Merħba
Nibda’ billi minn qalbi nirringrazzja lil Roberta u lil Janice għal din l-opportunità li naqsam il-ħsibijiet tiegħi magħkom permezz ta’ Skoperta.
Dawn il-ħsibijiet jiġu ispirati mill-ħajja tiegħi. Kemm minn esperjenzi personali li għaddejt minnhom, kif ukoll dawk ispirati minn narrattivi tal-klijenti tiegħi. Tajjeb li ngħid li nitgħallem kuljum mill-esperjenzi li niltaqa’ magħhom. Infatti nipprova nsib ħin biex nipproċessa dak li nħoss – din saret parti integrali mill- eżistenza tiegħi.
Tajjeb li nintroduċi ruħi – Jiena warranted counsellor, studjajt il-psikoloġija u l-counselling. Naħdem b’integrative approach – jiġifieri naħdem skont il-bżonn tal-klijent/a li jkun hemm quddiemi dak il-ħin. Ħdimt/naħdem ma’ tfal, adoloxxenti, adulti u koppji. Nemmen li kull bniedem għandu l-potenzjal tiegħu/tagħha. Iżda xi kultant dan ma nirrealizzawhx u għalhekk ma napprezzawx lilna nfusna biżżejjed u nibqgħu staġnati f’sitwazzjonijiet li xejn ma nkunu kuntenti bihom. Nemmen li għandi nissapportja lill-klijenti tiegħi b’tali mod li dak li jkun mhux biss jara l-problema iżda jara wkoll opportunitajiet oħra li jeżistu.
Jiena wkoll theatre arts practitioner. Minbarra l-esperjenza vasta u taħriġ fl-arti performattiva, jiena nagħmel użu wkoll mid-drama bħala terapjia, biex dawk li jħossuhom mingħajr vuċi jkollhom iċ-ċans jesprimu ruħhom. Infatti, iddedikajt it-teżi tiegħi dwar dan u kont ukoll involuta f’diversi proġetti li huma relatati ma’ dan il-għan.
Dan se jkun spazju fejn se jkollna l-opportunità li kultant nieqfu u naħsbu. Kultant qisna magni għaddejjin minn ħaġa għal oħra. Kultant huwa tajjeb li nieqfu u nieħdu n-nifs u naraw fejn sejrin jew fejn nixtiequ mmorru.
Mhux bil-fors ikollna direzzjoni ċara.
Mhux bil-fors li kollox ikun ward u żahar.
Ħafna drabi mhux se nkunu kuntenti b’kollox.
Normali ..ftakar .. m’intix waħdek.
Li ssib il-paċi anke fil-konfużjoni huwa rigal li tista’ tagħti lilek innifsek.
F’dan l-ispazju se jkollna wkoll l-opportunità li niġu wiċċ’ imb’wiċċ ma’ problemi li niltaqgħu magħhom fil-ħajja tagħna, kemm dawk marbuta ma’ bidliet li ngħaddu minnhom fil-ħajja, kif ukoll ma’ kundizzjonijiet marbuta ma’ saħħa mentali.
Nitkellmu aktar dwar dan fil- gimgħat li ġejjin.
Inwiegħed li nżomm appuntament magħkom minn gimgħa għal oħra. Kif ukoll nagħmel ħilti kollha biex inwieġeb mistoqsijiet li jista’ jkollkom.
Saħħa, paċi u tislijiet

Counsellor
99115406