Select Page

Nitkellmu ma’ Joseph Debono

Joseph, ftit ġimgħat ilu żvelajt pubblikament li għandek l-ALS. X’wasslek biex taqsam l-istorja tiegħek pubblikament?

Huwa n-natural tiegħi li nitkellem u nikkomunika. U ħassejt ukoll li b’hekk stajt ngħin lil Bjorn fil-ġbir ta’ fondi, u lil oħrajn bħali li għandhom ALS. Barra minn hekk ma narax għalfejn għandi naħbi l-kundizzjoni.

Wara l-ewwel reazzjonijiet ovvji kif sirt taf li għandek din il-marda, x’kienu l-ewwel ħsibijiet tiegħek sabiex b’xi mod tkompli għaddej b’ħajtek kif tista’?

L-ewwel ħsieb kien li ma xtaqtx inkun ta’ piż fuq ħadd. Imbagħad mill-ewwel bdejt naħseb għal tibdil fid-dar biex innaqqas it-tbatija u l-periklu, pereżempju bħal sodda isfel biex nevita t-taraġ.

Huwa proċess twil biex wieħed jaċċetta u jadatta għal realtà kompletament differenti milli jkun imdorri jgħix fiha. Minn fejn iġġib id-determinazzjoni għal dan?

Li taċċetta s-sitwazzjoni l-ġdida hija kruċjali. Ladarba aċċettajtha stajt ukoll naħseb f’soluzzjonijiet. Id-determinazzjoni tiġi wkoll bl-għajnuna tal-mara u tal-familja, u tal-kuraġġ u l-pariri ta’ Bjorn.

X’kienet ir-reazzjoni tiegħek għar-rispons tan-nies wara li tkellimt pubblikament? Kont qed tistenna rispons bħal dak?

Emozzjoni kbira. Għamilt tlett ijiem nibki, naqra l-messaġġi sbieħ li rċevejt. U kważi ma weġibt lil ħadd daqs kemm kien hemm. Xi wħud minnhom weġibthom ħafna wara. Stennejt rispons, imma mhux daqshekk. Kellmuni ħbieb li kont ilni ma nkellimhom snin, u ħafna nies oħra li ma nafhomx. Is-solidarjetà li ħassejt ferħitni mhux ftit.

Liema huma l-akbar sfidi li qed tiffaċja bħalissa? U x’inhi l-akbar biża’ tiegħek?

L-isfidi huma l-ħin kollu. Kollox sar diffiċli. L-ikbar sfidi bħalissa huma ż-żewġ tarġiet ta’ quddiem il-bieb, u li minħabba fihom qed nibża noħroġ, u bil-lejl, l-irqad sar ikkumplikat. L-akbar biża bħalissa hi li ma nkunx nista’ nitkellem ċar.

L-ALS biddlitlek il-perspettiva ta’ kif tħares lejn il-ħajja?

Mhux eżatt. Jien għadni nemmen li l-ħajja sabiħa, u li huwa sabiħ li titkellem u taqsam ma’ oħrajn. Il-perspettiva nbidlet lejn il-possessjonijiet. Illum inħoss li kull ma fadalli li huma tassew tiegħi huma moħħi u ħalqi, għax fuq dawk biss għandi kontroll.

X’differenza għamel u għadu jagħmel Bjorn fil-ħajja tiegħek?

Differenza kbira. L-ewwelnett bil-kuraġġ li tani, u għadu jtini kull meta nkellmu. Bjorn, kif isemmilu problema, mill-ewwel jaħseb fis-soluzzjoni, u f’salt wieħed, il-problema ma tibqax tbeżżgħek. Bjorn tani wkoll għajnuna materjali bħas-sodda, u l-apparat li bih inħaddem il-kompjuter b’għajnejja.

Kemm huma importanti l-irwoli ta’ dawk l-aktar qrib tiegħek f’ħajtek?

Vitali. Il-mara tiegħi Tanya l-aktar. Illum niddependi kważi għal kollox fuqha. Il-ħin kollu. Inħossni ħarbattilha ħajjitha. U ma nistax nirringrazzjaha biżżejjed. Ibni Peter li jgħix magħna u li wkoll jgħini ħafna. Imbagħad hemm ħuti li jiġu malli jkolli bżonn.

Joseph flimkien mal-familja tiegħu

L-għajnuna fiżika hi essenzjali, iżda xi ngħidu dwar għajnuna psikoloġika? Int personali, f’liema mumenti ħassejt il-bżonn li tfittex l-għajnuna minn dan l-aspett ukoll? Tħoss li saret differenza permezz ta’ din l-għajnuna?

Bjorn offrieli servizz ta’ counsellor. Sibtu ta’ għajnuna kbira. Ma’ Etienne mill-ewwel sibtni komdu nitkellem. Jien għandi tendenza nhewden u naħseb ħafna, l-aktar bil-lejl. Ma’ Etienne, dan it-thewdin, li jista jtaqqalna, jirnexxili nitkellem dwaru. Mhux il-ħażin biss. Nikellmu wkoll dwar ħafna esperjenzi sbieħ. Tajjeb ngħid ukoll li jien involut f’attivitajiet, bħalissa virtwali, li għenuni nibqa attiv mentalment.

Huma ħafna li minkejja li jkollhom intenzjonijiet tajba u ġenwini, ma jkunux jafu kif għandhom jaġixxu f’sitwazzjonijiet bħal dawn. X’messaġġ tgħaddi lill-persuni li għandhom lil xi ħadd qrib tagħhom li qed jikkumbatti ma’ din il-marda?

Ma jibżgħux ikellmuhom. Ħafna jibżgħu li ma jkunux jafu x’se jgħidu. Ma jimpurtax, il-persuna turik kemm trid titkellem. U ħaġa oħra. Offru l-għajnuna, imma tisfurzawhomx iżżejjed. Ħalluhom jiddeċiedu huma. Il-kapaċità mentali tagħhom ħafna drabi tkun għadha tajba.

U x’messaġġ tgħaddi lil min għadu kemm isir jaf jew għad irid isir jaf li għandu din il-marda?

Kif issir taf, daqqa iebsa ħafna. Jien tgħidx kemm bkejt. Imma mbagħad trid tibda t-triq biex taċċetta s-sitwazzjoni. Malli taċċettaha, tkun tista’ tibda taħseb dwar soluzzjonijiet. U tiddejjaqx titkellem dwar il-kundizzjoni. Meta titkellem tinduna li m’intix waħdek.

Kieku kellek tmur lura fiż-żmien tbiddel xi ħaġa minn dak kollu li għamilt?

Ma rridx ninstema prużuntuż, għamilt żbalji f’ħajti. Imma l-ħajja mhux hekk? Kollox ma’ kollox jien għext ħajja sabiħa, u kelli ħafna esperjenzi interessanti. Allura kuntent b’dak li għamilt f’ħajti.

Il-karattru ta’ James Bondin.

James Bondin kien wieħed minn dawn l-esperjenzi sbieħ. Għal tlettax-il sena għext mumenti b’karattru differenti li laqqgħani ma ħafna nies, u hemm ħafna oħrajn li jafuni mit-TV u qatt ma ltqajt magħhom. Kważi kollha jitkellmu tajjeb dwar James Bondin. U speċjalment fil-bidu, l-esperjenza live f’Xarabank kienet ta’ sodisfazzjon kbir.

Għadha teżisti l-komiċità f’Joseph?

Iva ta. Ikolli mumenti tad-daħk ukoll minħabba l-kundizzjoni tiegħi. Ukoll meta nara l-aħbarijiet, jgħadduli ħafna ħsiebijiet satiriċi. Għandi bżonn nerġa’ nibda niktibhom.

Żewġt ipraspar ħelwin li għamilt f’ħajtek.

Waħda minnhom meta żżewwiġna, meta morna għal qamar il-għasel il-Kanada. Minħabba l-maltemp, l-ajruplan ma setax jinżel Toronto u ħaduna Cħicago għal lejl. L-għada filgħodu, x’ħin ġiet ir-rappreżentanta tal-linja tal-ajru, diġà kont inkwetat li konna tard għat-titjira tal-11.00 u ħtaftha ftit. Imma hi qaltli “Relax. It is still 9.00 O’clock!” Ma kontx indunajt li bejn Toronto u Chicago ridt immexxi l-arloġġ siegħa lura!

L-oħra, tmur iktar lura. Meta konna żgħar. Oħti sena akbar minni. Kellha pupa għal qalbha ħafna, b’xagħarha isfar, innukklat. Ma nafx x’fettilli, imma kont qtajtilha xagħarha! U darb’oħra pinġejtilha wiccha bil-biro, taparsi għandha l-ħożba. Oħti għadha tgħajjarni bihom sal-lum.

Ftit jiem ilu Joseph ippubblika wkoll ir-rumanz tiegħu iz-Ziju Manwel.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks