Select Page

Forsi għal ħafna xebgħu jaqraw u jisimgħu fuq il-komunità LGBTIQ. Uħud jifhmuha li la darba f’pajjiżna konna progressivi u introduċejna ammont ta’ liġijiet li ġabu lil kulħadd ugwali, probabbli jaħsbu li kulħadd kuntent u kulħadd ferħan. Mentri r-realtà mhux hekk, u meta ngħid hekk mhux għax irridu iktar drittijiet u li qatt m’aħna kuntenti imma minħabba li għad hawn ħafna nies mill-komunità li għadhom qed ibatu s-sesswalità tagħhom fis-silenzju.

Int li qed taqra din u forsi għandek xi ħadd fil-familja jew ħabib/a li għadhom kemm qalulkom il-verità dwar is-sesswalità tagħhom u ma tafx kif għandek taġixxi, aqra dawn l-erba’ kelmiet biex forsi jgħinuk ftit.

Int li għadek qed ittella’ u tniżżel jekk tgħidx lil ta’ madwarek dwar is-sesswalità tiegħek kun af li qatt mhu tard, u wara kollox, m’għandekx għaġla biex tagħmel dan. Ħu ħinek u ara li tkun komdu qabel tagħmilha, jekk wara kollox, tħoss li għandek il-bżonn tagħmilha!

Jekk għandek xi ħbieb jew familjari li għadhom kif qalulek dwar dan għandek tkun taf:

Il-persuna li qaltlek tħobbok ħafna, tafdak u għalkemm beżgħet li forsi titilfek xorta kienet onesta biżżejjed miegħek biex qaltlek il-verità dwarha. Apprezza dan il-ġest sabiħ li sar miegħek.

Għandek tkun taf li persuna titwieled bis-sesswalità tagħha u kulħadd jibqa’ jitgħallem dwarha iktar ma jgħaddi ż-żmien.

Jien illum se nitkellem fuq l-esperjenza tiegħi u ngħid minn dak kollu li għaddejt jien. Dan ma jfissirx li kulħadd jgħaddi mill-istess ħaġa iżda kulħadd għandu l-istorja unika tiegħu.

Ta’ età żgħira, kont imrobbi f’familja tradizzjonali Maltija u qatt ma kont espost għal dak kollu li ċerti nies iqisuh bħala xi influwenza ħażina għax “itellgħu t-tfal il-Gay Pride u jimpressjonaw ruħhom u jsiru bħalhom’’ jew għax “jaqraw l-istejjer dwar il-gays fil-kotba, allura jsiru gays”. Dawn huma frażijiet li mhux l-ewwel darba li smajt u fl-opinjoni tiegħi nemmen li huma ridikoli. Bdejt biha biex nispjega li l-ebda influwenza ma tibdillek is-sesswalità tiegħek, int titwieled hekk u tibqa’ hekk.

Kien fis-snin tas-sekondarja li bdejt nirrealizza li jien kelli xi ħaġa differenti minn ħafna mill-istudenti li kienu fil-klassi miegħi. Kont fi skola sekondarja tas-subien, u ta’ subien żgħar li konna, kulħadd kien jgħid dak li jaħseb fuq l-għalliema tagħna. Kont ninnota li wħud minna kienu jitkellmu b’ċertu mod fuq għalliema nisa, waqt li jien ma kont nara xejn li jiġbidni. F’mara kont nara persuna li komdu nitkellem magħha, kont nara ħabiba. Il-mod kif sħabi kienu jitkellmu dwar il-ġisem tal-mara ma kienx jeċitani kif jeċita lilhom u bdejt ninnota li kien hemm xi ħaġa li ma kinitx qed tagħmel sens u kont qed inħoss li kien hemm xi ħaġa differenti.

Ovvjament għalija kien żmien diffiċli, żmien ta’ ħafna mistoqsijiet. Ma kontx naf lil min se naqbad inkellem dwar dan u ma kontx naf jekk dak li qed nagħmel u ninnota hux “normali”. Edukazzjoni dwar gays u l-komunità LGBTIQ ftit li xejn kien hawn sa ftit tas-snin ilu. Allura sibtha diffiċli biex nifhem eżatt x’jien.

Kien iż-żmien meta bdejt nesperimenta li bdejt nifhem eżatt x’jien. Ma’ sħabi konna noħorġu sikwit. U ta’ żgħar li konna, kulħadd jgħabbi minn hawn u jgħabbi minn hemm, però għalkemm kemm-il darba ħriġt ma’ xi ħadd tas-sess oppost dejjem ħassejt xi ħaġa nieqsa. Wara ċertu żmien imbagħad kien hemm realizzazzjoni li bdejt inħossni iktar attirat lejn nies tal-istess sess. Bdejt nieħu gost iktar bl-attenzjoni li jtuni nies tal-istess sess u maż-żmien bdejt nifhem eżatt għaliex inħoss xi ħaġa nieqsa ma’ mara u ma’ raġel kont inħossni iktar komdu.

Minkejja li lil sħabi kont għidtilhom il-verita kollha, ħadd qatt ma warrabni u ħadd ma waqaf ikellimni minħabba s-sesswalita tiegħi. Iżda dwar dan se nkompli nitkellem id-darba li jmiss…

Jekk tixtieq taqsam l-istorja tiegħek magħna, anki b’mod anonimu, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks