Franz Galea Bezzina u ilu jkanta għal dawn l-aħħar 18-il sena. Jgħidilna li l-kant dejjem kien strument li bih jirnexxilu jferraħ lin-nies b’mod speċjali lil dawk li jinsabu waħedhom u jkunu jixtiequ ftit kumpanija. Għal Franz, m’hemm xejn isbaħ mill-mużika biex tagħmel dan.
Wara s-suċċess li kiseb bil-kanzunetta Jien hekk, proprju ftit tal-ħin ilu għadu kemm nieda kanzunetta ġdida li ġġib l-isem ta’ ‘Milied tal-familja‘. Miktuba minn Franz innifsu u mużika ta’ Marco Debono, din il-kanzunetta titratta fuq tipi differenti ta’ familji u kif kulħadd igawdi l-Milied bil-mod tiegħu. Kif ukoll titratta l-elementi kolla li jġib miegħu l-Milied – kemm talb, kemm tiżjin, u l-improtanza li nkunu magħqudin u ngħinu lill-batut.
Il-messaġġ ewlieni ta’ din il-kanzunetta hu l-importanza u l-valur tal-familja, u l-valuri li għandna ngħixu bihom matul is-sena kollha iżda li jirriflettu anki fil-Milied. F’Milied tal-Familja.
Silta mill-kanzunetta:
Milied Tal-Familja, b’għan nobbli u pożittiv,
Innaqsu ftit kapriċċi, ngħinu lil min hu fil-qiegħ,
Naraw l-anzjani tagħna u mhux dejjem imwarrbin,
Milied b’differenza, mingħajr bews u tgħanniq.
