Nitkellmu ma’ Patrick Tanti

Tinterpreta l-karattru ta’ Giuseppe Cuppola fis-sensiela F’Ġieħ l-Imħabba. X’issib l-aktar ta’ sfida fl-interpretazzjoni ta’ dan il-karattru?

Meta Evelyn Saliba La Rosa kienet avviċinatni sabiex ninterpreta dan ir-rwol, kont naf li kien ħa jkun ftit ta’ sfida għalija għax kien tip ta’ karattru li dejjem xtaqt ninterpreta iżda qatt ma kelli l-opportunità li nagħmel dan. Huwa differenti hafna minni u dak fil-verità s-sabiħ tad-drama; li jinħoloq spazju fejn int ma tkunx dak li int, imma xorta tkun qed tinkanala attitudnijiet, emozzjonijiet u esperjenzi passati sabiex tagħti l-interpretazzjoni mixtieqa. Hija speċi ta’ logħba kważi kważi. Mingħajr ma niżvela x’se jiġri fl-episodji li jmiss, għad iridu joħorġu xeni ta’ Giuseppe Cuppola (tal-passat), li ħaduli ħafna enerġiji emozzjonali. Huma xeni fejn is-sentimenti ta’ rabja u risentiment (li fil-ħajja reali ma jappartjenunix) kellhom joħorġu b’mod b’saħħtu ħafna. Imma dan parti minn xogħolna wkoll.

L-interpretazzjoni tiegħek tal-karattru Arlecchino f’Commedia Dell’Arte. Kif kienet l-esperjenza tiegħek u xi jfisser għalik li tkun parti minn produzzjoni bħal din?

Lura fl-2015 kelli x-xorti li niġi nnutat mill-artist veteran Narcy Calamatta, li wara li kien osservani nirreċta, ried joffrili l-parti ta’ Arlecchino f’farsa tal-Commedia dell’Arte miktuba minnu stess. Meta aċċettajt ma kontx naf ezatt x’tinvolvi. Imma wara xahar intensiv ta’ taħriġ fl-arti tal-Commedia kont lest biex nagħti l-ewwel interpretazzjoni tiegħi fuq il-palk. U minn hemm nibtet kollaborazzjoni fejn tellajna diversi minn dawn il-fares kemm f’Malta u kemm barra; u irbaħna diversi premjijiet ukoll.

Nibqa’ għal dejjem grat lejn Uncle Narcy, kif insejjaħlu jien, għat-tagħlim imprezzabli li tani, u li ma stajt nieħdu mill-ebda skola tad-drama. Il-Commedia dell-Arte hija l-bażi tal-arti tar-reċtar taħt hafna aspetti. Hija stil fejn il-preparazzjoni fiżika hija essenzjali u fejn tesplora modi alternattivi kif tikkomunika mal-pubbliku minħabba il-limitazzjonijiet li ġġib magħha l-użu tal-maskra teatrali. Arlecchino imbagħad huwa karattru impenjattiv li biex jiġi interpretat kif xieraq, l-attur irid ikun kapaċi joħroġ iċ-‘child within’ u l-ispontanjetà li tiġi miegħu, filwaqt li jirrispetta d-dixxiplina teatrali.

Tinterpreta bosta karattri komiċi oħrajn. Hija faċli li tkun komiku?

Komiku titwieled. Mhijiex xi ħaġa li tista’ titgħallem. Naturalment tista’ tipperfezzjona din l-inklinazzjoni permezz ta’ taħriġ u tal-esperjenza li ġġib tul snin ta’ interazzjoni mal-pubbliku. Huwa fatt magħruf li l-komiċità hija iktar iebsa milli tkun drammatiku. Biex tbikki kemm taqbad tifel, ittih rwol ta’ xi orfni, tlibsu ħwejjeġ imqatta’, titfagħlu xi mużika komwoventi bil-vjolin u malajr jibda ħiereġ id-dmugħ. Iżda biex iddaħħak trid tekniki partikolari li jkunu ħafna drabi innati, jiddependu ħafna mit-timing u mill-espessjonijiet tal-wiċċ u l-postura tal-ġisem, u l-inqas devjazzjoni minn kif suppost isir ix-xogħol jagħmel id-differenza kollha bejn li tifqa’ l-pubbliku bid-daħk jew ikollok fjask. Ovvjament kull pubbliku huwa differenti u mhux dejjem jirnexxilek ikollok l-istess riżultat. Imbagħad kemm-il darba jkollok tmur iddaħħak meta int ma tkunx f’burdata tajba, imma għal darba oħra dan hu xogħolna. Imma li ddaħħak u tferraħ tagħti sofisfazzjon kbir. Ma ninsa qatt kemm kont ħassejtni sodisfatt meta fil-play ‘Rajtha Fejsbuk’ imtella’ ġewwa t-teatru Manwel, jien kelli r-rwol ta’ ‘comic relief’ fil-produzzjoni b’tema serja ħafna, u kont nisma’ splużjoni ta’ daħk mill-pubbliku mal-battuti tiegħi.

Liema karattru minn dawk li interpretajt s’issa hu l-aktar għal qalbek? U għaliex?

Ma tantx norbot qalbi ma’ karattri partikolari, imma lura fl-2018 kelli r-rwol ta’ dittatur ta’ pajjiż li ma jeżistix, bniedem totalment inkapaċi imma mimli bih innifsu u mimli pretensjoniet. Dan kien fil-play satirika li kienet iġġib l-isem ta’ ‘Għażiż Trumpant’, bħala parti mill-ewwel edizzjoni tal-Cospicua Short Play Festival. Hemmhekk kelli l-opportunità li nkun karattru prinċipali fi produzzjoni komika u kontroversjali, u fejn id-direttur kien tani libertà artistika kbira sabiex nadotta stil personali ta’ komiċità. Mingħajr ma kont qed nistenniha minħabba l-livell għoli tat-talent ta’ sħabi l-atturi l-oħra li ħadu sehem f’dan il-festival, il-ġurija kienet tatni l-premju tal-Aqwa Attur. U forsi għal din ir-raġuni dan il-personaġġ baqa’ għal qalbi; minħabba x-xorti li ġabli wkoll.

Hemm xi tip ta’ karattru partikolari li tixtieq li jkollok l-opportunità li tinterpreta?

Il-versatilità tiegħi, biex ngħidu hekk, ġejt bżonnha ħafna tul il-karriera artistika qasira li kelli s’issa, għax ġejt offrut diversi partijiet, mill-iktar komiċi sa dawk iktar drammatiċi. Allura nista’ ngħid li qtajt diversi xewqat f’dan is-sens. Forsi li nixtieq huwa li jkolli ċ-ċans li jkolli iktar rwoli komiċi, imma b’komiċità iktar sofistika; minflok is-soltu farsa jew stil tat-teatrin, li min-naħa l-oħra huwa apprezzat u mfittex ħafna mill-pubbliku Malti.

X’tippreferi l-aktar teatru jew televiżjoni? U għaliex?

Bla dubju t-teatru. L-istil ta’ reċtar tiegħi huwa wieħed espansiv, fejn l-espressjonijiet tal-wiċċ u l-ġesti fiżiċi huma ideali sabiex jilħqu, anke l-aħħar filliera tat-teatru. L-istess jgħodd għall-vuċi tiegħi u għall-mod kif nipproġetta leħni. It-televiżjoni jillimitani ħafna, u nħossu jirristringini f’dan is-sens. Fuq it-televiżjoni bi close up fuqek jekk tgħolli anke bi ftit il-ħuġbejn pereżempju, fuq l-iscreen il-moviment ħa jidher kbir, allura dejjem trid iżżomm lura. Is-sensazzjoni unika tal-adrenalina ta’ fuq il-palk, fejn għandek il-pubbliku quddiemek, jittrasmetti l-feedback tiegħu istantanjement, fejn jekk tinsa l-linji jew jinqala’ xi ħaġa mhux ippjanata trid toħroġ minnha mingħajr ma l-ispettaturi jindunaw li ġara xi ħaġa, hija sensazzjoni li l-filming qatt ma jista’ jagħtik.

Tiddejjaq li forsi jkun hemm min ma jagħmilx distinzjoni bejn il-karattri li tinterpreta u l-personalità reali tiegħek?

