Fis-sena 1913, f’pajjiżna kien sar il-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali li kienet waħda minn dawk l-okkażjonijiet li tniżżlu bi kliem tad-deheb fl-istorja ta’ pajjiżna. Dan il-kungress kien attira lejn Malta eluf ta’ nies li fosthom kien hemm ħafna ġurnalisti. Fost il-postijiet li kienu saru attivitajiet fihom insibu l-Knisja tar-Rotunda tal-Mosta li kienet il-post magħżul fejn ingħata bidu għal dan il-Kungress.

Kien it-23 ta’ April 1913 meta għall-ħabta tat-3.30pm il-Kardinal Ferrata li kien il-Legat tal-Papa wasal fil-Mosta bil-karrozzella tal-Isqof u meta wasal fuq iz-zuntier tal-knisja l-banda Nicolo Isouard daqqet l-innu tal-Papa. Wara fil-knisja ngħata bidu għal dan il-kungress li għalih kienu preżenti bosta dinjitarji tal-Knisja Kattolika fosthom Kardinali u Isqfijiet. Kien preżenti wkoll il-Kleru u n-Nobbiltà flimkien mal-poplu Maltin. Il-Knisja Tal-Mosta kienet imżejna għal din l-okkażjoni u kienet maħnuqa bin-nies. Din kienet okkażjoni mill-isbaħ u l-Mostin biex jibqgħu jfakkru din l-okkażjoni t-triq prinċipali ta’ raħalhom issemmiet Triq il-Kungress Ewkaristiku.

Attivitajiet oħra kienu saru fuq il-fosos tal-Furjana fejn kienet waqqfet Tribuna monumentali Biex saret ċelebrazzjoni Ewkwaristika. Fil-ġnien tal-Barrakka ta’ Fuq kienet ingħatat l-barka sagramentali mill-gallarija li tħares fuq il-Port il-Kbir u l-Kottonera. Bħala monument għal dan il-Kungress kien inawgurat il-momument ta’ Kristu Re fil-Furjana xogħol mill-aqwa ta’ Antonio Sciortino. il-Knisja parrokkjali tat-Trinita Qaddisa fil-Marsa kienet inawgueata f’dan iż-żmien ukoll biex tibqa’ bħala tifkira ta’ dan l-avveniment. L-istess nistgħu ngħidu għal Knisja ta’ Kristu Re ta’ Raħal Ġdid li kienet fil-fażi tal-bini wkoll kienet intenzjonata biex tibqa’ tfakkarna f’dan il-Kungress li kien sar f’pajjiżna fis-sena 1913.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks