L-Orkidea – Phalaenopsis
Spiss niġu mistoqsija, kif nieħu ħsieb l-orkidej?
Il-verità hi li l-kura tal-orkidej mhix diffiċli, hija biss differenti. Jekk int ġdid fid-dinja tal-orkidej, tibżax minnhom. Ħafna orkidej jistgħu jkunu faċli biex jikbru jekk tieħu ftit ħin biex titgħallem dak li jeħtieġu. B’kura xierqa u b’xi attenzjoni żejda l-orkidea tista’ tibqa’ tiffjorixxi għal xhur kull sena.
Il-familja tal-orkidej għandha ‘l fuq minn 22,000 speċi. Dawn in-numri qed jikbru kull sena u jagħmlu l-orkidej l-akbar u l-iktar diversa mill-familji tal-pjanti tal-fjuri.
L-orkidej jeħtieġu tip differenti ta’ potting mix mill-pjanti tad-dar tipiċi tagħna. Dan għaliex l-orkidej huma dak li nsejħu ‘pjanti tal-arja’, pjanti li jgħixu fuq wiċċ ta’ siġar oħra, pjanti jew blat. Tista’ tixtri t-taħlita minn kwalunkwe ħanut tal-pjanti lokali. Iżda għażliet oħra li tista’ tuża huma sphagnum moss, lava rocks, perlite, charcoal, rocks, clay pebbles u tree ferns.
Importanti li l-orkidej jitpoġġew f’post imdawwal tajjeb ħafna, imħawlin f’pot trasparenti sabiex l-għeruq ikunu esposti għal dawl naturali tajjeb. Anke jekk nistgħu nsibu varjetà ta’ pots mhux trasparenti għall-orkidej dawn mhumiex irrakkomandati ħafna għal orkidea ħajja b’saħħitha.
Ħafna orkidej jeħtieġu li ssaqqihom darba fil-ġimgħa. Kif tkun taf? L-għeruq jagħtu indikazzjoni ta’ meta jkollhom bżonn tisqija għax jibdew isiru griżi minn aħdar jgħajjat.
Kif issaqqi l-orkidea? Il-qoxra ma żżommx l-ilma kif tagħmel il-ħamrija, allura nissuġġerixxu li tpoġġi l-orkidea tiegħek f’sink tal-kċina mimli ftit ilma u tħalli l-pjanta għal madwar 10 sa 15-il minuta. Tista’ wkoll tpoġġi l-ilma fil-kontenitur ta’ taħt il-pot iżda huwa importanti ħafna li dan ma jitħalliex għal iktar mill-ħin imsemmi għax tkun qed issaqqiha żżejjed u dan jista’ jikkawża li jitħassru l-għeruq. Huwa importanti wkoll li nagħtu fertilizzant speċifiku lill-orkidej tagħna li jistgħu jinxtraw lesti għall-użu.
Teabags, huma għoljin fin-nitroġenu u jistgħu jintużaw bħala fertilizzant naturali biex jagħtu spinta lit-tkabbir tal-orkidej.
L-orkidej huma velenużi għall-qtates u l-klieb tagħna? Le. L-orkidej mhumiex velenużi għall-annimali domestiċi maħbubin tagħna imma, filwaqt li mhumiex meqjusa bħala tossiċi dejjem hemm iċ-ċans minimu li xi orkidea tista’ tikkawża ħsara fl-annimali domestiċi tagħna.
Fatt kurjuż: L-Orkidea tikber rasha ‘l isfel, u dan għar-raġuni li il-fjoritura hija tant tqila li l-pjanta tispiċċa tikber rasha’ l isfel.

Kontributriċi