Nitkellmu ma’ Matthew Sant Sultana
Matthew, minn Ottubru li għadda bdejt tippreżenta programm ġdid bl-isem ta’ Mhux Kemm Taf. Hija l-ewwel esperjenza tiegħek bħala preżentatur? Kif nibtet l-idea għal dan il-programm u kif sejjer f’din l-avventura ġdida tiegħek?
L-ewwel darba li ippreżentajt fuq it-televiżjoni kien fuq ‘Int Min Int’, proġett li kull sena jagħmlu fl-aħħar sena tal-midja fl-Mcast. Però bħala programm ta’ kull ġimgħa tista’ tgħid li din hi l-ewwel darba. Ġejt avviċinat minn Jeremai, il-produttur ta’ Mhux Kemm taf għax kien jogħġbu ħafna l-istil tiegħi bħala komiku u ħass li għal dan il-programm ried xi ħaġa differenti u komiku u staqsa għalija iżda ħaġa tad-daħk hi li jien għalkemm oriġinarjament hu kellu f’moħħu li jistaqsi lili biex nippreżenta imma peress li kienet l-ewwel darba li l-produttur kellu proġett tiegħu, tawh parir biex jistaqsi lil Mario, l-ikbar ħabib tiegħi, peress li ma kienx wiċċ ġdid man-nies. Imbagħad konna ħa nkunu flimkien, imma minn hawn u minn hemm spiċċajt qed nippreżentah jien kif kien ippjanat. Għalkemm dik hija xi ħaġa oħra li nixtieq naqsam ma’ sieħbi Mario fil-futur.
L-avventura tal-ġenn, qed nieħu vera pjaċir nagħmlu u onestament nofsiegħa ttir. Il-mistednin vera qed jieħdu pjaċir u dik vera timmotivani, u aktar minn hekk, bil-mod il-mod qed ikolli aktar rispons dwaru mit-telespettaturi. Fil-fatt, sodisfatt ħafna bir-rispons li kelli s’issa, madanakollu jien persuna li dejjem irrid inkun aħjar allura nixtieq li kemm jista’ jkun, dejjem nevolvi f’dak li nagħmel ħalli nferraħ aktar nies.
Mill-esperjenza tiegħek s’issa, x’taħseb li jagħmlek preżentatur tajjeb?
Kulħadd għandu l-istil tiegħu, imma fl-opinjoni tiegħi, kemm tkun kapaċi tnissel tbissima fuq wiċċ min qed isegwik għaliex mill-ftit li ilni nippreżenta dan il-programm innutajt li dik hi xi ħaġa li l-udjenza l-aktar li tfittex. Tbissima tista’ tagħmel differenza kbira. Minbarra hekk nemmen li għandek tkun dak li verament int ħalli n-nies iħossu aktar il-ġenwinità u l-preżenza tiegħek ġo darhom.
Il-karattru tiegħek il-Lajf f’Min Imissu huwa fost l-aktar karattri popolari. Mill-ewwel sibtha faċli biex tinterpreta dan il-karattru?
Oriġinarjament il-vuċi u l-posture kienu naqra differenti fil-bidu imma onestament qatt ma sibtha diffiċli le.
Irrakkuntalna wieħed mill-aktar mumenti li ma stajtx tieqaf tidħak waqt l-interpretazzjoni tiegħek tal-Lajf..
Ifhem ikun hemm ħafna imma dejjem jirnexxili nżomm jew nipprova ninħeba imma waħda riċenti kienet ma’ Brian Farrugia, qalli xi ħaġa u ma stajtx inżomm milli nidħak, tant hu hekk li anke fuq it-televiżjoni dehret.

Ċerti nies isibuha diffiċli jiddistingwu bejn il-karattru li tinterpreta u l-karattru reali tal-attur. Ġieli għaddejt minnha? U ddejjqek din il-ħaġa?
Kemm-il darba għaddejt minnha imma peress li nagħmel ħafna kummiedja allura ma ddejjaqnix. Għalkemm m’ilux għamilt karattru serju u kien naqra kattiv ħa ngħidu hekk imma r-rispons tan-nies kien tal-ġenn.
Liema karattru milli interpretajt s’issa huwa l-aktar għal qalbek?
Din diffiċli ħafna eh….imma naħseb il-Lajf u Zach ta’ La Tħobbnix kienu l-bidu ta’ kollox għalija allura naħseb li dawk jibqgħu tnejn mill-aktar favoriti.
Kif nibtet il-passjoni tiegħek tar-reċtar?
Minn dejjem naħseb. Kont għadni tifel l-iskola u minn dejjem kont nipprova nidħol aktar minn sempliċiment il-kor tal-iskola imma sekondarja kont ħafna aktar involut. Niftakar Natasha Turner dejjem kienet tgħidli li tara talent kbir fija imma jien ta’ tifel li kont dejjem qisni kont naqra xettiku anke minħabba l-fatt li s-self-esteem tiegħi kien naqra baxx.
Hija faċli li tkun komiku?
Lanqas xejn, il-fatt li trid tipprova ddaħħak in-nies hija biċċa uġigħ ta’ ras imma jien l-hena tiegħi nara lin-nies jidħku għax jagħtuni sodisfazzjon enormi li ma nafx niddeskrivi. Hi diffiċli għax hija impossibbli li tikkuntenta lil kulħadd allura eventwalment xi ħadd ħa jieħu għalih żgur.
Hemm xi karattru partikolari li tixtieq li jkollok l-opportunità li tinterpreta?
Wieħed partikolari m’għandix imma min jafni sew jaf kemm inħobb nagħmel karattri differenti u naħseb xi ħaġa li nixtieq nagħmel hu karattru li jkun totalment differenti minni fejn l-udjenza għall-mumemt tinsa li jien komiku u għal ftit minuti tħares lejja b’lenti ta’ bniedem ieħor. Dejjem nipprova nkun hekk f’kull karattru li nagħmel, li nnessi l-udjenza l-karattri preċedenti imma nixtieq nagħmel xi ħaġa iktar stramba, kattiva.
Tixtieq li tkompli tevolvi f’dan il-qasam?
Iva, dan il-qasam għalija nqisu daqs l-imħabba ta’ ħajti. Onestament nixtieq li nevolvi aktar bħala attur fejn tidħol il-komiċità imma wkoll aktar fejn tidħol id-drama, xi ħaġa li ma tantx għandi esperjenza daqs il-komiċità imma iva, nixtieq li nkun versatili kemm nista’. Minbarra hekk nixtieq li xi darba nipproduċi xi ħaġa tiegħi u anki forsi nidderieġi wkoll imma min jaf, forsi xi darba.
Matthew jiddeskrivi lilu nnifsu bħala mistħi minkejja li huwa komiku. Ikun hemm mumenti fejn joqgħod kwiet għax iħossu skomdu minħabba l-mistħija imma la darba jidra l-persuna, warrablu għax ma jiqafx! Xi ħaġa li n-nies ma tantx jemmnu dwaru hija n-nuqqas ta’ kunfidenza, tant li xi drabi żżommu lura għaliex jibża li jiġi iġġudikat.
Minkejja li huwa persuna pjuttost relaxed, imma jinkwieta u jaħseb ħafna wkoll. Jammetti wkoll li hu mqareb ħafna, u li b’wiċċu minn quddiem jgħid li l-ebda suba’ mhu dritt. Jammetti li jiżbalja u ma jiddejjaqx jitlob skuża, imma jħobb ħafna wkoll. Jistqarr li aktar ma jikber, aktar qed isir sensittiv.

L-isbaħ u l-agħar mumenti ta’ ħajtek s’issa..
Kien hemm ħafna mumenti sbieħ, imma nahseb l-aktar mument sabiħ kien l-ewwel darba li ċempluli Carlos u Abigail biex jagħtuni l-aħbar li ntgħażilt għal produzzjoni li dak iż-żmien kien jisimha Take2 Reloaded. Mumenti koroh kien hemm ukoll, kien hemm ħafna mumenti fejn fallejt u ħsibt li qatt mhu ħa nasal fejn nixtieq. Kien hemm perijodu fejn ma sibtx is-sapport li xtaqt, li ma bqajtx nippersisti għal dak li ridt inwettaq, kieku llum wisq probabbli m’inhix qed nirrispondi din l-intervista.
Għandek passjonijiet oħrajn?
Iva naħseb li ftit jafu li jien inħobb insegwi il-futbol għax ma tantx nitkellem fuqha imma iva logħba jekk inkun nista’ dejjem nara.
Matthew jgħidilna li m’hemmx limitu ta’ kif u fuq xiex wieħed għandu jiċċajta għaliex hu jemmen li fl-aħħar mill-aħħar iċ-ċajt ikun fuq is-sitwazzjoni u tkun qed turi li għalkemm l-ħajja tagħtik mill-agħar, tipprova toħroġ l-aspett umoristiku minnha wkoll. Madanakollu jifhem li ħaddieħor jista’ jifimha differenti allura hu jippreferi li jagħżel stil li jipprova jferraħ il-maġġoranza.
Riċentament, int u Jon Mallia għamiltu vidjo li jiddeskrivi u jirrapreżenta fid-dettal il-kundizzjoni tal-ADHD u s-sitwazzjoni li għaddejjin minnha ħafna nies, xi drabi fis-silenzju wkoll. Taħseb li għad hawn ċerta stigma u minħabba hekk ċerti nies joqgħodu lura milli jitkellmu għax jibżgħu li jiġu iġġudikati jew mhux mifhuma biżżejjed?
Jien lil Jon inħobbu qisu ħija u meta qalli b’din l-idea mill-ewwel qbilt. Jon għamel kuraġġ u ġab eżempju bih innifsu u qasam ma’ kulħadd il-kundizzjoni tiegħu. Inħoss li Jon kien ta’ ispirazzjoni għal ħafna nies hemm barra, li forsi qatt ma fehmu lilhom infushom jew beżgħu li s-socjeta’ mhix se taċċettahom u għallem wkoll lil dawk kollha li qatt ma fehmu din il-kundizzjonj.
Iva, fadal ħafna imma naħseb li Jon għadda messaġġ ċar biżżejjed. Ħarsu naqra lejn Ġanni u araw kemm hu intelligenti u x’kapaċi joħroġ minn dak il-moħħ mimli kreattività. Intom li qiegħdin hemm kollha għandkom xi ħaġa x’taqsmu mas-soċjetà u s-soċjetà trid tisma’ mingħandkom.
Il-ħsibijiet tiegħek dwar is-saħħa mentali? Taħseb li hawn biżżejjed kuxjenza u għajnuna għal min ikun għaddej mill-isfidi imma anki għal ta’ madwaru?
Hawn ħafna imma sfortunatament aħna l-Maltin naqbdu ma’ qanpiena u dejjem indoqqu lilha kultant. Pereżempju nitkellmu ħafna fuq l-ansjetà, id-dipressjoni u noħolqu ħafna kampanji imma mbagħad ninsew li hemm ħafna agħar minn hekk, jew mard mentali li għalina lanqas inqisuh li hu problema. Naħsbu li hi l-attitudni, mentri fil-verità tkun problema mentali u l-ADHD hija waħda minnhom li qatt ma tajniha importanza u naħseb hawnhekk fejn niżbaljaw.
Taħseb li l-eżerċizzji fiżiċi jagħmlu differenza psikoloġikament ukoll?
Ħafna wkoll, naħseb il-fatt li inti qed iżżomm ruħek attiv u għall-mument tinsa l-problema huwa tajjeb ħafna.
Xi tqis bħala prijoritajiet f’ħajtek?
Ir-reċtar u kull ħaġa li ddur magħha apparti l-familja u l-ħbieb li tant ngħozz imma r-rispett, l-onestà, id-dedikazzjoni, l-imħabba u l-passjoni huma prijoritajiet kbar f’ħajti.
Kemm hu importanti l-umoriżmu fil-ħajja ta’ kuljum?
Ħafna, ħafna u ħafna. L-umoriżmu jfejjaq lill-marid, jitfa’ tbissima lill-imdejjaq u jagħti wens lil min iħossu waħdu.
Matthew jgħidilna li l-passjoni, l-imħabba u d-dedikazzjoni huma l-bakketta maġika ta’ ħafna suċċessi.
“Jiena is-suċċessi tieghi m’humiex il-flus jew affarijiet materjali, imma t-tbissima. It-tbissima li timlik b’ferħ li lanqas nista’ niddeskrivi u dan huwa bis-saħħa taghkom u ta’ dan nirringrazzjakom ħafna u nixtieq li intom hemm barra tinsew dawn l-affarijiet materjali, taraw verament xi tridu u taħdmu għal dak kollu li jnisslilkom tbissima.
Matthew jikkonkludi l-intervista b’dan il-messaġġ

Direttriċi u Maniġer tal-Midja Soċjali