Select Page

Nitkellmu ma’ Joe Bartolo


Joe Bartolo ġej mill-Ħamrun u twieled fil-25 ta’ Jannar 1936. Miżżewweġ ma Jane u kellhom tlett it-tfal, illum kollha miżżewġin, bużnanniet ta’ sitta. Joe kien impjegat mall-kumpanija Ingliża ‘Rediffusion’ minn fejn beda u spiċċa magħha. Beda fl-1953 fl-accounts, kompla bħala kollettur u fl-1979 spiċċa fid-Dipartiment tal-programmi bħala librar tad-diski. Minn hawn akkwista dak li dejjem xtaq, drama, preżentatur ta’ programmi u produttur ta’ radjudrammi. Lura lejn it-tmiem tas-snin 50 kien beda il-palk ma’ Joe Muscat Scerri, kienu jduru bosta rħula u bliet b’xi dramm ta’ William Shakespear kif ukoll xi kummiedja. Għamel żmien twil wieqaf sakemm ġiet l-opportunita’ permezz ta’ ħbieb li huwa kien għamel fix-xandir. Joe jgħidilna “Ir-Rediffusion iġibli ħafna memorji sbieħ, għaliex minn hawnhekk għext familja.”

Joe Bartolo mal-mara tiegħu Jane

Huwa beda bi programmi mużikali, grazzi għal Manwel Zammit, Kap tal-programmi tar-radju u dan kien fl-1983 bl-ewwel programm mużikali għar-radju ‘Minn Nashville’ ‘Drive time’ ‘Profili Country’ ‘Cinematografija’ bi skript ta’ Lino Cassar, ‘Minn x’ħin jidlam sa ma jisbaħ’ maratona ta’ mużika mill-11pm sas-6 am dan kien ikun darba f’ġimgħa. Aktar tard jinbidel is-Sur M. Zammit u floku jidħol is-Sur Charles Flores fl-1987. Issa li r-Rediffusion kellu jċedi ismu u jiġi ntrodott Radju Malta. Fl-istess sena kellu jmur għal intervent ta’ malajr fl-Isptar San Luqa liema intervent kien kważi wasslu fl-aħħar ta’ ħajtu. Wara li ħa saħħtu lura daħal għax-xogħol u ġie introdott ma’ Mr. Flores fejn dan kien sema’ ħafna dwaru meta huwa kien rikoverat. Dan kien il-waqt li Mr Flores wera x-xewqa li jlaqqa’ żewġ preżentaturi tal-istess ġeneru ta’ mużika għall-programm wieħed flimkien. L-ewwel programm li kien iġib it-titlu ‘Lejla Country’ beda jixxandar f’xandira diretta il-Ħamis 7 ta’ Jannar 1988 fid-9pm.

Joe Bartolo mal-kollega tiegħu Leslie Gladwish

Bl-inizjattiva ta’ Mr. Ġorġ Peresso beda wkoll jipproduċi xi radjudrammi, hawnhekk huwa ħass li tela’ tarġa oħra fil-karriera tiegħu. Aktar tard huwa għamel wieqaf kważi erba’ snin sakemm wasal il-waqt li kemm Leslie Gladwish kif ukoll Joe sabu ruħhom ma ‘One Radio’ bi programm ta’ mużika Country, u b’hekk bdew jippreżentaw il-programm minflok il-mibki Vince Laus. Din is-sena Joe kellu jirtira mill-programm minħabba diversi sitwazzjonijiet fosthom il-pandemija COVD 19.

Fil-qasam tad-drama Joe kellu diversi partijiet, fuq il-palk kif ukoll permezz tat-televiżjoni, partijiet ma’ bosta atturi popolari fix-xena bħal Elsa Romei, Ġemma Portelli, Josephine Mahoney, Josephine Zammit Cordina, Charles Thake, Mario Micallef, Michael Sciortino, Lino Grech u Josie Coppini fost oħrajn. L-iktar tlett produzzjonijiet għall-qalb Joe fil-palk u televiżjoni huma ‘Meta morna tal-Mellieħa’ kitba ta’ Frans Ebejer, flimkien ma’ Lino Grech, Josephine Mahoney u l-mibkija Melita Cutajar fost oħrajn, din saret fit-Teatru miftuħ tal-ġonna ta’ San Anton fl-1983 fl-okkażjoni tal-Maltafest. Produzzjoni oħra għat-televiżjoni kienet ‘L-ewwel jien’ ta’ Ġuże Diacono, flimkien ma’ Elsa Romei, Lino Grech u Leslie Gladwish. Kien hemm ukoll ‘Min ifassal u min iġarrab’ ta’ Ronald Saliba flimkien ukoll ma’ Elsa Romei, John Dimech u oħrajn. Din kienet saret kemm għat-televiżjoni kif ukoll għat-teatru.

Kellu wkoll diversi partijiet fuq il-palk tat-Teatru Manoel u l-Istitut Kattoliku u diversi lokalitajiet oħra. Partijiet oħrajn kellu f’sensiliet bħal Issa Naraw, Dun Benit, Ipokriti u fis-sensiliet semi reliġjużi Qalb in-Nies u Kurrenti. Parti oħra li kienet differenti minn tas-soltu kienet fis-sensiela Tagħnniqa.

Joe jgħidilna wkoll dwar id-differenza tal-produzzjonijiet li kienu jsiru fil-bidu tal-karriera tiegħu għal t’issa. “Fil-bidu konna naħdmu fl-istudios bi tlett kameras u bini ta’ sett permezz tal-karpentiera bravi u x-xogħol li għaddej bħal issa hu ħafna inqas minn dak ta’ qabel, xogħol fi studios tista tgħid inqata għal kollox.” jgħid Joe. Bejn l-1992 u l-1994 huwa ipproduċa żewġ sensiliet televiżi ta’ sitt episodji kull wieħed bl-isem ‘Country Saloon‘ bil partiċipazzjoni ta’ kantanti Maltin kif ukoll vidjos ta’ oħrajn Amerikani, dawn kienu xi ħaġa ġdida għat-telespettaturi u d-dilettanti tal-mużika Country għal dak iż-żmien. Din kienet kisba oħra fil-karriera ta’ Joe.

“Il-mużika għalija nista ngħid li ngħix biha, id-dinja mingħajr mużika mhi xejn. Kull ġeneru ta’ mużika tgħoġobni, iżda nippreferi dik Country.”

Matul dawn l-aħħar 4 snin, Joe kiteb 39 poeżija. Il-pjan tiegħu hu li mhux wisq fil-bogħod, jippubblika dawn il-poeżiji fi ktejjeb.

Waħda mill-poeżiji li kiteb Joe

Nitkellmu wkoll ma’ Joe dwar l-importanza li wieħed jibqa attiv minkejja li jilħaq ċerta età. “Bħala penzjonant nipprova nkun attiv sakemm tibqa’ s-saħħa. L-appell tiegħi lis-segwaċi u l-qarrejja ta’ SKOPERTA, li hawn nixtieq nagħti prosit lil Roberta u Janice ta’ dan il-proġett, liż-żgħażagħ speċjalment ibdew minn issa qabel ikun tard wisq ħudu d-drama bħala delizzju għax permezz ta’ hekk titħaltu ma’ nies ta’ ċertu livell ta’ edukazzjoni li allura għal quddiem ikun jiswa, bħal ma jgħid il-Malti, mitqlu deheb.”

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks