Select Page

Nitkellmu ma’ Tamara Webb

F’sena daqstant diffiċli għal kulħadd, Tamara u r-raġel tagħha Ken, u l-familji tagħhom irċevew l-isbaħ rigal ta’ ħajjithom, it-twelid ta’ Pixie Rose. Minkejja li bħalissa d-dinja kollha għaddejja minn sitwazzjoni diffiċli, hi u Ken jinsabu l-aktar żewġ persuni kuntenti fid-dinja.

Ritratt meħud minn M&J Photo Studio Malta

Nistaqsuha kif inbidlet ħajjithom issa li saru ġenituri. “Il-ħajja tinbidel mill-mument li ssir taf li se jkollok tarbija u mhux wara li titwieled biss, però ma nistax ngħid li qed inħoss in-nuqqas tal-ħajja tagħna kif kienet qabel għax qed ngħixu dak li dejjem xtaqna u allura napprezza kull mument. Ovvjament ikollok ħafna inqas ħin għalik u għalkemm jien dejjem nisħaq li l-bilanċ hu importanti imma peress li t-tifla għadha żgħira ħafna ma tantx nista’ ngħid li sibtu l-bilanċ s’issa. Nagħmel dak li nista’ nagħmel. Ma tistax tippjana li ħa tagħmel ċerti affarijiet bil-fors għax meta jkollok tarbija, speċjalment ta’ età daqshekk żgħira trid timxi ma’ dak li jkunu jridu u jkollhom bżonn huma. Ħaġa li nemmen li hi importanti ħafna li għalkemm it-tfal dejjem ħa jiġu l-ewwel però xorta rridu nieħdu ħsieb tagħna nfusna u nsibu ħin għal dak li jagħmilna kuntenti.”

Tamara tgħidilna li l-ġenituri tagħha dejjem issapportjawha f’kull ma iddeċidiet li tagħmel f’ħajjitha anki f’affarijiet li kienu jinvolvu riskji kbar. Qabel kull pass li għamlet dejjem staqsewha jekk taħsibx li l-pass li tkun se tagħmel se jagħmilha kuntenta. “Il-ġenituri tiegħi dejjem jgħiduli li jekk ma tiħux ir-riskju ma tkunx taf żbaljajtx jew le u mill-iżbalji titgħallem. Dik xi ħaġa li nista’ ngħaddi lil Pixie biex tkun persuna b’saħħitha la tikber.” tgħidilna Tamara.

“Nixtieq li nrabbi lil Pixie b’karattru b’saħħtu biex meta tasal biex tiffaċja l-problemi li toffri l-ħajja tkun b’saħħitha biżżejjed biex tegħlibhom, imma jekk ma tkunx, dejjem ħa ssibni hemm għaliha biex ngħinha tegħleb kull ostaklu li jiġi quddiemha.” tkompli Tamara.

Is-sena l-oħra Tamara nediet is-sit elettroniku tagħha The Balance Queen kif ukoll l-ewwel prodott tagħha The Balance Queen Journal. Ir-rispons fuq dawn iż-żewġ proġetti kien wieħed sodisfaċenti. Tistqarr li ż-żewġ proġetti ifissru ħafna għaliha u għenuha mentalment fi żminijiet mhux daqstant faċli.

Bħalissa qed taħdem fuq proġetti ġodda, li wieħed minnhom ħadmet l-aktar fuqu meta kienet tqila b’Pixie u meta feġġet il-pandemija fejn kienet għamlet tliet xhur litteralment ġewwa. Dak kien iż-żmien fejn bħal dejjem, iddeċidiet li tieħu l-pożittiv minn sitwazzjoni negattiva u taħdem fuq dak li tixtieq twettaq.

Tamara mistennija tniedi żewġ journals oħra, wieħed din is-sena u l-ieħor fil-bidu tas-sena d-dieħla. Qed taħdem ukoll fuq ditta ġdida. “Jien inħobb naħdem fuq affarijiet li jagħmluni kuntenta, u nispera li l-affarijiet li noħloq jagħmlu lil xi ħaddieħor kuntent ukoll.” tgħid Tamara.

Dwar l-impatt negattiv u pożittiv li tħalli l-midja soċjali Tamara tgħidilna li hi ħaġa normali li kull min jikteb u jaqsam xi ħaġa fuq il-midja soċjali dejjem se jkollu min jaqbel miegħu u min jikkritikah. Li jdejqu lil Tamara huma dawk li jużaw dak li jkun intqal u jdawwruh b’mod li jiġi kontrik jew li jista’ jiġi interpretat totalment differenti minn dak li fil-verità ridt tfisser.

“Fil-midja soċjali hawn ħafna bullies li din il-ħaġa tinkoraġġihom aktar biex jiktbu dak li jiġi f’moħħhom u jweġġgħu lil ħaddieħor. Din il-ħaġa l-aktar li ddejjaqni mhux għalija għax issa jien drajt u fl-aħħar mill-aħħar xorta nibqa’ dak li jien, il-mara tar-raġel tiegħi, it-tifla ta’ ommi u missieri imma li ċerti nies jaħsbu li jistgħu jaqbdu u jgħidu li jridu anki bl-iskuża li għax tkun persuna pubblika għandek taċċetta kull ma jintqal hija xi ħaġa negattiva ħafna. Din ħafna drabi taffettwa aktar lin-nies ta’ madwar il-persuna u tista’ tweġġa ħafna.” tgħid Tamara.

Min-naħa l-oħra, l-aktar ħaġa li tagħtiha ferħ u sodisfazzjon lil Tamara hi meta tkun taf li b’dak li taqsam fuq il-midja soċjali tkun qed tgħin lil ħaddieħor. Il-messaġġ li tirċievi minn nies li tkun għamlitilhom differenza bl-esperjenzi li tkun qasmet magħna, partikolarment dawk li tgħinhom jagħmlu kuraġġ biex ma jaqtgħux qalbhom li jkollhom it-tfal.

“Ħafna jafu li ma kinitx faċli biex ikolli lil Pixie, aktar kemm xtaqt, u naħseb li din hi xi ħaġa li taffettwa lil ħafna nisa u koppji. Minħabba din is-sitwazzjoni għamilt żmien ma nħobbx lili nnifsi u naħseb li ġismi ma jaħdimx. Kienet dik ir-raġuni li ddeċidejt li naqsam l-esperjenza tiegħi, tagħna, u nemmen li permezz t’hekk irnexxili ngħin lil ħafna nies.” tgħidilna Tamara.

Ritratt meħud minn M&J Photo Studio Malta

“Il-messaġġ li nixtieq ngħaddi, mhux fuq dan is-suġġett biss, hu li qatt m’għandkom tikkumparaw ħajjitkom ma’ ħaddieħor. Kulħadd għandu l-istorja tiegħu ħafna drabi jidher is-sabiħ biss, imma ħadd ma jkun jaf x’hemm għaddej wara dak il-bieb. Anki jekk ħaddieħor irnexxielu jikseb xi ħaġa mill-ewwel, ma jfissirx li int l-istess u lanqas ifisser li din hi xi ħaġa ħażina, ifisser li ma taqta’ qalbek qatt u tibqa’ taħdem għal dak li tixtieq. Din tapplika għal kollox. Min-naħa l-oħra jeħtieġ li ma niġġudikawx nies u nippruvaw inkunu aktar sensittivi qabel ngħidu xi ħaġa. Meta kont għadni qed nipprova għal Pixie weġġgħuni ħafna nies bi kliemhom, u wara wkoll. M’hijiex faċli imma importanti wkoll li fil-ħajja dejjem tipprova tfittex u taħdem għal li dejjem xtaqt u jagħmlek kuntenta.” tikkonkludi Tamara.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks