Intervistajt mara li xtaqet tibqa’ anonima, fuq l-esperjenza li għaddiet minnha f’żgħozitha u li tista’ tgħid bidlitilha ħajjitha. Persuna li rat applikazzjoni fuq il-gazzetta għal opportunità fuq xogħol ta’ hairdresser barra minn xtutna, applikat u sabet ruħha ittrafikata għal skopijiet żienja.
X’ħajjrek tapplika għal dan ix-xogħol?
Jien minn dejjem kont inħobb ix-xagħar. Kont ili naħdem minn mindu kelli 14-il sena u l-ħolma tiegħi dejjem kienet li xi darba nkomli nitħarreġ u niftaħ hairdressing salon għal rasi. Kif rajt l-applikazzjoni fuq il-gazzetta ġġennint għax kienet dik l-opportunità li kont ilni nistenna! Din kienet opportunità li naħdem ġewwa s-Saudi Arabja ġo salon rinomat għal sitt xhur. Ċempilt in-numru li kien hemm fuq l-applikazzjoni, qabditni mara Maltija u għamilna appuntament biex niltaqgħu sabiex nitkellmu iktar fid-dettal.
Ġrejt ngħarraf mill-ewwel lil ommi u l-missieri bl-appuntament, avolja jkolli nistqarr li ommi ma tantx kellha feeling sabiħ fuq din il-biċċa. Sewwa jghidu, qalb l-omm tħebber!’
Kemm kellek żmien?
Kelli 20 sena u kont fil-fjur ta’ żgħożiti. Kont għarusa ġuvni li kien jirrisspettani ħafna u ma ridnix immur! Ovvjament, kont diġà deċiża u għażilt li mmur xorta. Kelli kollox lest biex niżżewweġ iżda rnexxieli nikkonvinċieh li dan il-pass kien pass importanti ħafna għall-ġid finanzjarju tagħna. U għaddiet tiegħi!
Kif mar l-appuntament u x’kienet l-offerta li għamlitlek?
Kollox kien jidher sabiħ u kollox beda jħajjarni. Kienet mara attraenti ħafna u tan-negozju. Kellha kariżma u ħadet grazzja miegħi. Riditni nitla’ għal sitt xhur u offrietli li noqghod fl-appartament tagħha biex tiffrankali l-flus. Qaltli li se tgħallimni ħafna u li se tagħtini saħansitra paga tajba wkoll. Talbitni d-dokumenti mill-ewwel għaliex qaltli li f’pajjiż Għarbi jdumu ftit biex jgħadduhom peress li mara! Iżda serħitli rasi li magħha ma kien se jonqosni xejn.
Waslet il-ġurnata tas-safra. Ħudni fuq vjaġġ sas-Saudi Arabja.
Niftakar qisu l-bieraħ Steph. Kont veru eċċitata li se tibda l-avventura tiegħi. L-għarus tiegħi wassalni l-ajruport għax hi kienet diġà telqet. Ftehmna li niltaqgħu Kajr, l-Eġittu u qaltli biex nitgħatta minn rasi sa saqajja minhabba l-kultura tagħhom. Tinsiex li f’postijiet Għarab in-nisa ma kinux stmati, u għadhom. Però kienu agħar mil-lum il-ġurnata. Sakemm ħadt l-ewwel pass fuq l-eskelejter, l-għarus tiegħi ma telaqnix minuta u għadni niftakar kemm għafasli qalbi bil-biki li beka. Sa l-aħħar ma ridnix immur! Iżda ma stajtx indur lura, issa tard wisq.
Irkibt l-ajruplan waħdi sa Kajr u kif inżilt stennejtha fl-ajruport għax dawk kienu l-istruzzjonijiet li tatni. Irġiel biss kull fejn tħares, nisa ma tarax. Stennejt ftit mhux ħażin, imbagħad ċemplitli biex tgħidli li kienet waslet. Kont bilqiegħda fil-gate tal-connection flight u fil-pront nisma’ raġel jgħajjat ‘Madame Madame’. Kienet hi! Kienet liebsa libsa bajda trasparenti mill-iktar indiċenti u kull raġel li kien hemm dar magħha, donnhom xi servjenti. Irrealizzajt li f’dawn il-postijiet kellha s-saħħa u kienet mara importanti. Qalbi għamlet tikk! U dlonk irrealizzajt ukoll li dħalt f’nassa kbira.
Irkibna l-ajruplan u ġejna mogħtija l-aqwa postijiet bħala VIP fil-Club Class. Kulħadd idur magħna u jaqdina mill-koxxa. Kien vjaġġ twil għall-ajruport internazzjonali King Abdulaziz u għajjejt ħafna. Matul il-vjaġġ tatni iktar struzzjonijiet u ħakmitni ħafna biża. Qaltli biex ma nieħu xejn mingħand ħadd, ma nkellimx irġiel u ma ndaħħalx irġiel id-dar. Diġà kont bdejt nisħet is-siegħa u l-mument li qiegħda hemm u irrealizzajt mill-ewwel kemm ħallejt imħabba warajja. Ħallejt nies li kienu jipproteġuni. Issa ma kelli lil ħadd. Issa kont waħdi!
Wasalna fl-ajruport ta King Abdulaziz u ġie r-raġel tagħha għalina. Hemm skoprejt li kienet miżżewġa, iżda għal xi raġuni r-raġel tagħha ma kienx jidher sewwa. Kien qisu marid u bdiet tistmah qisu xi skjav. Kien akkumpanjat minn xi rġiel oħra. L-affarijiet li qaltli biex ma nagħmilx bdiet tagħmilhom hi. Tiċċaċċra mal-irġiel li kienu magħna fil-karozza b’ħafna kunfidenzi. Kulħadd iħares lejja b’intenzjonijiet żienja. Ħassejtni mneżża’. Ħassejtni mneżża’ minn kull dinjità u rispett. Il-vjaġġ tal-karozza kien wieħed twil ukoll, però wasalna b’wiċċ il-ġid. Niżżlulna l-bagalji u minnufih bdiet iddawwarni mal-palazz u anki mas-salon li kien parti minnu. Salon il-ġmiel tiegħu, kbir, spazjuz u atrezzat b’apparat mill-aqwa, lissint tbissima. Kien imiss imbagħad li teħodni fil-kamra tiegħi. Kmajra żgħira ħafna b’sodda, gwardarobba u skrivanija. Kollox ippustjat bl-eżatt, iżda kellha gallarija ċkejkna. Lanqas kienet qisha parti mill-palazz li urietni.
Hi kienet hairdresser ukoll? Kif kienet l-esperjenza tal-hairdressing?
Le. Kellha mpjegata oħra magħha. Ma kinitx tħallina nitkellmu. Kienet toqgħod għassa fuqna. Hemmhekk it-tradizzjonijiet huma differenti għall-ahhar. Konna naħdmu ħinijiet twal ħafna u xagħar in-nisa kien oħxon immens. It-tiġijiet kienu jsiru fit-tlieta ta’ filgħodu u l-għarusa kienet iġġib magħha reġiment bridesmaids. Konna naħdmu qisna annimali u konna mmexxulha l-ħanut aħna. Meta wasalt biex nieħu l-ewwel paga skoprejt li kienet paga minima u ma tagħtilix! Qaltli li se ġġemmagħhomli hi u tagħtihomli qabel nitlaq. Ma kinitx titmani, kont insofri l-ġuħ u bdejt nimrad. Kont inbati b’uġigħ ta’ ras qawwija. It-tabiba kienet tatni xi pilloli u kont naħbihom fil-keffa ta’ libsa partikolari. Darba fost l-oħrajn qamet f’nofs ta’ lejl, ġiet fil-kamra, fetħet il-gwardarobba, qabdet il-libsa u ċartitha sakemm waqgħu l-pilloli mal-art. Ikkonvinċejt ruħi li din il-mara kienet imxajtna! Darb’oħra kont qed naħdem u waqgħajt mal-art b’ħass ħażin. Ma riditx teħodni l-isptar iżda żewġha offra li jeħodni hu. Ma nafx kif aċċettat! Skoprejt li waqgħajt f’enemija u t-tabiba qaltli li kelli bżonn insostni ruħi sew għax kont anki fil-periklu li nitlef ħajti.
Għalfejn imradt?
Ma kinitx titmani! U jien ma kellix flus biex nixtri l-ikel. Apparti hekk ma stajtx noħroġ mid-dar għax kif kienu jaraw mara waħedha barra kienu jiġbruha l-pulizija! Ġieli kienet tagħtini l-fdalijiet tal-platt tagħha u kont inħossni xxurtjata. Kienet tgħidli biex nuża t-tips biex nixtri l-ikel, u meta kont nixtri kienet teħodhomli. Biex nagħmel belgħa te kien ikolli naħbi t-tea bag! Ir-raġel tagħha ma kienx joqgħod magħha. Iżda ġieli kont ninzertah fil-palazz u kemm-il darba tajt is-salt biex inkellmu! Kien raġel beżżiegħ però kien jitħassarni ħafna. Kien jagħtini xi ikel hu. Darba iddubbali karta u pinna u iddeċidejt li nikteb ittra lill-familja. Ġieli ħallietni nċemplilhom iżda kienet toqgħod maġenbi u ġġegħlni ngħidilhom li jien kuntenta u li kollox kien sew. Kont nibki kull filgħaxija, kif immidd rasi fuq l-imħadda. Kont indawwar il-kuruna tar-rużarju li ommi wadbitli fil-basket ma’ jdejja u kont nitlob. Maż-żmien it-talb beda jiġi karba biex ma nsebbaħx filgħodu.. Ma ridtx ngħix iktar. Kont nitlob lil Alla biex jeħodni. Kienu jkunu ħafna l-mumenti li kont inħares lejn il-gallarija bħala l-unika opportunità biex intemm dan il-martirju. Iżda Alla ma ridnix..
Għalfejn tqis din l-esperjenza bħala traffikar uman?
L-iskop ta’ dan kollu kien hekk biss. Kienu jiġu rġiel differenti kull filgħaxija u kienet iddaħħalhom fil-kamra tiegħi. Darba ġie raġel u qalli li ħajjartu ħafna minn fuq ir-ritratti. Hemm skoprejt li kienet teħodli r-ritratti mingħajr kunsens, meta kont inkun rieqda u kienet turihom lill-irġiel. Riditni naħdem għaliha kemm bħala hairdresser kif ukoll f’affarijiet oħra. Mill-ftit saħħa li kien għad fadalli xi ħaġa kienet qisha tagħtini ftit kuraġġ. Din ma kienet xejn għajr l-imħabba li kelli tistennieni d-dar. U daħħalt f’rasi li se nerġa’ ningħaqad magħhom akkost ta’ kollox. Ma stajtx naħrab għax ma kellix flus.
Bdejt nipprova nikkonvinċiha li nixtieq ninżel lura Malta biex niżżewweġ u nerġa’ nitla’. Kienet tiddieħak bija iżda darba fost l-oħrajn ġiet id-dar b’libsa tat-tieġ! Qaltli li riditni niżżewweġ bil-libsa li xtratli. Kienu għaddew sitt xhur fl-infern tad-dinja u kienet qaltli li qatgħetli passaġġ. Qaltli li se twassalni l-ajruport u li ma kienet se tgħini xejn biex immur lura. Il-pagi ma tathomli qatt! Qaltli li se tagħtihomli malli nerġa’ nitla’ lura. Kien il-mod li użat biex tirrikattani.
Kemm domt is-Saudi Arabja u rnexxielek tinżel lura Malta?
Domt kwazi seba xhur. Irnexxieli nikkonvinċiha u ħallietni nitlaq. L-affarijiet tiegħi ma ħallitnix neħodhom. Il-ħwejjeġ, il-flus u l-affarijiet li tellajt miegħi ħallejthom kollha warajja. Kulma ħadt kien il-passaport u l-handbag. Ir-raġel tagħha kien wassalni l-ajruport u kien tani xi ftit flus. Ma kellix saħħa. Il-vjaġġ ma ried jispiċċa qatt. Sakemm kont qed nistenna fl-ajruport kienu se jarrestawni l-pulizija għax ħasbuni prostituta! Bdejt naqta’ qalbi iżda l-fidi li kelli f’Alla ma ħallitnix.
Kif wasalt Malta spiċċajt l-isptar. L-għarus tiegħi u l-familja kienu rrabjati ħafna iżda ma flaħtx għal iktar inkwiet. Kont ċempiltilha u għidtilha li ma kontx se nersaq iktar lejn is-Saudi Arabja. Hedditni li tirrovinali ħajti. L-għada li żżewwiġt spiċċajt l-isptar u bqajt nimrad ħajti kollha. Però rnexxieli niftaħ is-salon tiegħi li grazzi lil Alla żamm is-suċċess sakemm ħriġt bil-penzjoni.
X’messaġġ tixtieq tgħaddi lil dawk kollha li qed jaqraw l-istorja tiegħek?
Il-Bambin iħares lil kulħadd minn dak li għaddejt minnu jien. Qatt m’għamilt xejn ħażin u qatt ma weġġgħajt lil ħadd. Kont insibha diffiċli biex nifhem għaliex kien jixraqli dan kollu. Fil-ħajja trid tapprezza s-sabiħ kollu li jkollok madwarek għaliex kultant inħoss li aħna aljenati wisq u megħdijja bil-materjaliżmu. Kienet fil-fatt l-imħabba li żammitni ħajja. U dan huwa l-messaġġ tiegħi. Tintilfux titpeċpċu tħarsu lejn l-istilel u tinsew tħarsu lejn il-qamar!
Nirringrazzja minn qalbi lil din il-mara talli qasmet miegħi din l-esperjenza. Ikolli nammetti li qabżitli demgħa wkoll. Tirrealizza kemm hawn min ibati, ħafna drabi fis-silenzju, u kemm għandna nkunu grati għal kull ġurnata li nsebbħu qawwijin u sħaħ.

Kontributriċi