Il-gallarija tal-Palazz Presidenzjali jew aħjar tal-Palazz tal-Gran Mastru hija waħda mill-ikbar gallariji li nsibu fil-Mediterran. Din insibuha fuq il-ġnub u tkompli fil-faċċata tal-palazz fuq iż-żewġ naħat tiegħu. Is-saljaturi tagħha huma magħmulin minn injam u stukko u oħrajn huma skolpiti fil-ġebel. Fihom naraw l-istremma tal-Ordni ta’ San Ġwann u oħrajn l-istemma ta’ xi Gran Mastri. L-oħrajn għandhom disinn verament interessanti.

L-iktar waħda li tispikka hija dik li naraw fil-kantuniera bejn Triq l-Arċisqof u Pjazza San Ġorġ. Din is-saljatura partikolari tiġbed l-attenzjoni għall-forma kurjuża li fiha. Hawn naraw żewġ figuri li jinsabu wieħed fuq spallejn l-ieħor b’idejhom miftuħin. Taħthom naraw wiċċ grottesk li huwa influwenzat mill-maskli drammatiċi tal-Greċja l-antika. Dawn il-maskli kienu u għadhom jissimbolizzaw it-Teatru. Dawn kienu jsiru l-iktar biex ibiegħdu l-għajn u kull saram mir-residenti li kienu joqogħdu f’dak il-bini fejn ikunu. Il-figura ta’ fuq qiegħda tgħajjeb b’ilsienha lil min iħares lejn il-gallarija.  

Din is-saljatura kienet interpretata kemm-il darba li setgħet saret biex tissimbolizza l-bluha tal-Karnival li fi żmien il-Kavallieri kien jilħaq il-qofol tiegħu f’din il-pjazza. Iżda l-aktar teorija plawsibbli hija li din saret hekk biex tkun tista’ tbiegħed l-għajn ħażina mill-istess bini. Din il-ħaġa hija preżenti ħafna fil-kultura antika speċjalment fl-Amerika t’Isfel u fl-Asja Ċentrali li meta bniedem jgħajjeb b’ilsienu jkun qiegħed ibiegħed l-għajn ħażina. 

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks