Il-Mall fil-Furjana, ġnien sabiħ li jaf il-bidu tiegħu fil-1656 meta l-Gran Mastru Lascaris ried joħloq ġnien biex fih il-Kavallieri jkollhom post ta’ passatemp u jilagħbu l-logħba dak iż-żmien tant popolari tal-Palla Malio. Ir-raġuni prinċipali li kellu Lascaris wara dan il-proġett kienet li żżomm lil Kavallieri żgħażagħ aljenati b’din il-logħba u għalhekk joqogħdu mbiegħda miż-żina tad-dinja.

Fuq id-daħla ta’ dan il-ġnien il-Gran Mastru kien qiegħed din l-iskrizzjoni:

“Għall-qirda tal-għażż u tal-vizzju

Lilkom, o Kavallieri, din

Il-pjazza tingħata

Ilagħbu

Hekk eħfef fil-gwerra dan

Il-logħob jagħmikom

Inaqqas is-saħħa

lil-logħob tal-azzard, l-inbejjed u l-ġibdiet ħżiena”

Fi żmien il-Gvernatur Sir Alexander Ball dan il-post inbidel fi ġnien pubbliku u l-ħitan għoljin li kienu jdawruh twaqqgħu. Iżejjen bis-siġar u fewwaħ bil-fjuri u minn post Riservat għal ftit Kavallieri sar post pubbliku. Fuq id-daħla tqiegħdet din il-iskrizzjoni:

“Dan il-ġnien inbena u kien lest taħt l-Amministrazzjoni tal-Kavallier Baruni Alexander Giov. Ball f’isem Gorg III, Re tal-Gran Brittanja, Gvernatur tal-Gżejjer ta’ Malta u Għawdex. Dan il-lok għad-divertiment pubbliku hu mħolli.”

F’nofs dan il-ġnien insibu l-funtana sabiħa li Qabel kienet fil-ġnien li kien hemm quddiem il-bini tal-Bibjoteka fil-Belt Valletta. Meta dak il-ġnien tneħħa biex saret pjazza din il-funtana nġiebet f’dan il-ġnien dan kien fl-1891.

Il-Mall kompla jiżżejjed bil-monumenti ta’ nies illustri li ngħataw ġieħ għal xogħolhom fis-soċjeta ta’ pajjiżna. Fost dawn insibu lil Markiż Vincenco Bugeja, Sir Ugo Mifsud, Sir Adrian Dingli, il-Markiż Ġużeppi Scicluna, it-Tabib Prinċipali Luiġi Pisani u oħrajn.

Dawn il-monumenti mhux biss qegħdin jagħtu ġieħ lil min jirrappreżentaw imma huma wkoll kollezzjoni sabiħa għall-apert ta’ xogħlijiet ta’ skultura fl-irħam u fil-bronż. Dawn ix-xogħlijiet artistiċi ħarġu minn Idejn magħrufin bħal Antonio Sciortino, Vincenzo Apap, Ġanni Darmanin u oħrajn.

Dan huwa l-ġnien tal-Mall mibni mill-Kavallieri mżejjen b’opri tal-arti, iħaddar bis-siġar kbar u sbieħ, ifewwaħ bil-fjuri kkuluriti u joffri arja friska u ambjent trankwill. Dan kollu qiegħed hemm għalik Biex tgawdieh u tapprezzah u dan jibqa’ hekk sakemm tibża’ għalih int.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks