Niltaqa’ ma’ ħafna nies differenti, grazzi għal xogħli, però jkolli nammetti li qatt ma tħajjart nikteb fuq każ simili, avolja jeżistu bil-bosta. Propjament qatt ma kont bsart kemm storja bħal din kienet se taffettwani, tant li ddeċidejt li naqsamha magħkom il-qarrejja ta’ skoperta.net. Mhix intervista bħas-soltu fil-fatt għaliex lil min ippruvajt inkellem ma setax jikkomunika miegħi sewwa. Tista’ tgħid li m’għandux vuċi.
L-ewwel ftit minuti li qattajt maġenbu ma kinux jixhdu minn xiex għadda. B’xi mod, forsi anki għax għandu karattru ferrieħi, qed jirnexxielu jħalli warajh it-trawma kerha li għadda minnha, anki bl-għajnuna tan-nies li jieħdu ħsiebu b’tant imħabba. Mill-ftit informazzjoni li ġbart fuqu, din hija l-istorja tiegħu…
Kien għadu jitwieled, vulnerabbli ħafna. Ommu kienet tgħix ma’ familja li kienet tieħu ħsiebha sewwa. M’inhix ċerta jekk kienx hu l-ewwel wild, però li naf żgur huwa li ommu kienet fis-seba’ sema bih! Ma kinitx titilqu sekonda minn taħt għajnejha. Kienet tgezzu magħha f’sodditha ttih il-ħalib, però ma tantx damet wisq! Din il-familja ma riditux! Iddeċidiet li ma kienx hemm post għal xi ħadd ieħor fid-dar…ratu żejjed. Tista’ tgħid li kien diġà twieled taħt stilla sewda. Lanqas ommu ma kellha vuċi għaliex riedet min-nies u ma damitx wisq ma rrealizzat li se jifirduhom. Bdiet tagħmel f’qalbha u ma bdietx tiekol. Biex il-firda tagħmel l-inqas ħsara possibbli, sid id-dar iddeċieda li jitfgħu għall-addozzjoni wara ġimgħa u nofs biss li twieled, u mhux talli hekk, talli tah prezz! Prezz miżeru ta’ €200!
Ċempel guvni għalih mill-ewwel, mar jarah, refgħu fi ħdanu, ħa grazzja miegħu u ddeċieda li jieħdu. Ħallas il-flus mitluba u telaq. Lanqas biss se nipprova nimmaġina x’għamlet ommu kif ratu sejjer. Kienet għadha kemmxejn batuta wara l-ħlas u lanqas felħet tqum minn fuq is-sodda. Kull min hu ġenitur jista’ jipprova jimmaġina….Il-gravità tas-sitwazzjoni ma kinitx dik biss, iżda kif wieħed isir jaf x’kienet l-intenzjoni ta’ dan il-ġuvni wara din l-addozzjoni!
In-nanna ta’ dan il-ġuvni kellha familja kbira u kienet dejjem imdorrija bin-nies id-dar. Kif jiġri naturalment, kulħadd jikber, jiżżewweġ u jkollu familja. Inzertat kienet armla wkoll għaliex ir-raġel tagħha miet żgħir u għaldaqstant din il-mara spiċċat tgħix waħedha f’dar kbira u bdiet tagħmel f’qalbha. Mingħajr ma qagħad iqis xejn, in-neputi tagħha ma tantx dam ma ħa deċiżjoni żbaljata mmens.. deċiżjoni li kien se jkollha riperkussjonijiet irreparabbli! Iddeċieda fuq il-ħajja ta’ ħaddieħor mingħajr kunsens.
Dan il-ġuvni kien iħobb il-band ‘Rolling Stones’. Kien mar jara l-aħħar kunċert tagħhom u kellu l-kollezzjoni tal-albums tagħhom. Jagger semmieh, ovvjament għal-lead singer tal-band Mick Jagger! ! U ddeċieda li jtih lin-nanna bħala rigal tal-Milied! Mara ta’ 70 sena, marida u bilkemm tista’ timxi sewwa. Kif ratu nħasdet, però kienet diffiċli ferm biex ma tiħux grazzja miegħu għaliex kien veru gustuż. Iż-żgħir, wara kollox kollu ħelu! Ma riditx tikser lin-neputi tagħha u aċċettat li trabbih u tatu l-imħabba, avolja ma tikkompara qatt ma dik ta’ ommu…Jagger ħabbha wkoll, anzi miġnun kien fuqha. Ma kienx jinqala’ minn ħdejha, avolja biż-żmien imħabbet in-nanna bdiet tiddeterjora u bdiet tarah bħala piż żejjed….
