Select Page

Sfortunatament huma ħafna li jgħaddu minn xi tip ta’ bullying xi darba jew oħra f’ħajjithom. Hi realtà li bosta jgħixu fiha kuljum u kullimkien.

Il-bullying huwa kaġun ta’ dwejjaq, ansjetà u inċertezzi li jkollhom jiffaċċjaw persuni minn sfondi differenti fis-soċjetà, ħafna drabi wkoll fis-skiet. Jista’ jħalli konsegwenzi serji u kapaċi jkisser kompletament ħajja ta’ bniedem.

Kull wieħed u waħda minna għandna l-obbligu u r-responsabbiltà li nagħtu s-sehem tagħna biex nippruvaw inbiddlu din ir-realtà li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed tinfirex u f’modi differenti.

L-ewwel pass irid jibda minna. Li nieqfu, nisimgħu, u naraw x’nistgħu nagħmlu aħna biex nagħmlu differenza.

Illum hija l-ewwel ġurnata tal-kampanja Anti-bullying li bdiet l-organizzazzjoni bBrave. Din hija organizzazzjoni volontarja, mhux governattiva, li l-għan tagħha huwa li teduka dwar l-effetti tal-bullying permezz ta’ diversi inizjattivi kontra l-bullying, u anki tgħin lill-individwi li jsofru minn xi tip ta’ bullying isibu l-għajnuna meħtieġa.

Il-kampanja Anti-bullying se tibqa’ għaddejja sa nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Novembru.

Ejjew ningħaqdu flimkien u nagħtu s-sehem tagħna.

Dorianne Mamo u t-tim ta’ 90 Minuta, ingħaqdu ma’ bBrave f’din il-kampanja wkoll.

F’kuntatt li kellna ma’ Dorianne qaltilna li minkejja li hi qatt m’għaddiet minn esperjenzi ta’ bullying iżda minn dejjem ħasset li m’għandhiex tibqa’ siekta fejn tara xi tip bullying u inġustizzji.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks