Nitkellmu ma’ Reuben Micallef
Reuben, ma nistax ma nibdiex bil-karattru li interpretajt fis-sensiela L-Għarusa, il-karattru ta’ Bernard. Kif sirt taf u x’kienet ir-reazzjoni tiegħek kif ġejt avviċinat li se tkun qed tinterpreta dan il-karattru?
Il-karattru ta’ Bernard ġie ippreżentat l-ewwel darba lili f’Settembru 2018. Kont mistoqsi minn Justin u Steven jekk xtaqtx nieħu sehem f’audition għal karattru ġdid f’L-Għarusa. Niftakar fl-audition kien hemm Justin u beda jaqsam miegħi l-ideat ta’ fejn huwa, Audrey u Steven xtaqu li l-karattru ta’ Bernard ikun. Kont kuntent u grat ħafna li kienu qed jafdawni b’karattru. Kienet responsabilità kbira għalija u ridt nagħmel dak kollu possibbli biex nurihom li ħadt dan il-karattru bis-serjetà.
Fil-verità, kont diġà ġejt ikkuntattjat minn SharpShoot f’Diċembru 2017 biex nagħmel audition. Dak iż-żmien iżda kien għadu kemm daħal missieri l-isptar u l-attenzjoni tiegħi kienet għalih biss.
Kif tiddeskrivi l-esperjenza tiegħek f’sensiela li tant għamlet suċċess? U x’differenza għamlet għalik personali?
Din l-esperjenza giet f’mument pjuttost iebes ta’ ħajti u tal-familja tiegħi. Konna għadna kemm għaddejna mill-firda minn ma’ missieri li miet lejliet il-Milied tal-2017. Kien żmien ikrah. Ma kienx faċli xejn iżda kont ippruvajt nikkonvinċi lili nnifsi li ridt ngħix b’mod li missieri seta’ jkun kuntent bija. Erġajt bdejt immur il-gym u bdejt nitgħallem il-pjanu għall-ewwel darba fost affarijiet oħra. Biss kont b’għatx kbir għar-reċtar wara żmien twil nieqes minnu. Kont qed inħoss li dan seta’ jgħini iktar milli wieħed jista’ jaħseb. Ma kontx naf min fejn se nibda. Kumbinazzjoni, il-mument li ntgħażilt biex ninterpreta dan il-karattru kien żmien fejn il-ħsibijiet fuq missieri kienu jimlewli l-parti kbira tal-jiem. Bis-saħħa ta’ L-Għarusa, sibt triq oħra fejn fiha stajt nitfa’ l-kreattività tiegħi għal użu tajjeb waqt li nerġa’ nibda nieħu pjaċir niltaqa’ man-nies fuq is-sett u barra.
Kont inkun ħerqan biex il-jiem tal-filming jaslu. L-iskript kont nibda nipprepara għalih minn qabel ħalli jekk ikolli xi dubji, kont nieħu pjaċir nitkellimhom ma’ Justin, Steven jew Audrey. Apparti minn hekk, hija xi ħaġa li dejjem apprezzajt meta n-nies kienu jwaqqfuni biex jitkellmu miegħi fuq L-Għarusa. Niftakar kemm bdejt inħossni imbarazzat meta bdew jitolbuni biex jieħdu ritratt miegħi. Kienet xi ħaġa ġdida għalija u li ma kontx ippreparat għaliha.

X’għandek komuni ma’ Bernard? U x’taħseb li kont tagħmel differenti fis-sitwazzjoni li sab ruħu fiha?
Bernard huwa bniedem li fil-bidu rajnih pjuttost fuq ruħu fejn l-interessi kbar tiegħu kienu l-mużika u l-arti. Bniedem differenti minn ħuh li forsi huwa aktar riġidu u formali. L-impressjoni li wieħed kellu jieħu ta’ Bernard fil-bidu kienet ta’ bniedem pjuttost skjett u forsi ftit ribelluż minn dak li s-soċjetà klassista kienet qiegħda tistenna minnu. Iktar tard narawh li kif qalbu bdiet tħabbat għal Amelia, Bernard sar iktar konxju li l-ħajja taf turik is-sbuħija u l-imħabba għal tfajla iżda taf turik ukoll il-wiċċ tal-inġustizzja meta ra li dik it-tfajla kienet imwiegħda lil ħuh.
Ma’ Bernard għandi ħsibijiet simili u namra żgħira għall-mużika wkoll. Madanakollu, żgur li m’għandix dik il-kompetenza fl-arti u kunfidenza kbira li għandhu huwa. Nammetti li jien pjuttost riservat bħala bniedem u li kelma ndum naħsibha qabel ngħidha, b’differenza ta’ Bernard. Ħaġa oħra hija li żgur ma nafx indoqq il-pjanu daqshekk tajjeb daqs Bernard. Dan b’differenza ta’ Paula li kienet tinterpreta l-karattru t’Amelia li taf iddoqq il-pjanu sew ħafna.
Nifhem ukoll il-ħsieb (propjament t’omm Bernard) li jmur jistudja f’Ruma biex ikun jista’ jżomm ‘il bogħod minn Amelia. M’hijiex faċli ngħid x’kont nagħmel jien f’dik iċ-ċirkostanza però. Biss huwa sabiħ li wieħed jemmen li l-imħabba tirbaħ fil-ħajja u li dik il-vera imħabba tgħaqqad u xejn aktar.
Reuben jgħidilna li permezz ta’ L-Għarusa, proġett li hu għal qalbu ħafna u li jħossu kburi li ħa sehem fih, huwa ltaqa’ u sar jaf nies ġodda li llum il-ġurnata saru ħbieb tiegħu. Japprezza wkoll lis-segwaċi li jieqfu jkellmuh u jagħtu r-rispons tagħhom.
L-interpretazzjoni tiegħek f’L-Għarusa kienet l-ewwel esperjenza tiegħek? Ġieli kellek opportunitajiet oħrajn ‘lil hinn mit-televiżjoni?
L-interpretazzjoni tiegħi f’L-Għarusa kienet l-ewwel waħda fuq skala kbira fuq it-televiżjoni. SharpShoot kienu tawni opportunitajiet oħra fil-passat bħala extra fosthom fi Strada Stretta. Niftakar li darba minnhom kien ħa sehem missieri wkoll. Darba bħala baħri bil-bar u darb’oħra bħala Viktor (it-tifel) meta jikber. Fil-fatt grat ħafna li għandi memorja viżiva ta’ missieri jirreċta. Tmissli qalbi meta narah jgħid il-linji tiegħu wara li naf kemm kien kuntent li kien intgħażel biex jieħu sehem. Kelli partijiet zgħar oħra fi produzzjonijiet lokali oħrajn u reklami.
Fil-passat kont nattendi fil-Malta Drama Centre fejn kull term konna ntellgħu plays li anke kienu jkunu parti mill-kors tagħna sabiex niksbu ċertifikat mal-LAMDA (London Academy of Music and Dramatic Art). Wieħed mid-diretturi li li tgħallimt minnu huwa s-Sur Lino Farrugia. Kellna opportunità wkoll li nitilgħu Vienna biex nieħdu sehem f’festival tad-drama flimkien ma’ sħabi l-oħrajn.
L-imħabba għad-drama minn dejjem kienet hemm jew xi ħaġa li żviluppat f’dawn l-aħħar snin?
Iva. Minn dejjem kont ninteressa ruħi f’dak il-palk li fuqu jitilgħu nies li fi spazju ta’ ftit ħin qegħdin juruk storja. Storja li sseħħ quddiem għajnejk. Kont noħlom li xi darba nkun magħhom. Li xi darba, anke jien inkun nista’ nsir bniedem ieħor u nifhem il-ħsibijiet ta’ karattru lil hinn minni. Li bniedem ikun iffurmat minn dak li jkun għadda minnu u li din il-forma tieħu postha fil-karattru interpretat.
Niftakarni wkoll immur bir-rota sal-Malta Film Studios il-Kalkara biex mill-bogħod noqgħod nara l-crew u l-atturi jiffilmjaw xi xena. Ħafna drabi kont nibqa’ bix-xewqa kemm għax kienu jkunu ‘l bogħod u kemm għax ġieli kien jinzerta li mhux qed jiffilmjaw dak il-ħin jew jum partikolari.
Nixtieq li jkolli l-opportunità li nkompli nitgħallem. Huwa sabiħ li titkellem u taqra m’għand nies li huma kbar f’dan il-qasam. Ix-xewqa tiegħi hija li jkolli s-setgħa li nitgħallem iktar u iktar biex dejjem inkun nista’ nifhem kif tasal biex tifhem karattru bil-passat, bezgħat, ferħ u ambizzjonijiet tiegħu.
‘Lil hinn minn Bernard. Min hu Reuben Micallef?
Pjuttost riservat. Ma tantx jien persuna li ħa tisma’ ħafna leħni f’kamra. Madanakollu, nieħu pjaċir ukoll meta nkun man-nies u fejn ikolli opportunità li noħroġ, nipprova ma nitlifhiex. Bniedem li napprezza n-nies li ninsab imdawwar bihom. Ċajta jew tnejn nipprova ma nitlifx. Dubji għandi wkoll bħal m’għandu kulħadd. Beżgħat ukoll. Biss nipprova verament ngħix jum b’jum filwaqt li nkun kapaċi nieħu deċiżjonijiet għall-futur.

Il-passjonijiet tiegħek..
Inħobb insuq il-Mountain Bike, immur kayaking kultant u xi trek. Dan l-aħħar skoprejt ftit il-pjaċir li nieħu ħsieb il-ġnien tad-dar. Sabiħ tara l-fjuri u l-ħaxix jieħdu l-ħajja. Meta jkolli ħin nipprova mmur bhala voluntier fil-ġonna ta’ Villa Frere li huma ġonna li wara għexieren ta’ snin mitluqa, dawn qed jerġgħu jaraw id-dawl grazzi għall-enerġija u mħabba ta’ nies li qed jagħtu kollox għalihom. Passjoni oħra tiegħi hija li nitgħallem fuq u nara ritratti antiki ta’ Malta. Nara d-differenza u kif pajjiż inbidel għat-tajjeb jew inqas.
Tqis lilek innifsek bħala persuna spiritwali?
Nixtieq li kont iktar spiritwali fir-reliġjon li nħaddan. Nemmen u nipprova nipprattika r-reliġjon tiegħi matul ħajti u nemmen li l-Mulej qiegħed jgħinna. Biss naf li ħafna drabi, ma naslux biex nifhmuh. Ma nifhmux għaliex jiġrulna ċerti affarijiet u għaliex ikollna ngħaddu minn ċerti sfidi kbar f’ħajjitna.
L-isbaħ u l-agħar mumenti ta’ ħajtek.
Nahseb l-isbaħ mumenti kienu meta kont ngħaddi minn xi eżamijiet. Tkun studjajt u tara li ssarrfu f’xi ħaġa. Mumenti sbieħ ukoll meta konna noħorġu meta konna għadna tfal. Niftakar li għalina dawk kienu jkunu l-isbaħ mumenti.
L-agħar ħaġa li ġrat f’ħajti hija bla dubju t-telfa tal-maħbub missieri fl-età ta’ 58 sena. Ġiet għall-għarrieda u għadni sal-lum insibha diffiċli biex nemminha li missieri li nħobb b’qalbi kollha mhux se narah iktar għalissa. Nimmisja l-vuċi tiegħu u l-mod kif jidħak. Il-mumenti li konna noħorġu xi dawra u kemm għamel magħna meta konna tfal u meta bdejna nitfarfru. Missieri flimkien m’ommi llum, kien ifisser imħabba u punt fejn nista’ nfittex meta jkolli bżonn min jgħinni.
L-imħabba ġenwina teżisti? Xi tfisser l-imħabba għalik?
Iva. L-imħabba li l-ġenituri għandhom għall-uliedhom hija ġenwina iva. L-imħabba li bniedem għandu għall-annimal (pet) hija ġenwina. Imħabba għall-mużika jew arti jew dak kollu li jimla l-qalb, naħseb li hija mħabba wkoll. Dik hi l-imhabba għalija.
Kemm hu għal qalbek l-ambjent?
Ħafna. Kemm dak naturali u dak storiku. L-ambjent naturali huwa dak li jagħtina s-saħħa u li jagħti lil kull ħlejqa, postha fid-dinja. Il-widien, l-għoljiet, siġar u l-ħlejjaq zgħar u kbar. L-ekosistema dinjija għandha tiġi mħarsa għaliex niftakru li d-dinja m’hijiex tagħna l-bnedmin. Aħna parti biss minna u li jekk naraw l-ambjent bħala d-dar tagħna, mela huwa sensat li nieħdu ħsiebu.
L-ambjent storiku huwa dak li jagħmilna Maltin. Id-djar antiki, l-isqaqien, l-ilsien u l-istorja tagħna inġenerali għandhom jiġu mħarsa u ħasra tara djar sbieħ Maltin jitwaqqgħu biex jinbnew appartamanti.
Il-problemi ambjentali li hawn madwarna jafhom kulħadd bħal dħaħen fl-arja, rimi ta’ oġġetti b’mod mhux responsabbli, qerda ta’ artijiet għal skop jew ieħor huwa biss ftit minn dak li għaddejja minnu d-dinja bħalissa. Għandna bżonn li nkunu parti mis-soluzzjoni.
Taħseb li l-maġġoranza tan-nies huma konxji tal-ħsara li ħafna drabi nagħmlu aħna stess lill-ambjent? Xi tħoss li jrid isir sabiex insalvaw dak li fadal? Fl-opinjoni tiegħek, x’nistgħu nagħmlu aħna bħala individwi biex inkunu parti mill-progress u s-soluzzjoni, u mhux mill-ħsara?
Naħseb li n-nies qegħdin jitgħallmu iżda baqa’ ħafna nies ukoll li għalihom ħsara lill-ambjent m’hijiex prijorità. Sabiħ li tara gruppi ta’ nies jagħmlu Clean-up campaigns f’widien u f’qiegħ il-baħar. Biss hija ħaġa ta’ min wieħed jaħseb ukoll li jkollhom isiru dawn l-attivitajiet biex jinżamm nadif. Nistgħu nibdew minn affarijiet żgħar ħafna billi meta mmorru pikniks u ħruġ fejn il-baħar, inkunu żguri li ma nħallu ebda ħmieġ warajna, speċjalment plastik. Inħoss li huwa dover tagħna li nkunu konxji u sensittivi fejn jidħol l-ambjent ukoll.
Jgħidilna wkoll li waħda mill-affarijiet li jħoss dwarhom hi meta jara għelieqi u siġar jinqerdu u jitqaċċtu. Madanakollu jipprova ma jħallix ir-rabja tieħu l-kontroll għaliex jemmen li mir-rabja ma joħorġux affarijiet tajbin. Minflok, jipprova jifhem u jaħdem għal soluzzjoni.
Il-prijoritajiet tiegħek..
Il-familja, is-saħħa, l-imħabba u l-ambjent.
X’kien u għadu jfisser għalik il-papà? Kif kien ta’ influwenza f’ħajtek?
Missieri jew kif insejjaħlu jien, ‘id-Dadi’, kien u għadu hemm. Kuljum naħseb fuqu u ngħidlu kelma bit-tama li qed jismagħni. Inħobbu ħafna. Id-Dadi għamel ħafna magħna u nħoss weġa’ meta niftakar minn xiex kellu jgħaddi lejn l-aħħar. Nimmisja dawk il-mumenti ta’ flimkien. Il-preżenza tiegħu meta nasal id-dar hija xi ħaġa li għadni ma nistax nidra mingħajrha. Jien ix-xewqa tiegħi hija li nkun nixbħu bil-mod kif kien kapaċi jitkellem u jħobb.
Xi jferħek l-aktar u x’jagħtik l-aktar sodisfazzjon f’ħajtek?
Nieħu pjaċir niekol xi ħaġa tajba. Nieħu pjaċir nimxi qalb in-natura u nsib is-sbuħija tal-istess natura hemm. Meta jirnexxili nsuq ir-rota u nasal f’postijiet differenti. Meta nisma silta ta’ mużika li tferraħni. Meta nkun qed nieħu sehem fi produzzjoni u jirnexxieli nifhem il-karattru sabiex ninterpretah b’mod li jitwemmen mill-udjenza u jintgħoġob mid-direttur.
L-aktar persuni li tammira..
Dawk kollha li b’xi mod jew ieħor ħadmu biex id-dinja tkun aħjar u isbaħ.
Għandek xi ħolm li tixtieq twettaq?
Ħolm dejjem irid ikolli. Trid toħlom filwaqt li tkun kuntent b’li għandek. Importanti kemm wieħed lest li jaħdem biex iwettaq dak il-ħolm li tagħmel id-differenza.
Reuben jikkonkludi l-intervista b’dan il-messaġġ..
“Nixtieq li f’dan iż-żmien partikolari li għaddejjin minnu nsibu ħin sabiex naħsbu fuq kif nistgħu ngħinu lil xulxin u naġixxu. Huwa żmien tajjeb fejn nirrealizaw li meta ma niħdux ħsieb u nirrispettaw in-natura, din tal-aħħar taf issir vittma tagħna stess. Meta jiġri dan, aħna lkoll inbatu magħha. Aħna m’aħniex distakkati minnha iżda membri sħaħ f’din il-katina tal-ħajja li fiha ninsabu.
Barra minn hekk, nixtieq nirringrazzja lil kull min għeni matul dawn l-ahhar snin. Min emmen fija u tani opportunitajiet ġodda. Kien żmien fejn sirt naf ħafna nies u dan huwa wieħed mill-effetti sbieħ li ħalla fuqi l-proġett ta’ L-Għarusa. Nirringrazzja ħafna lilek ukoll Roberta talli ħsibt biex tagħmilli din l-intervista fuq Skoperta. Kien pjaċir kbir tiegħi u ngħidlek grazzi kbira oħra.”

Direttriċi u Editriċi