Għalkemm kien għadu żgħir Jagger kien induna però imħabbtu għaliha baqgħet tissaħħaħ. Ħaseb li b’imħabbtu se jratbilha qalbha, iżda mar ħażin. Ma bdietx titimgħu sewwa. Kien hemm drabi fejn kien jirreġetta l-ikel u anki jagħmel taħtu. Qatt ma ħaditu għand it-tabib avolja kien ikun marid. Biex inkun għidt kollox, in-nanna kienet tgħix b’penzjoni miżera għall-aħħar u ma kellha l-ebda għajnuna finanzjarja, lanqas mingħand in-neputi tagħha! Ma baqgħetx taħslu lanqas, u għaldaqstant il-qagħda iġenika tiegħu bdiet tiddeterjora wkoll, tant li bdiet tikkawżalu ħafna nfezzjonijiet. Għolob ħafna u ma kienx għad fadallu saħħa, lanqas jibki….
In-neputi tan-nanna kien ilu ħafna ma jmur iżurha, iżda darba fost l-oħrajn ċemplitlu. Għadda jittawlilha, u ma damx ma irrealizza xi żball kien wettaq sentejn qabel! Onestament veru nbati biex nifhem kif xi ħadd li jħobbok mingħajr ebda kundizzjoni jista’ qatt xi darba jdejqek li tkun trid teħles minnu!! In-neputi ma kienx lest li jidħol għal dik ir-responsabbiltà! Ħajtu ma kienet aġevolanti xejn, però kellu bilfors isib soluzzjoni. U hawnhekk tidħol Rosalind.
Rosalind hija fil-fatt it-tfajla li jien kellimt biex ġbart din l-informazzjoni. Tfajla żagħżugħa veru ħelwa li ddeċidiet li tiddedika parti kbira minn ħajjitha biex tieħu ħsieb lil Jagger, mhux lilu biss iżda lil ħafna iktar bħalu li ġew litteralment imqaċċta minn ma’ djul ommhom għall-eġoizmu sfrenat uman u mbagħad abbandunati! Ma riditx ittini intervista formali għaliex il-ħin kien limitat ħafna u kważi kważi kont qed intellifha, iżda nixtieqkom xi darba tisimgħuha tagħti l-opinjoni tagħha fuq dawn l-atti li għalkemm forsi wħud minnhom ikunu mingħajr intenzjoni ħażina, xorta jkunu bla qalb. Skoprejt kemm hawn każijiet simili, tant, li Rosalind ġiet bżonn l-għajnuna voluntarja. Fil-fatt illum il-ġurnata għandha l-għajnuna, però titlob bil-ħniena biex min jista’ jagħti daqqa t’id jikkuntattjaha.
Qabzitli demgħa meta qaltli minn xiex għadda Jagger… ir-rakkont tagħha mit-telefonata tan-neputi sakemm iffirma biex itiha lil Jagger kienet xi ħaġa inspjegabbli, speċjalment meta b’leħinha miksur qaltli kemm dam f’rokna jibki lin-nanna…dik il-persuna li nesa lil ommu għaliha..dik il-persuna li tant ħabb mingħajr kundizzjoni u li ħaseb li ma hi se tittradih qatt! L-esperjenza ttrawmatizzatu ħafna, tant, li veru kienet diffiċli biex jerġa’ jafda. Rosalind u l-voluntiera ħadu ħsiebu, ħaduh għand it-tabib u fejquh..iżda l-ferita f’qalbu se tibqa’ hemm ħajtu kollha! Madanakollu x’ħin iltqajt miegħu u kellimtu, irnexxieli nċaqalqu ftit. Resaq lejja u missli jdejja. Ma stajtx nieqaf nibki għaliex irrealizzajt kemm għandu bżonn imħabba. Jaħasra veru….
Jagger għamel sentejn man-nanna, u kienu biżżejjed biex immarkawh. Illum jinsab fil-kura ta’ Rosalind u sħabha u qed jistenna lil xi ħadd li lest itih dak li ħaqqu, l-imħabba.
Iva, Jagger huwa kelb ħelu, tar-razza German Pointer, għadu ġeru u ilu mal-AAA sitt xhur.
Jagger, bħal ħafna oħrajn, qed jistenna l-imħabba tieghek. Jekk int lest li ttih dak li jixraqlu, ċempel lil AAA fuq 79730921 u staqsi għal Rosalind.
Nirringrazzjak bil-quddiem.

Kontributriċi