Dak il-lejl ma stajtx nagħlaq għajn m’għajn.
Għadni niftakru qisu lbieraħ. U nibqa’.
Oħti Helen.
Dakinhar kont tlift lil oħti.
Għalkemm kull min jitlef lil xi ħadd għażiż għalih, speċjalment meta jkunu parti minn familtu, kulħadd jiddispjaċih u jħoss it-telfa, jien tlift iżjed minn hekk. Jien dakinhar kont tlift parti minni.
Helen.
Helen kienet oħti t-tewmija.
Kienet eżatt ix-xbieha tiegħi. U iva, forsi xagħarha kien xi ftit aktar ċar minn tiegħi, imma mill-bqija, meta nħarsu lejn xulxin, konna qisna qegħdin inħarsu lejn mera.
Ommi kienet tlibbisna l-istess. Ilbiesi rrakkmati sbieħ, kalzetti pariġġ, żraben jaqblu ma’ ta’ xulxin……..saħansitra x-xagħar; kienet tagħmilulna l-istess stil. Kienet tħobb tarana qisna żewġ pupi l-istess eżatt. U kull fejn immorru kienu jiggustawna…….
Iżda dak il-lejl ma stajtx norqod.
Ommi kienet qiegħda isfel f’kamritha flimkien ma missieri. Kont rajtha aġitata. Lanqas biss kienet kellmitni. Ġurnata sħiħa tibki. Rajt lil missieri jagħtiha żewġ pirmli bojod, minn dawk tal-pakkett aħmar, daħlet f’kamritha tirtogħod u żżomm mal-ħajt u ma smajthiex tagħmel aktar ħsejjes.
Kienet raqdet.
Aħjar kien tani mqar waħda minn dawk il-pirmli wkoll għaliex jiena dak il-lejl kont għaddejtu nħares lejn is-sodda ta’ Helen.
Sodda vojta.
Fid-dlam tal-kamra stajt nara d-dell ta’ sodditha jirrifletti fuq il-ħajt, hekk kif id-dawl nemniemi tal-qamar kien qed jiffiltra ruħu minn ġol-purtiera tal-ħarir li kellna mdendla mat-tieqa.
Għaddejt lejl sħiħ bilqiegħda f’soddti, mgħannqa mal-imħadda.
Issa ma min kont se nilgħab? Ħarist lejn il-ballun fil-kantuniera tal-kamra u lejn il-pupi mqiegħda fil-kaxxa tal-plastik ikkulurita. Issa ma kelli lil ħadd.
Għannaqt l-imħadda aktar bis-saħħa u għaddejt il-lejl sħiħ nisma’ l-ħsejjes tar-riħ ivenven barra kamarti, it-tabelli ta’ xi ħwienet iżaqżqu mar-riħ f’sinfonija monotona u l-inbiħ tal-klieb fil-bogħod.
Bdejt inħossni waħdi.
Kelli dwejjaq kbar.
Dak il-mument kont se nibqa’ niftakru għal għomri.
Dakinhar filgħodu, il-mama’ kienet ħarġet bina t-tnejn ħalli mmorru nagħmlu x-xirja tas-soltu mingħand tal-merċa.
Helen kienet fuq tagħha. Anke jien ta……..imma Helen kienet aktar fuq ruħha minni. Lanqas biex timxi ma kellha paċenzja għax il-passi kienet taqbiżhom.
Dakinhar, jiena u oħti konna lebsin żewġ ilbiesi roża bil-bizzilla mal-għenuq. Max-xagħar, il-mama’ kienet ħadet ħsieb iddawwrilna żewġt iċfuf pariġġ il-libsa.
Malli għaddiet bina t-tnejn mit-triq, ħarġet Duminka tal-ħanut tal-laħam tħares lejna.
Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla……

Avukata u Awtriċi