Select Page

Nitkellmu ma’ Gertrude Borg Marks

Gertrude, bħalissa qed tinterpreta t-tieni karattru tagħha fis-sensiela Fattigi, li jixxandar kull nhar ta’ Ħamis fid-20:40 fuq NET TV. Wara dak ta’ Alicia, issa qed tinterpreta l-karattru ta’ Victoria.

Gertrude tispjegalna kif iż-żewġ karattri huma totalment differenti, u mhux biss fid-dehra. Alicia kienet mara li taħdem u tirsisti għal dak li trid, u li finalment bniet. Min-naħa l-oħra Victoria hi persuna li l-comfort zone tagħha hija fit-tarf ta’ kull sitwazzjoni. Persuna li tiekol l-isfidi, intelliġenti ħafna, kuraġġuża, għandha self-confidence għoli ħafna, u bix-xieraq, taf sa fejn tista’ tasal, u tasal.

“Il-Karattru ta’ Victoria kont ilni naħdem fuqu minn Ġunju. L-ikbar sfida kienet li mhux biss ridt nidher id-dehra ‘noir’ tagħha – li hi ferm differenti mill-istil tiegħi, imma li NSIR INĦOBB proprju dak li Victoria tilbes, kif taġixxi, il-linwaġġ tagħha, ridt nibda nara d-dinja mill-perspettiva tagħha; ridt nittrasforma ruħi fiha, insir eċċentrika bħalha, bħala persuna.”

Gertrude fil-karattru ta’ Victoria

L-esperjenza tiegħek fuq Fattigi

Din kienet l-ewwel darba li ħdimt ma’ Watermelon Productions, ma nistax ngħid l-istess għal Bryan Muscat, l-awtur u direttur, li mmorru lura snin twal, u li jgħaddi kemm jgħaddi żmien jibqa’ l-mentor tiegħi – fejn tidħol drama. Ovvjament illum jien u Bryan nafu ‘l xulxin sew, u sirna ħbieb kbar. Għalkemm hemm numru ta’ atturi li ġieli ħdimt magħhom qabel, Fattigi tani ċ-ċans li niltaqa’ u naħdem ma’ nies ġodda. Apparti minn dan kollu, huwa ta’ unur għalija li nagħmel parti minn din id-drama tant segwita mill-Maltin.

Kulħadd għandu l-metodu tiegħu kif jistudja l-linji, x’inhu tiegħek? U x’ħin issib il-ħin biex tistudja?

Għall-affarijiet kollha li ninsa fil-ġurnata, nista’ ngħid li l-linji nitgħallimhom malajr! Ma’ nibdiex kmieni nistudja, għax nerġa’ ninsihom, imma minn tlett ijiem qabel, ngħaddihom kuljum, darba filgħodu waħdi, u mbagħad xi darbtejn oħra filgħaxija mal-partner tiegħi. Dan hu l-iktar mod li nitgħallimhom malajr, meta xi ħadd, jagħtini l-cues.

Kif bdiet il-karriera tiegħek ta’ attriċi?

Minn mindu kont l-iskola sekondarja, kont inħobb nikteb, u ntella’ plays daqqa għal Christmas concerts, daqqa’ għal jum l-omm, dejjem, immur għand il-headmistress, biex nikkonvinċiha tħallina ntellgħu xi play! Imma kien Ottubru tal-1999 li kont rajt reklam fuq il-gazzetta għal kors tad-drama ma’ Lemonhead Productions, fejn iltqajt ma’ Bryan li kien imexxi l-kors, u ddeċidejt li neħodha iktar bis-serjetà… kelli 26 sena.

Teatru jew televiżjoni?

L-adrenalina li jtellalek it-teatru diffiċli tissuperaha x’imkien ieħor! Dik li l-karattru tgħixu, mill-bidu tal-istorja, u jibqa’ jevolvi sat-tmiem, bl-udjenza miegħek il-ħin kollu hija sabiħa wisq… Però n-nies donnhom iktar ifittxu t-televiżjoni, u sinċerament, id-drama hija xi ħaġa li timla ċertu vojt fija, tkun fejn tkun, is-sodisfazzjoni li tagħtini huwa wieħed li diffiċli niddeskrivih.

Tagħmel praspar?

Fuq il-palk, jew waqt filming ma tantx nagħmel praspar, probabbli għax inkun il-karattru u mhux jiena. Imma Gertrude tagħmel ħafna gaffes.. bħal immur għall-filming meta ma jmissnix (s’issa qatt ma kelli filming u ma mortx), darba minnhom fil-bidu tal-filming tiegħi, fis-serje Amen, fuq l-iskript kien hemm miktub: ‘voice over’ Gaby – il-karattru li kont ninterpreta – u kont mort is-Siggiewi biex ngħid il-linja waħda tiegħi. Ovvjament id-direttur, Bryan, kien għamel lejl jidħak bija, u l-linja irrekordjaha xorta la kont hemm! Ħafna mid-daħk li ndaħħak fuq is-set, huwa kawża ta’ kemm jien ngħix ġo ‘bubble’, Id-direttur jgħid xi ħaġa, jagħti xi struzzjoni u jien, inkun smajtha, imma moħħi jirreġistra xi ħaġa totalment differenti! Il-fatt li jien ‘lateral thinker’ ma tantx tgħini! Ovvjament illum Bryan drani mmens… u kważi jkun sorpriż meta nifhem mill-ewwel…

Mis-serje Andrew u Sue

L-atturi huma apprezzati biżżejjed f’pajjiżna?

Skont minn min. Il-verità hi, li Malta hi dik li hi. Ftit hawn atturi professjonali, li finanzjarjament jiddependu biss mir-reċtar. U l-ftit li hawn, jispiċċaw jagħmlu kollox huma, mhux jirreċtaw biss. Però mbagħad it-telespettaturi u ammiraturi ta’ produzzjonijiet Maltin, naħseb li japprezzawna ħafna!

Imma min hi eżattament Gertrude?

Taħlita bejn kaxxa ġenn, u mara pensive ħafna. Impulsiva, spontanja, u spiritwali, imma mhux reliġjuża. Ma jirnexxili nagħmel xejn, jekk mhux bil-qalb, u dak kollu li rrid nagħmel, inlaħħaq miegħu, u nagħmlu. Qatt ma ngħid le għal avventura ġdida. Inħobb ħafna l-kitba. Ma tantx jien sensittiva bħala persuna, anzi ngħid li ma niħux għalija. Inħobb ħafna niddiskuti, konversazzjonijiet, speċjalment ma’ nies b’moħħhom miftuħ, anke jekk ma jaqblux miegħi, ma nippruvax nikkonvinċihom, b’hekk l-argument jibqa’ sħiħ u san. L-iktar li nsib diffiċli li nittollera huma persuni li jiġġudikaw, speċjalment meta ma jkunux infurmati tajjeb.

Gertrude hija waħda minn dawk il-persuni li minkejja l-isfidi tal-ħajja, dejjem b’xi mod jirnexxilha toħroġ il-pożittiv minn kull sitwazzjoni negattiva. Hija temmen li kull emozzjoni, sew jekk hi mħabba, mibgħeda, rabja, għira, kuntentizza, dwejjaq, solitudni… kollha jibdew minn ħsieb wieħed u jekk jirnexxilna nikkontrollaw u nbiddlu dak l-ewwel ħsieb, allura nkunu kapaċi nżommu l-kontroll fuq l-emozzjonijiet tagħna. Temmen ukoll li l-kuntentizza hija stat mentali, għażla, li hi personali tipprova tagħżel kull darba.

Il-prijoritajiet tiegħek

Li nara lil ta’ madwari kuntenti, li nibqa’ ngħix f’serenità, u li nibqa’ nikber bħala persuna. Mhux neċessarjament f’din l-ordni.

Naf li sibt dik l-imħabba unika u speċjali, imma xi tfisser imħabba għalik? U x’differenza għamlet f’ħajtek?

Għalija l-imħabba romantika, għax tipi ta’ mħabba hawn diversi; hija meta żewġ persuni jkunu l-ikbar ħbieb ta’ xulxin, meta ma jippruvaw qatt ibiddlu lil xulxin, u meta l-maġġoranza tal-ħin flimkien iqattgħuh jidħku, u jaraw kif se jgħinu lil xulxin. Id-differenza hija li ma’ Jonathan nista’ nkun dak li jien il-ħin kollu, mingħajr spjegazzjoni, u l-istess hu. Id-differenza hija li t-tnejn li aħna nħobbu konversazzjonijiet fuq kollox. Id-differenza hija li t-tnejn li aħna ġarrabna esperjenzi biżżejjed biex napprezzaw lil xulxin, kuljum.

Bħala omm, kif inhi r-relazzjoni tiegħek mat-tfal? Taqbel li l-ġenituri għandu jkollhom relazzjoni ta’ ħbiberija ma’ uliedhom?

Kira għandha 18-il sena, Dean għandu 16. It-tnejn li huma għandi relazzjoni unika magħhom, għax it-tnejn għandhom bżonnijiet differenti… u karattru differenti minn xulxin immens! It-tifla riservata, tħobb l-ispazju tagħha, u minkejja l-aptit li jkolli jien, ikolli nirrispettah. It-tifel, iktar ifittixni, jkellimni ħafna, fuq kollox, u f’kull mument li jarani! Naqbel li għandu jkun hemm relazzjoni ta’ ħbiberija mal-ulied… u jien naħseb mort fl-estrem ta’ din!

L-isbaħ mumenti li kellek f’ħajtek s’issa

M’inix persuna li nkejjel il-kuntentizza tiegħi b’okkażjonijiet. Naħseb li l-iktar mumenti sbieħ ta’ ħajti u li nibqa’ niftakar, kienu dawk il-mumenti meta ħriġt minn fażijiet ta’ biża’, u diffiċli…

Xi jbeżżgħak l-aktar?

Mard terminali fuq l-għeżież tiegħi. Xejn iktar.

Il-ħsibijiet tiegħek dwar il-midja soċjali

Naħseb li l-midja soċjali hija bħal sikkina, tista’ tużaha bħala għodda biex tgħinek, jew tista’ toqtol u tagħmel il-ħsara biha. Jien nemmen ħafna fil-bilanċ. Nipprova li dejjem insegwi sorsi differenti minn xulxin, estremi, u nħobb nifforma l-opinjoni tiegħi wara li nkun komda li jien infurmata sew.

Ħolma partikolari li tixtieq twettaq

Meta nirtira se nikteb ktieb.

Nixtiequ nirringrazzjaw lil Gertrude li għall-ewwel darba, iddeċidiet li taqsam magħna, pubblikament, esperjenza personali pjuttost qarsa imma wkoll ta’ ispirazzjoni.

Qatt ma ħbejtha, imma qatt ma xandartha. Is-sena l-oħra sirt naf li kelli kanċer tas-sider li kien għadu fil-bidu; aħbar li riegħdet kull aspett ta’ ħajti, però qatt ma ħallejtha tiddominali dak li nagħmel! Bqajt għaddejja bil-pjanijiet li kelli. Bqajt noħroġ, anke żammejt mal-pjanijiet li mmur vaganza, ġimgħatejn biss wara li ġejt operata. Esperjenza hekk tfakkrek kemm hawn nies li jħobbuk… u kemm hi sabiħa l-ħajja, meta kważi tibda tara t-tmiem. Qatt m’għidt fil-pubbliku, għax ma ridtx, ma naċċettax, li nħalli dan l-episodju f’ħajti, jiddefinixxi min jien!

Gertrude tikkonkludi l-intervista b’dan il-messaġġ

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks