Beef Stroganoff, jew Stroganov… Ikla li oriġinat fir-Russja ħafna snin ilu.
L-istorja tgħid li dan id-dixx ġie msajjar għall-ewwel darba lejn l-aħħar tas-seklu 19 minn kok Franċiż li kien jaħdem mall-familja Russa Stroganov u b’hekk issemmiet għall-kap ta’ din il-familja.
Madanakollu, il-leġġenda tgħid li dan id-dixx kien ilu jissajjar fir-Russja b’mod aktar sempliċi minn ħafna snin qabel.
Però, hu minn dak iż-żmien tal-kok Franċiż li dan id-dixx sar magħruf sew.
Huwa interessanti li tara kemm ħarġu varjazzjonijiet skont iż-żminijiet u l-ingredjenti disponibbli f’pajjiżi differenti.
Sas-snin 50 kien sar popolari tista’ tgħid mad-dinja kollha, speċjalment permezz tal-immigranti Russi u Ċiniżi li kienu jivvjaġġaw lejn l-Istati Uniti, kif ukoll suldati li marru lura f’pajjiżhom.
Il-qata’ tal-laħam magħżula għal din ir-riċetta tvarja minn pajjiż għal ieħor, kif ukoll il-mod kif jiġi ippreparat. Ġeneralment, ikun maqtugħ fi strixxi jew biċċiet bitesized. Uħud iservuh bir-ross, oħrajn bl-għaġin, u oħrajn bil-patata moqlija.
Xi wħud isajruh bl-inbid abjad u xi wħud anke biz-zalza ħamra. Fil-Brażil issibu msajjar ukoll bit-tiġieġ jew saħansitra bil-gambli minflok iċ-ċanga, fil-Finlandja biz-zalzett u fil-Ġappun anki tawh it-togħma tagħhom billi jżidulu ftit soy sauce.
Tkun xi tkun il-varjazzjoni, l-Istroganoff żgur li hi ikla tajba u ta’ min jippruvaha :)

Kontributriċi