Ħafna minna nieħdu pjaċir naraw serje televiżivi, uħud minna anke nirrelataw mat-trawma jew ma’ xi wieħed mill-karattri, imma Dr Naser Alazari ħa dan għal livell kompletament ogħla!!
Imwieled u mrobbi fl-Iraq, Alzari wera x-xewqa li jsir tabib minn mindu kellu 18-il sena. Wara li għex bosta gwerer, jgħid li ħass sens ta’ obbligu li jkun t’għajnuna f’dinja ta’ tbatija umana, faqar u mard.
Wara li kellu jħalli pajjiżu minħabba l-gwerra, ta’ 24 sena huwa spiċċa bħala tabib bla xogħol ġewwa s-Sirja. Dak iż-żmien, eżattament fl-2007, oħtu Safa insistiet u ikkonvinċietu biex jara s-serje Grey’s Anatomy, li tajjeb li ngħidu li għall-ewwel ma ried jara b’xejn.
Mill-ewwel mument li sema’ l-vuċi ta’ Dr Meredith Gray (Ellen Pompeo) wieħed jista’ jgħid li affettwatu tant li nisslet bidla fil-ħajja tiegħu! Hu stess jgħid li meta semagħha tagħmel ir-rakkont kif tagħmel f’kull episodju, xebbaħha ma ‘Aria‘ ta xi Opera.
Minn hemm għamel ħiltu biex jimbutta lilu nnifsu biex iżid il-ħiliet u l-istudji tiegħu bil-għan li jaħdem fl-Istati Uniti tal-Amerika fejn ċertament seta’ jilħaq l-għanijiet professjonali tiegħu.
U x-xogħol iebes tiegħu rnexxa!
Illum, fl-età ta’ 36 sena huwa tabib magħruf, kif ukoll ‘Senior Surgical Advisor ‘ għas-serje Grey’s Anatomy. Il-kompetenza medika tiegħu hija definittivament ta’ benefiċċju kbir biex tagħmel din is-serje tant awtentika u realistika. Meta ix-‘showrunner’ tas-sensiela Krista Vernoff kellha dubji dwar jekk kellhiex tindirizza l-pandemija tal-koronavirus fuq is-serje, Dr Alazari kien strumentali biex jikkonvinċiha li din kienet it-triq ‘il quddiem. Li kien mod eċċellenti kif ikunu mat-telespettaturi tas-serje f’dan iż-żmien diffiċli ħafna, u turihom il-fatti bl-aktar mod realistiku possibbli.

Hu jisħaq li s-serje Grey’s Anatomy dejjem kisbet tifħir għall-immaniġġjar tal-istejjer tagħha dwar bosta kwistjonijiet mediċi u suġġetti sensittivi inklużi l-mortalità materna, abbuż sesswali u t-traffikar uman. Għaldaqstant, din id-darba m’hijiex se tkun eċċezzjoni u se jindirizzaw il-koronavirus b’sens ta’ responsabbiltà.
Kull min ra l-episodji riċenti ta’ Grey’s Anatomy żgur li jaqbel li Dr Alazari u t-tim tiegħu, il-crew, u l-kast kollu qedgħin jagħmlu xogħol eċċellenti!

Kontributriċi