Ix-xokk li ħolqot il-pandemija tal-Covid għandha tgħallimna ħafna affarijiet. Fost l-iktar affarijiet li għandna nitgħallmu hi kemm aħna vulnerabbli għax-xokkijiet u għall-impatt tagħhom.

Mill-perspettiva tal-ekonomija hemm ukoll elementi ta’ tgħallim importanti. Fosthom hemm il-fatt li anke meta l-ekonomija tkun sejra tajba, il-pajjiż jista’ jkun suxxetibli għal daqqa fil-livell tad-dħul li l-pajjiż ikun qed jagħmel. Il-miżuri ekonomiċi li ġew addotati kienu importanti biex ix-xokk ma jiġix trasmess f’waqa’ fl-impjiegi. Din l-għajnuna tibqa’ ferm importanti hekk kif hemm setturi bħal dawk tat-turiżimu u l-kummerċ li qed jibqgħu jiġu affetwati.

Il-Gvern għandu rwol importanti ħafna f’dan ir-rigward, dak li jonfoq il-flus meta l-ekonomija tgħaddi minn xokk negattiv waqt li jfaddal il-flus meta l-ekonomija tkun sejra tajba. Mingħajr dan il-prinċipju jkun diffiċli li tonfoq il-flus meta l-pajjiż ikun qed jiffaċċja kriżi kemm ta’ saħħa kif ukoll ekonomika.

Hemm ukoll tgħallim iktar fit-tul li għandna ngħarblu fuqu. Hija affaxinanti ta’ kif f’mument ta’ kriżi hemm ħafna setturi li ppruvaw jilqgħu għal dan ix-xokk billi biddlu l-operat tagħhom. F’dan ir-rigward it-teknoloġija kienet element importanti li ippermettiet dan il-kambjament u għandna nistennew li t-teknolnolġija jkollha rwol ferm aktar importanti anke meta l-effett tal-Covid jgħaddi. Għalhekk huwa important li nkomplu ninvestu fit-teknoloġija u d- diġitilizzazzjoni kif ukoll il-ħiliet ta’ kif nużaw din id-diġitilizzazzjoni.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks