, il-mara tiegħu Maria hija fundamentali biex tfornixxi kontinwazzjoni fil-ħidma tiegħu ta’ kuljum u f’dak kollu li jkollu bżonn. “Għext l-ewwel 30 sena ta’ ħajti mingħajr ma kont esperjenzajt ċerti emozzjonijiet u qatt ma bsart li fi żmien daqstant diffiċli kont ħa niltaqa ma’ din it-tfajla daqshekk speċjali.” jgħidilna Bjorn. Jisħaq ukoll li Maria tagħmel ħafna xogħol minn wara l-kwinti li mingħajru ma kinux jaslu fejn irnexxilhom jaslu llum.

Agħti l-kontribut tiegħek permezz tan-numri t’hawn taħt:
Ċempel:
51002017 – €20
51902075 – €50
SMS:
50618271 – €11.65
Pledges – 21311311
BOV Mobile Pay – 79096249

Direttriċi u Editriċi