Tiskanta kemm hi ħaġa komuni. Imma mhijiex xi ħaġa li tiddependi minni u m’għandix kontroll fuqha. Jekk xi ħadd mhux kapaċi jiddistingwi iżda jkollu l-opportunità li jsir jafni, imbagħad ikun jista’ joħroġ bil-konklużjonijiet tiegħu.

Kif nibtet il-passjoni għar-reċtar? U eventwalment il-karriera tiegħek?

L-imħabba għar-reċtar bdiet fl-2014 meta jien diġà kelli 30 sena, età matura ħafna biex tibda. Iżda kien żmien meta kollox kien inbidel f’ħajti kemm fuq livell personali, ta’ xogħol u aspetti oħra. U f’dik il-mewġa ta’ tiġdid tħajjart nieħu kors tal-Beginners tad-drama. Ġimgħatejn wara li bdejt il-kors, kien hemm opportunità li nidħol bħala parti mill-ensemble tal-produzzjoni ‘Il-Kappillan ta’ Malta’ fejn hemm kelli l-opportunità nifhem xi jfisser tkun parti minn produzzjoni teatrali maġġuri, u ħadt ħjiel ta’ dak kollu li tirrikjedi. Minn dakinhar ma ħaristx lura, u l-opportunitajiet bdew jinbtu konsistentament filwaqt li l-ħiliet tar-reċtar tiegħi komplew jissaħħu. Imma retrospettivament, ninduna li din kienet xi ħaġa li dejjem kelli nklinazzjoni għaliha u sempliċiment domt biex għaraftha.

Tħoss li l-atturi huma apprezzati biżżejjed f’pajjiżna?

Il-pubbliku żgur mhux forsi, japprezza ħafna. Id-drama televiżiva, għalkemm xi minn daqqiet tibqa’ medjokri taħt ħafna aspetti, għal diversi raġunijiet, hija segwita ħafna, u kważi kważi hija fenomenu kulturali modern. Il-Maltin qiegħdin bil-mod ukoll jitgħallmu japprezzaw it-teatru lil hinn mit-teatrin tas-sala tal-kappillan u qed jersqu lejn it-Teatru Manoel, it-Teatru Rjal, Il-Kavallier ta’ San Ġakbu eċċ. Dan anke grazzi għal produzzjonijiet bil-Malti li huma relevanti għaż-żminijiet tal-lum, b’temi attwali. Fuq livell professjonali minħabba l-limitazzjonijiet tal-industrija l-ħlas hu dak li hu, is-sodisfazzjon personali biss jista’ jikkumpensa għall-kumpens finanzjarju modest li jirċievi l-attur. Rigward kemm l-attur huwa apprezzat mill-produtturi u mid-diretturi, dan ivarja skond il-każ, imma ħafna drabi tidħol dinamika simili għal dik ta’ bejn ħaddiem u min iħaddem. Li hu żgur hu li hawn sfruttament ta’ min ikun għadu qiegħed jistabbilixxi ruħu, fejn il-fatt li artist mhux veteran, tintuża bħala skuża biex tintalab flessibilità sproporzjonata, speċjalment fejn jidħol ħlas, bl-iskuża li l-attur qiegħed jingħata exposure.

X’inhuma l-kwalitajiet li jagħmlu attur tajjeb?

Il-passjoni u d-dixxiplina. Il-passjoni hija fundamentali biex tagħmel dan ix-xogħol. Mingħajrha l-attur jitla’ fuq il-palk bla ruħ u mhux se jirnexxilu jittrasmetti ħafna. Il-pubbliku huwa sensibbli ħafna għall-enerġija u għall-passjoni tal-attur. Għalkemm m’hijiex xi ħaġa li titkejjel, hija xi ħaġa li tinħass. Il-passjoni hija qisha żiemel. Imma ż-żiemel għandu bżonn kuċċier tajjeb biex jikkontrolla ż-żiemel u jiddixxiplinah biex jasal għad-destinazzjoni tiegħu. Min jirreċta u jonqos mid-dixxiplina mhux se jkun ippreparat biżżejjed, ħa jiżbalja hu u ħa jfixkel lill-kollegi waqt il-prestazzjoni. Bla dixxiplina ma tattendix dejjem għall-provi, ma tidħolx sew fil-karattru, ma tiffukax waqt il-prestazzjoni, tispiċċa tipprova tiġbed l-attenzjoni fuq il-karattru tiegħek b’dettriment għar-riżultat kollettiv (xi ħaġa li ħafna jsejħulha ‘diviżmu’ u li hi patoloġija komuni fost l-atturi li mhumiex dixxiplinati), flimkien ma’ mitt ħaġa oħra li twassal għal nuqqas ta’ professjonalità.

Irrakkuntalna xi praspura li għamilt jew sibt ruħek fiha relatata mar-reċtar..

Għandi memorja xi ftit batuta u għandi tendenza ninsa dawn it-tip ta’ anedotti. Però ukoll minħabba li ġieli nbati biex niftakar, kultant fuq il-palk ninsa xi linja, imma fortunatament ninqala biex nimprovizza u nimla ftit sa ma niftakar l-linja. Niftakar li darba kelli audition, u wara l-ewwel sentenza nsejt kif kienet tkompli l-linja. Dak il-ħin biex ma nidhirx li nsejt, waqaft u lill-produtriċi li kienet qiegħda tagħmilli l-auditon għidtilha “Skużani ħa jkolli nieqaf, imma vera qed inħossni onorat li għandi din l-opportunità li nirreċta miegħek għax minn dejjem nammirak”. Hi vera ħadet gost u bdiet tkompli miegħi, u jien sadanittant l-iskop tiegħi kien li waqt li qed inparlaw niftakar kif ikompli l-line. Imbagħad kif ftakartu għidtilha “X’nagħmlu? Inkomplu bl-auditon?”. L-audition marret tajba u ħadt il-parti.

‘Lil hinn mir-reċtar, min hu Patrick Tanti?

Din dejjem domanda diffiċli biex tirrispondiha. Bħal kulħadd għandi il-karatteristiċi tajbin u oħrajn inqas tajbin, u mhux se noqgħod nagħmel lista tagħhom hawnhekk. Biss inħossni kommess miegħi innfisi li dejjem nipprova nkun persuna aħjar mill-bieraħ.

Irnexxielna niskopru fatt interessanti ħafna u mhux daqstant magħruf dwarek. Oriġinarjament int studjajt u gradwajt bħala tabib, imma iddeċidejt li ma tipprattikax din il-professjoni. Għidilna aktar dwar dan..

Iva hekk hu. Lura fl-2006 kont gradwajt fil-Mediċina u l-Kirurġija u kont bdejt il-professjoni medika. Biss ħassejt li ma kellix il-passjoni u forsi il-vokazzjoni neċessarja biex inkompli b’din il-karriera. Deherli li kemm jien u kemm il-pazjenti kien jistħoqqilna aħjar minn hekk. Allura bla diffikultà ta’ xejn waqaft mix-xogħol ta’ tabib u qatt ma kien hemm ġurnata li fiha ddispjaċini li temmejt din il-karriera. Però, bl-istess mod, qatt ma ddispjaċini li għamilt il-kors. Dak li ksibt f’dak il-perjodu, bħala għerf, esperjenzi u ħiliet baqgħu miegħi u ikkontribwew b’mod sħiħ sabiex jagħmluni dak li jien illum. Wara li ma bqajtx nipprattika, kelli esperjenzi differenti fuq postijiet tax-xogħol f’industriji differenti u li kienu gratifikanti ħafna u għamluni bniedem iktar sħiħ, b’perspettiva iktar olistika fuq il-ħajja.

Fuq nota iktar ħafifa, minħabba li fil-qasam tad-drama, dan il-fatt mhuwiex sigriet, spiss jgħajtuli għal partijiet ta’ tabib, kemm għax il-props mediċi ma jkunux problemi għax nuża apparat, bħal ngħidu aħna l-istetotskopju, li huma tiegħi, u kemm għax il-parti ta’ tabib tiġini naturali ħafna, għal raġunijiet ovvji. Dan kien il-każ f’serje bħal It-Tfal, Division 7 u Ħbieb u Għedewwa.

Xi tqis bħala prijoritajiet f’ħajtek?

Li nkun dejjem onest miegħi nnifsi, true to myself kif jgħidu bl-Ingliż; li nibqa’ nkun kapaċi napprezza l-iċken affarijiet sbieħ li tista’ toffri l-ħajja; li jkolli biżżejjed self-love sabiex nieħu ħsieb tiegħi nnifsi; u li jkolli biżżejjed kompassjoni li nagħmel id-differenza fil-ħajja ta’ ħaddieħor u ta’ min jista’ jkollu bżonn l-għajnuna tiegħi. Fuq kollox li ngħix il-‘mument preżenti’, għax dak huwa l-essenza tal-ħajja.

X’jagħtik l-aktar sodisfazzjon?

Jien bniedem sempliċi mingħajr wisq aspettattivi, allura huma l-iktar affarijiet ordinarji li jagħmluni kuntent.

L-aktar persuni li tammira jew li jispirawk… kemm minn aspett ta’ karriera u anki personali

Jekk qed nitkellmu fuq l-arti tar-reċtar, jien kbirt nara films tal-ġeneru msejjaħ ‘Commedia all’Italiana’, li għalih dejjem kelli ġibda kbira. Dan hu ġeneru komiku u satiriku fejn id-difetti tat-Taljani jiġu esposti b’mod umoristiku u b’awto-ironija kbira. Li tkun kapaċi tidħak bik innifsek nemmen li hija essenzjali għal min jipprova jgħix ħajja li fiha jkun kuntent bih inniffsu. Għaldaqstant minn ċkuniti dejjem ammirajt ħafna, lil atturi bħal Toto’, Peppino de Filippo, Alberto Sordi, Ugo Tognazzi, Aldo Fabrizzi, Vittorio Gassmann u Carlo Verdone. Mingħajr ma kont naf kont qiegħed gradwalment nassorbi ħafna mill-komiċità tagħhom u involontarjament integrajtha fl-istil tiegħi.

Lil hinn mir-reċtar dejjem ħaddant prinċipji xellugin radikali u ammirajt personalitajiet li f’ħajjithom iġġieldu kontra d-diżugwaljanzi , il-mibegħda razzjali, id-diskriminazzjoni ibbażata fuq l-orjentazzjonijiet sesswali u dawk li ħadmu favur il-ġustizzja soċjali u l-emanċipazzjoni tal-klassi tal-ħaddiema, fost oħrajn.

Fl-opinjoni tiegħek, liema huma l-isbaħ ġesti li persuna tista’ tagħmel lil ħaddieħor?

Li tittratta lill-proxxmu kif tixtieq li tiġi trattat int, bla preġudizzju u b’kompassjoni.

Patrick sensittiv?

Skont x’nifhmu b’sensittiv. Jekk sensittiv ifisser li niġi affettwat emozzjonalment min-nies ta’ madwari, ngħidlek li f’dak is-sens illum ħafna inqas sensittiv. B’dan irrid infisser li iktar ma tikber iktar issir assertiv u iktar tinduna li l-opinjoni ta’ persuna fuqek hija biss riflessjoni ta’ dik il-persuna u mhux riflessjoni ta’ dak li int int. Jekk b’sensittiv tfisser li tissimpatizza għal dak li jkun u tkun empatiku, ngħidlek iva, però nagħmel dan biss sal-punt li naħseb li hu neċessarju, għax anke l-isbaħ affarijiet fid-dinja, jekk sproporzjonati ma jkunux sani.

Kemm hu importanti l-umoriżmu fil-ħajja ta’ kuljum?

Daqs kemm hi importanti l-mediċina għal xi ħadd marid.

Hemm xi ħolma li tixtieq twettaq?

Jien ngħix ħajti mingħajr aspettativi; iżda ngħixha b’idi miftuħa għal dak kollu li jista’ jkun pożittiv jew jgħini nikber fuq livell personali. Il-ħajja mimlija sorpriżi, kultant ikunu wara l-kantuniera. Naraw xi jmiss u nagħmlu l-ahjar li nistgħu fiċ-ċirkostanzi.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks