Select Page

Fir-raħal ħadd ma kien ikellimha. U l-ħanut tagħha, dejjem vojt kien ikun.
“X’inhuma ħelwin!” qalet Duminka lill-mama’, dakinhar stess filgħodu hekk kif konna għaddejjin it-tlieta li aħna għal għonq it-triq.
Bla ma tbissmet, il-mama’ sellmitilha u kompliet tiġbed lili u lil oħti ‘l quddiem.
Eżatt malli wasalna fit-triq parallela ma’ dik ta’ Duminka, donnu l-ħin beda jaħdem bilmod. Rajt kollox iseħħ eżatt quddiem wiċċi.
F’ħakka t’għajn ġiet vettura b’veloċita qawwija.
Jien kont qed inħares lejn idejn ommi li kienet qed iżżommli idi. Imbagħad, ħarsti daret lejn Helen. Dak il-ħin, indunajt li Helen ma kinitx indunat li kienet ġejja karozza, ħallet idejha minn ma’ dik ta’ ommi, niżlet taqbeż mill-bankina, dawwret ħarsitha lejna u tkaxkret man-naħa ta’ quddiem tal-bamper, inbeżqet għal fuq il-bonit tal-metall u taret fl-arja sakemm waslet ftit ‘il bogħod minna.
Bil-qatgħa li kienet ħadet, ommi lanqas biss felħet tieħu nifs u waqgħet hi wkoll mal-art.
Dik il-ġurnata ma ninsiha qatt.
Oħti ġiet iċċertifikata mejta ftit ħin wara.
Minn dakinhar, ħajjitna nbidlet totalment.
Ommi ma baqgħetx li kienet. U lanqas missieri. Filli konna familja dejjem magħqudin flimkien, noħorġu, niċċajtaw, ngħaddu mumenti sbieħ u filli……..donnu d-dlam tal-ħajja kien ħa kontroll ta’ kollox. Id-dar kont inħossni se naqta’ n-nifs. Kont għadni wisq żgħira biex nifhem kollox, imma bdejt ninduna li kollox kien inbidel. Ġieli kont inkellem lil ommi u kienet tieqaf tħares lejja b’ħarsa ċiera, distanti…….kważi toħnoqni.
Naf, naf. Iva, naf.
Fija kienet tara lil Helen. Ġieli ħarsitha kienet kważi tgħaddi minn ġo fija, qisni jiena ma kontx qiegħda hemm. U dawn l-affarijiet vera kienu jweġġgħuni.
Imma mbagħad, ġara dak li kellu jiġri.
Rajt lill-ġenituri tiegħi jinbidlu. Erġajt bdejt nara xi tbissima fuq fomm missieri u ommi reġgħet bdiet toħroġ mid-dar, tgħannaqni u ġieli smajtha tkanta minn taħt l-ilsien waqt il-faċendi, ukoll.
Darba minnhom, waqt li jiena kont qiegħda f’kamarti, smajt il-passi tal-papoċċ t’ommi resqin minn barra l-bieb.
Dawwart ħarsti u rajt lil ommi titfaċċa minn wara l-bieb.
“Edel…..” qaltli, hekk kif resqet lejja, ħaditli l-pupa li kelli f’idi b’ġentilezza u poġġietha fuq is-sodda bilmod. “Irrid ngħidlek xi ħaġa……”

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla……

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks