Iltqajt ma’ ġuvni barrani tlett snin ilu u bqajna ħbieb. Naf li ilu joqgħod Malta żmien twil iżda qatt m’għaddietli minn moħħi nistaqsih kif u għaliex, sakemm xi ħadd interessatu l-ewwel storja umana ta’ Skoperta u ġie jtarraffli xi ħaġa żgħira fuq l-istorja ta’ ħajtu. Inzertajt inkellmu bil-kunfidenza u staqsejtu minnufih nistax naqsam l-esperjenza tiegħu mal-qarrejja tagħna..

“Ma niħux gost nitkellem fuqha għax il-konsegwenzi ta’ dak li għaddejt minnu nibqa’ nġorrhom miegħi ħajti kollha, iżda ma niddejjaqx naqsamha miegħek għax naf li l-intenzjoni tiegħek hija waħda ġusta. Nixtieq li l-qarrejja jkunu jafu minn xiex għaddejt ħalli jitgħallmu jaraw il-pożittiv u japprezzaw iktar ħajjithom,” kienet ir-risposta tiegħu. Minnufih qbadt id-djarju u l-pinna u beda r-rakkont. Tefa ħarstu ‘l isfel, ħa nifs fil-fond u dak li s-soltu jkun wiċċ daħkani, issa sserja u tbikkem….

Iddesskrivi ftit min int u minn fejn ġej.

Jien ġuvni mill-Eritrea. Fortunatament ommi u missieri għadhom ħajjin. Konna disat itfal iżda tlieta mietu, ma tantx niftakar biex…fadalli żewġ aħwa nisa u erba’ rġiel. Niftakarna ngħixu fil-faqar u fil-gwerra, ġo villaġġ jismu Afeba. Minn dejjem kont inħobb l-iskola iżda l-qagħda finanzjarja tagħna m’għamlitiex possibbli biex inkompliha. Kienet deċiżjoni iebsa ħafna għaliex eżatt kif tieqaf mill-iskola jiġbruk għall-armata. Skola ma stajtx inkompli għax ridt ngħin lil familti, u għaldaqstant għażla waħda kien għad fadal, naħdem bil-moħbi u ngħix moħbi mill-gvern. Ovvjament il-ġenituri tiegħi ma ridunix nidħol fl-armata għax kienu jistmgħuk ħażin ħafna. Il-pajjiż jitmexxa b’dittatorjat u biex tkun stmat trid tinsa lill-familja, tagħmel li jgħidulek, tinsa l-valuri u tispiċċa qisek annimal mingħajr emozzjonijiet. Missieri kien fl-armata u baqa’ sakemm ħarab. Hekk għadu fil-fatt, maħrub! Kien jiġi jarana bil-moħbi u tista’ tgħid li ommi rabbietna waħedha. Jekk Alla ħares qatt jinqabad, joqtluh.

Kif iddeċidejt li taħrab mill-pajjiż?

Kont inħossni neżisti u mhux ngħix. Kont inħares lejn ommi u missieri u kont nara l-bahh. Kont nara t-tbatija f’għajnejhom, ħajja mingħajr futur. Kont iddeċidejt li ma rridx ngħix bħalhom. Ħija ta’ qabli kien ħarab sentejn qabel, iżda mar l-Iżrael. Beda ħajtu mill-bidu u llum jgħix ħajja diċenti. Meta kelli sittax-il sena diġà kont daħħaltha f’rasi li nagħmel bħalu. Il-ġenituri tiegħi ma ridunix nitlaq, ovvjament biex jipproteġuni. Ħafna kienu dawk li ħarbu u spiċċaw maqtula. Ma kkonvinċewnix. Kont lest li mmut milli ngħix hekk..madanakollu veru ma kellix idea ma’ xiex kont se nħabbat wiċċi.

(…ħallejtu jirrakkonta…)

Qomt ikkargat. Lestejt barżakka bi ftit ikel, bagalja żgħira bi ftit ħwejjeġ u lestejthom fejn il-bieb ta’ barra bil-lest. Kien Marzu tal-2013, kont għadni nagħlaq 17-il sena u kont eċitat ħafna imma mbeżża’ fl-istess ħin. Ħija kien qabbadni ma’ xi nies biex ituni l-informazzjoni kollha li kelli bżonn u mill-Israel kien jibgħatli l-flus li kelli bżonn għat-trasport. Ma kontx se naħrab wahdi. Kelli xi ħbieb li kienu jafu n-nies u għamlu l-arranġamenti meħtieġa. Is-suldati kienu jgħassu kullimkien u għaldaqstant il-ħarba bil-fors kellha tkun mal-lejl. Il-pjan kien li naqsmu l-fruntiera biex nidħlu l-Etijopja. 

Tlaqna għall-ħabta tad-disgħa u nofs ta’ filgħaxija u qbadna nimxu. Wara ħdax-il siegħa mixi fid-dlam wasalna ftit il-bogħod mill-fruntiera. Kienu t-tmienja u nofs ta’ filgħodu. Ħaffirna gandott fil-ħamrija u staħbejna hemm il-ġurnata kollha sakemm reġa’ dalam. Konna għajjenin mejta u saqajja bdew juġgħuni ħafna. Iż-żarbun selaħni u saħansitra ħariġli anki d-demm minn ma’ subajja. Marret għajnna bina u stenbaħna fl-għaxra ta’ bil-lejl.

Qomna, ġbarna l-affarijiet u komplejna l-mixja. Wara tlett sigħat wasalna l-Etijopja. Laqgħuna grupp suldati li kienu jafu bina u talbuna l-flus mill-ewwel. Tajnihom elf u tmien mitt dollar kull wieħed u eskortawna ġo kamp apposta. Ma konniex waħedna. Kien hemm ħafna Eritreani li kienu qed jiġu interrogati. Bdew jifirduhom. Bażikament dawn isaqsuk ħafna mistoqsijiet biex ikunu jafu min int, x’kien xogħlok jew qatt kontx taħdem mal-gvern. Dawn tal-aħħar kienu jżommuhom għalihom biex permezz tagħhom ikunu jistgħu jitkixxfu x’inhu jagħmel il-gvern Eritrean. Lilna tefgħuna ma’ dawk li ma kellhomx bżonn iżda ittrattawna tajjeb. Kienu jitimgħuna u jipprovdulna xi mediċini wkoll. Però irrealizzajna li dawk l-elf u tmien mitt dollar servew biss biex nidħlu l-Etijopja. 

Qabel bdiet il-gwerra, waħda mill-kuġini tiegħi marret tgħix fil-Belt kapitali tal-Etijopja, Addis Ababa, u baqgħet hemm. Iddeċidejt li naħrab u mmur għandha. Sħabi riedu jiġu miegħi iżda ma kellhiex fejn iżżommna kollha allura telqu għal rashom. Madanakollu xorta żammejna kuntatt bil-mowbajl. Għamilt xahar għand kuġinti. Xejn xejn stennejt anki l-ġrieħi ta’ saqajja jingħalqu u striħajt sewwa. Fil-frattemp sħabi u jien ippjanajna l-vjaġġ li jmiss u ħija mill-Iżrael reġa’ bagħtli iktar flus. Il-waqfa li jmiss kienet is-Sudan. Kuġinti ma riditnix nitlaq iżda l-ħolma ewlenija tiegħi kienet li nasal l-Ewropa u nibda ħajti hemm. 

Qalulna li kellna bżonn ħames mitt dollaru għat-trasport, din id-darba trakk. Iltqajt ma’ sħabi u tlajna. Konna tmienja mistoħbija fuq wara iżda issa bdejna nħabbtu wiċċna ma’ nies bla qalb. Għaddewna mid-deżert u f’ħin minnhom waqafna. Is-sewwieq fetaħ il-kaxxa ta’ wara u ordna lil wieħed minn sħabi biex jinżel. L-iskop kien li nħallsu iktar flus. Inzerta kellu xi ħaġa tal-flus u tahomlu kollha. Erġajna waqafna darb’oħra u reġgħu niżżlu żewġ persuni oħra li kienu magħna, fosthom tfajla. Ma kellhomx flus u telaqhom hemm.

Għadni nisma l-bikja ta’ dik it-tfajla…kemm għajtet u xejret idha għarkupptejha fuq ir-ramel… Kienet għadha kemm tgħidli li tixtieq tgħin lil ħutha jistudjaw u tagħmel lill-ġenituri tagħha kburin biha. Ma flaħtx inħares lejha sakemm niżlet il-bieba tat-trakk. Żgur li mietu għax lanqas ikel ma kellhom. Hemm bdejt nittrawmatizza ruħi. Bdejt niċċassa u beda jitlaq l-aptit. Ma bqajtx inżomm amment ta’ ħin u ġranet iżda b’xi mod qbiżna l-fruntiera u dħalna s-Sudan. Qabduna mill-ewwel! Arresstawna u tefgħuna jumejn il-ħabs. Inqatgħetilna li jeħduna lura lejn il-kamp Etijopjan iżda kif qbadna t-triq, is-sewwieq ħataf l-opportunità biex jaqla l-flus, kif jagħmel kulħadd. Talabna elfejn dollaru kull wieħed biex iwassalna Khartoum u tajnihomlu. Kollha konna ngħinu lil xulxin fil-flus. Għamilna patt flimkien li jiġri x’jiġri nibqgħu flimkien u naslu fid-destinazzjoni flimkien. Ma kontx ngħidilhom, iżda iktar ma beda jgħaddi żmien iktar bdejt niddubita li dan se jseħħ. 

Is-Sudaniżi kienu kattivi. Sawtuna ħafna anki sakemm konna l-ħabs. Sawtuna għalxejn. Ġismi kien imfarrak u bdejt nimrad. Is-sewwieq waqqafna f’nofs triq, niżżel lil wieħed minn sħabi u talbu għoxrin elf dollaru. Ma kellniex flus u sparalu f’saqajh. Hemm irrealizzajt li l-possibilità li mmut kienet kbira mhux ħażin. Għaddieli ħsieb, ftaħt il-bieba u ħrabt niġri. Hemm kienet l-aħħar darba li rajt lil sħabi. B’xi mod irnexxieli nagħmel kuntatt ma’ ħija u qabbadni ma’ ħabib tiegħu li kien jgħix fl-inħawi u mort noqgħod ftit miegħu. Ma nafx kif kont daqsekk iffurtunat. 

Wara gimgħatejn kien reġa’ jmiss vjaġġ ieħor. Il-ħabib tagħna qabbadni ma’ xi ħadd u ftehmna li jwassalni sal-villaġġ bi trakk, minn fejn u mbagħad kelli naqbad karozza oħra sal-Libja. Irnexxieli nippakkja ftit ikel u ilma, ftit ħwejjeġ u anki flus iżda kont beżgħan ħafna. Ma bdejt nafda lil ħadd iżda ma kellix għażla oħra ħlief li nieħu r-riskju u noqgħod għal li jgħiduli. Hekk stess issa ħaj jew mejjet ma tantx kienet se tagħmilli differenza. Il-ħolm li kelli beda jisfaxxa fix-xejn…Irkibt fit-trakk u radamni bil-ġebel biex ma nidhirx. Tbenġilt kollni u kont qisni qlajt xebgħa. Wasalna bit-trakk ġo dan il-villaġġ u laqagħni raġel. Segwejtu u laqqani ma’ sebgħa u għoxrin persuna oħra li kienu se jivvjaġġaw miegħi sal-Libja.

Li ma konniex nafu huwa li din id-darba ridna noqogħdu ġo karozza żgħira ta’ ħames persuni. Magħna kien hemm xi nisa wkoll fosthom anki waħda tqila u oħra b’tifel. Qgħadna kollha fuq xulxin u sitta minna mindudin ġol-but tal-karozza. Ġiegħlna narmu l-ikel u x-xorb għax ma kellniex fejn inżommuh u għamilna ġimgħatejn nivvjaġġaw. Min kien taħt bdew jinqalgħulu problemi serji fin-nervituri u waħda min-nisa mietet fgata. Qalbi riedet toħroġ. Ma flaħtx nara iktar tbatija quddiem għajnejja. Dan il-vjaġġ ma ried jispiċċa qatt. Konna nivvjaġġaw bil-lejl u bi nhar mingħajr waqfien għal ġimgħatejn sħaħ u ftit qabel ma wasalna l-Libja miet raġel ieħor. Issa konna sitta u għoxrin persuna, sitta u għoxrin katavru miexi waħdu, bil-ġuħ, imnittnin u għajjenin mejta. Tefgħuna ġo kamra ma’ ħafna nies oħra, mhux kollha Eritreani. Qalulna li issa rridu nixtru dgħajsa ġdida u jekk ma nkunux tliet mitt persuna ma nistgħux nivjaġġaw! Ħallasna sitt mitt dollaru biex tefgħuna ġo din il-kamra. Tawna xi ħaġa x’nieklu u bdiet il-vjolenza grassa.

Stupraw in-nisa kollha li kien hemm, fosthom anki tfajla quddiem ir-raġel tagħha u binhom. Telagħli l-istonku. Sawtuna bl-addoġġ sakemm kissruna. Talbuna elf u sitt mitt dollaru biex nixtru d-dgħajsa. Tlabt lil Alla jieqaf miegħi dakinhar iktar mis-soltu għaliex ma ħsibtx li kont se nsebbaħ sal-għada filgħodu, iżda marret għajni bija ġo waħda mill-irkejjen ta’ din il-kamra. 

Qajjimni l-ħoss tal-bieb iżaqżaq. Kif ftaħt għajnejja daħal raġel jgħajjat biex noħorġu. Kienu għadhom is-siegħa ta’ filgħodu. Ħriġna barra, imxejna sax-xatt u sibna dgħajsa żgħira u qadima tistenniena! Fejn kienet id-dgħajsa li xtrajna? Tliet mija u ħamsin irkibna, 284 raġel, 60 mara anki tqal, u sitt itfal. Id-dgħajsa kellha fuq u isfel. Tant kienet qadima d-dgħajsa li mal-ħin l-injam beda jitherra u beda dieħel l-ilma. Konna wisq nies fuqha u kien importanti ferm li ninqasmu sewwa biex inżommu l-bilanċ, inkella ninqelbu. Kif għaddew siegħa u nofs l-ilma beda jwassal sa żaqqna. Issa beda l-paniku. Dan ma bediex jgħin lid-dgħajsa għaliex bdiet tixxengel ‘l hawn u ‘l hinn.

Wieħed mill-irġiel li kont għamilt ħbieb miegħu inzerta kellu mowbajl żgħir u ħarġu. Kif xegħlu sibna li kellu ftit reception u rnexxielu jagħmel kuntatt mal-Italja. Nirringrazzja lil Alla kull ħin u kull mument li dawn irrisspondew għall-għajnuna u minnufih bdew il-proċeduri tas-salvataġġ. Ma setgħux isibuna! Għamilna ġurnata u lejl sħiħ fl-istess post negħrqu bil-mod. Kif kulħadd kien qata’ qalbu smajna l-ħoss tal-helicopter fil-bogħod. Kif waslu fuqna ġbidna n-nisa li kienu bit-tfal u għennihom jitilgħu fuq il-helicopter. Minn kif smajt lil xi ħadd jitkellem irrealizzajt li konna ninsabu fil-baħar Mediterran u xi ħadd semma li t-teritorju kien ta’ Malta. Ftit ħin wara li telaq il-helicopter resqet lejna tug boat kbira. Kienet tug boat Maltija. Bil-ferħ li kellna qbiżna għal fuqha u ħafna minna spiċċajna fil-baħar. Ħadd ma kien jaf jgħum! Iżda l-Maltin qalbhom tajba ħafna, ħadu ħsiebna, libbsuna ġakketta tas-salvataġġ u geżwruna bil-kutri. Kont marid ħafna, ma flaħtx nibki. Però bkejna flimkien, u bkejna anki għal dawk li ma rnexxielhomx jaslu s’hawn, inkluż sħabi. Kull sena għadna niċċelebraw dik il-ġurnata…u din ukoll għaliex tgħinna niftakru fejn konna qabel sirna li aħna llum.

Meta wasalt Malta?

Wasalt Malta fl-4 ta’ Lulju tal-2013. Jiġifieri għamilt erba’ xhur nivvjaġġa. 

X’inhu l-istat tiegħek illum?

Illum jien għandi 25 sena. Sirt ċittadin Malti. Naħdem bħala kok ġo ristorant rinomat. Inħossni grat ħafna lejn l-imgħallma tiegħi, talli laqgħuni u mix-xejn, magħhom bnejt karriera. Emmnu fija u tawni opportunità niżviluppa t-talenti tiegħi. 

X’inhu l-messaġġ li tixtieq tgħaddi lil kull min qed jaqra l-esperjenza tiegħek?

L-ewwelnett ma nixtieq lil ħadd jgħaddi minn dak li għaddejt jien. Kont f’ħalq il-mewt kemm-il darba iżda nemmen li Alla ma ridnix. Nixtieq nieħu l-opportunità biex nirringrazzja lill-Maltin ta’ kemm għandhom qalbhom kbira u ġiegħluni nħossni qisni qiegħed id-dar. Fil-ħajja ħadd ma jagħżel fejn u kif jitwieled. Hawn min hu xxurtjat u hawn min mhuwiex ixxurtjat. Iżda mis-sema ‘l isfel kulħadd uman, aħna ta’ liema nazzjonalità aħna, reliġjon u kultura. Il-gwerer u l-mibegħda ġiegħluni ninqata’ minn mal-familja. Kemm ikollna ħajja isbaħ kieku nħobbu u naċċettaw lil xulxin. Fid-dinja tirrenja iktar paċi.

Jikkonkludi r-rakkont b’dan il-messaġġ

Kelli opportunitajiet diversi nintervista immigranti u refuġjati oħra però kull storja hija unika. Ma stajtx inniżżel kull dettal li qalli għax kieku ma kont nispiċċah qatt ir-rakkont.  Kull darba li ngħix l-esperjenza magħhom, mingħajr ma jafu jkunu qed jgħinuni nżomm iktar saqajja mal-art. Kemm għandna għaliex inkunu grati għal kull ġurnata li nsebbħu qawwijin u b’saħħitna. 

Nirringrazzja minn qalbi lil din il-persuna talli sabet il-kuraġġ taqsam l-esperjenza magħna.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks