L-ewwel ħarist lejn il-pupa għaliex ngħid il-verità, dak il-ħin kont qiegħda mehdija sew magħha u ma kellix moħħ diskors. Ħarist lejn xuxitha sabiħ bjond, għajnejha kbar impinġijin suwed u l-libsa mżarrta xi ftit mill-ġenb, tant kemm kont ilni niġbed fiha u nilgħab biha.
Imbagħad dawwart ħarsti lejn ommi, b’għajnejja kbar, miftuħin beraħ, lesti biex jaraw l-espressjoni ta’ ommi waqt li kont qed nistenna biex nisma’ din l-aħbar li kellha tagħtini.
“Se jkollna tarbija ġdida fil-familja…….il-bambin…….” waqfet ftit biex tieħu nifs. Dak il-ħin, bl-eċċitament li kellha, bilkemm setgħet tinftiehem sew. “Il-bambin…….se jerġa’ jtina…….lil xi ħadd ieħor ma’ min tilgħab inti.”
Dak il-ħin suppost fraħt. Iva, hekk kien suppost.
Iżda r-rabja kbira li qabditni ġo fija, ma nistax nispjegaha hawn.
“Jien lil Helen irrid!” ridt ngħajjat u nwerżaq.
Imma minflok, għażilt li nitbissem, ħallejt lil ommi tgħannaqni u ħassejt nifisha jinqata’ hekk kif wiċċha kien eżatt ma’ widinti.
Iżda meta waslet dik il-ġurnata li kelli niltaqa’ mat-tarbija l-ġdida……..kont ħerqana biex naraha iżjed milli kienu huma.
Mhux għax kont inħobbha. Iżda għax ridt nara min kien qed iqanqal din ir-rabja kollha ġo fija.
Stennejt li jgħajtuli ħdejhom. Kamra bajda mimlija nies lebsin kollox abjad jew aħdar. Riħa tal-kexxun ta’ fuq li kellna d-dar taħt il-mera tal-kamra tal-banju.
Rajt lil missieri ġej lejja mill-kuritur.
Ġrejt b’kemm kelli saħħa.
Eżatt malli rajt lit-tarbija, qalbi bdiet tħabbat b’mod mhux normali.
Ma għannaqthiex. Ma ridtx nerfagħha. Ir-riħa tfuħ ta’ trabi daħlet f’imnifsejja.
“Jisimha Helen……” qaltli ommi b’vuċi xi ftit maħnuqa, tirrifletti mumenti xi ftit diffiċli waqt il-ħlas.
“Mhux sew!” ridt ngħidilhom. Iżda bqajt siekta.
It-tarbija ġiet magħna d-dar u tgħidx kemm bdiet tikber. Fil-bidu kienet torqod fil-kamra t’ommi u missieri, iżda mbagħad meta beda għaddej aktar iż-żmien, ġiet torqod f’kamarti. Is-sodda ta’ Helen ma kinitx għadha hemm. Minflokha, il-papa’ kien ġab sodda oħra. Sodda ikbar u isbaħ. Iżda lili iżjed kienet togħġobni dik ta’ qabel. Għax dik kienet ta’ oħti. Oħti Helen.

Il-ġimgħa d-dieħla…..ir-raba’ u l-aħħar parti ta’ dan ir-rakkont…

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks