Select Page

Matthew Bartolo se jkun qiegħed jikkontribwixxi wkoll fuq skoperta.net kif ukoll iwieġeb il-mistoqsijiet tagħkom, iżda għal din il-ġimgħa ħsibna biex nitkellmu ftit miegħu dwaru personali u l-professjoni tiegħu…

Min hu Matthew Bartolo?

Matthew Bartolo hu persuna b’ħafna strati u faċċati. In-nies l-iktar li jafuni bħala sesswologu jew terapista tas-sess. Kultant nismagħhom jgħidu: “ara tas-sess”. Din reputazzjoni li ħadt għax għażilt li nitkellem ħafna fuq is-sess, speċjalment fuq midja lokali. Hemm ċans li stedintuni biex nibda nikkontribwixxi fuq dan il-portal għall-istess raġuni. Għalkemm is-sess hemm min għadu jqisu bħala tabù illum il-midja ndunat li is-sess ibigħ u għalhekk jien nuża din il-pjattaforma biex nilħaq nies li forsi ma jaslux ifittxu l-għajnuna dwar problemi jew mistoqsijiet sesswali li jista’ jkollhom.

Għal sħabi, min-naħa l-oħra, jien persuna dipendibli ħafna u nkun hemm meta jkollhom bżonn, bħal ma huma jkunu hemm għalija.

Għall-ġenituri tiegħi naħseb kont uġigħ ta’ ras, u kultant ta’ qalb, avventura wara l-oħra, jien u nikber. Illum jgħidu li kburin bija u dak li tgħallimt. Jien ninbixhom billi ngħid li nemmen li jien kapaċi nagħmel ċertu xogħol minħabba l-keded li tajthom f’żgħożiti. L-avventuri li dħalt fihom jien u nikber illum jgħinuni nifhem, jew naħdem, ma’ nies differenti.

Qed ngħid dan kollu għax hemm ħafna l-għati tiegħi, u bħali kull min se jaqra dan li ħarbixt. Nemmen li importanti li nifhmu li aħna nuru aspetti varji lil nies differenti u li aħna esseri li jevolvi. Kif kont naħsibha għaxar snin ilu mhux kif naħsbiha llum.

X’inhi sesswoloġija?

Sesswoloġija hi l-istudju tas-sess, sesswalità, u dak kollu li għandu x’jaqsam magħha. Jidhol ħafna fil-fiżjoloġija, psikoloġija u soċjoloġija.

X’wasslek biex tagħżel din il-professjoni?

Wara l-baċċellerat fil-psikoloġija l-Università ta’ Malta, kont qed nistudja Counselling fuq livell iktar avvanzat ma’ skola tal-counselling ġewwa Londra. Wieħed mill-weekend seminars li kelna konna qed niddiskutu sess u relazzjonijiet. Niftakar it-tutors li kellna kienu terapista li jispeċjalizzaw fis-sess u sesswalità u ħeġġewni nispeċjalizza bħalhom. Qalu li l-mod kif nitkellem dwar is-sess hu naturali u professjonali.

Kienu bagħtuli dettalji dwar l-iktar kors rispettat ġewwa l-Ingilterra, applikajt u tlajt l-Ingilterra biex nistudja u niprattika ġewwa klinika tas-sess tal- NHS ġewwa Sheffield.

Int personali, xi tħoss li tgħallimt minn din il-professjoni?

Tgħallimt ħafna. Jiena nħossni privileġġat ħafna li n-nies jiġu għandi u jiftħu qalbhom miegħi. Nisma’ sigrieti u biżgħat ta’ nies minn kull għad tal-ħajja. Ovvjament dan jien kollu nżommu għalija u mistur bis-sigriet professjonali.

F’dawn l-aħħar għaxar snin li ilni li speċjalizzajt fis-sess u relazzjonijiet tgħallimt li aħna min aħna, inħobbu lil min inħobbu, nixtiequ, u għandna bżonn l-istess affarijiet. Dan li nixtiequ, u għandna bżonn infitxuh b’modi differenti u postijiet varji, però kollha nixtiequ li nkunu maħbuba, u aċċettati, ta’ li aħna.

X’inhu l-akbar sodisfazzjon tiegħek bħala sesswologu?

Kien hemm ħafna drabi li bkejt bil-ferħ mal-klijenti tiegħi, u ġieli anke wara li telqu. Mumenti fejn koppji li kienu jaħsbu li ma jistgħux ikollhom tfal inqabdu tqal. Koppji li qed jirnexxilhom igawdu s-sesswalità flimkien. Però jkun hemm drabi oħra fejn is-sodisfazzjon jiġi wara xhur, jekk mhux snin. Koppji li jkunu ħassru quddiemi. Qablu li mhumiex għal flimkien. Ġieli persuna taċċettaha iktar minn oħra. Wara xi xhur, jew snin nirċievi messaġġ biex jgħiduli li qegħdin f’relazzjoni oħra, u li issa fehmu għala dik ta’ qabel ma ħadmitx.

Ikolli wkoll mumenti iebsa ħafna ġewwa l-klinika tiegħi. Koppji li għaddejin minn infedeltà. Koppji li tilfu lil xi ħadd. Uġigħ li ftit huma n-nies li jkollhom l-privileġġ li ħaddieħor jaqsmu magħhom, però xorta jkun diffiċli mhux ħażin.

Jiena mmexxi diversi timijiet. Tnejn minnhom huma Willingness u Sex Clinic Malta. Meta bħala tim tara li qdejt persuna mill-aħjar u waslet għall-għan tagħha hu sodisfazzjon ukoll.

Sodisfazzjon ta’ dan l-aħħar hu meta nies, jew organizzazzjonijiet minn pajjiżi oħra jkunu semgħu bija u jftixuni għal xi parir. Dan bħalissa qed nagħmlu kemm ma’ grupp Litwen u ieħor fir-Rumanija. Żewġ pajjiżi fejn l-awtoritajiet qed jopponu edukazzjoni sesswali obligatorja, u għalhekk qed ngħinhom jingħaqdu biex jibdew jibnu riżorsi ta’ edukazzjoni sesswali ħalli jaqsmuha onlajn u wara nerġgħu nkelmu lill-istess awtoritajiet ħalli nispjegaw eżatt x’nifhmu biha edukazzjoni sesswali.

Għamilt xi ħaġa simili il-Gwatemala fejn mort inlaqqa’ edukaturi, maġistrati, kapijiet ta’ tributjiet differenti, u tobba biex nibdew il-konversazzjoni dwar l-edukazzjoni sesswali. Kull pajjiż u raħal għandu l-bżonnijiet tiegħu u trid tadatta l-messaġġ skont il-bżonnijiet speċifiċi tan-nies.

Liema huma l-aktar problemi komuni li tiltaqa’ magħhom?

Illum il-ġurnata nara biss individwi, koppji jew relazzjonijiet bejn tlieta min-nies, li jkollhom problemi sesswali. Dan minħabba li qed inkompli nistudja u nispeċjalizza f’oqsma differenti tas-sesswalità.

Problemi l-iktar komuni huma nisa li jonqsilhom l-aptit sesswali meta huma f’relazzjoni. Iktar minn kwart tan-nisa qabel il-menopawża jonqsilhom l-aptit sesswali. Ħafna huma dawk li għadhom jemmnu li din xi ħaġa normali meta nafu li mhix. In-nuqqas fl-aptit ħafna drabi hemm kawża għalih u jekk taħdem fuqu jerġa’ jitfaċċa l-aptit għas-sess. Niltaqgħu ma’ nisa li jonqsilhom l-aptit waqt u wara l-menopawża. Huma ftit iktar min-nofs tan-nisa ta’ din l-età li jgħidu li jonqsilhom l-aptit. Dan jurina, li avolja jkun hemm bidla fl-ormoni, li tikkawża dan-nuqqas fl-aptit, hemm fatturi oħra, li ta’ min wieħed jiċċekja.

Problemi oħra komuni, din id-darba fl-irġiel huma dawk li jiġu malajr (kwart tal-irġiel kollha) u dawk li jbatu minn erezzjoni (terz tal-irġiel kollha).

Meta tħares lejn l-iktar kawża komuni għal dawn il-problemi sesswali tara li hi l-istil ta’ ħajja li qed nagħżlu li ngħixu. Minn ħaġa għal oħra u ma jkollniex ċans għal xulxin, jew għalina nfusna. Kawża oħra, li taffetwa kull ġeneru hi li qed inqablu dak li qed nagħmlu aħna ma’ exijiet, li naraw fuq TV jew pornografija. Ħafna huma dawk li jaħsbu li kulħadd qed jagħmel sess aħjar minnhom u li huma mhumiex biżżejjed.

Taħseb li għad hawn wisq stigma fuq dan is-suġġett u allura ħafna nies jibżgħu jew jiddejjqu jitkellmu u jfittxu l-għajnuna?

Meta nqabbel fejn wasalna llum ma’ fejn konna għaxar snin ilu naħseb li saru avvanzi kbar. Illum inkun mistieden fuq programmi fid-9am jew 12pm biex nitkellem fuq is-sess. Qabel konna rridu nistennew id-9pm jdoqqu. Illum tara li anke organizzazzjonijiet ta’ studenti tal-Università qed jorganizzaw diversi taħdidiet dwar is-suġġett. Anke meta mmur nagħmel xi laqgħa n-nies m’għadomx jiġu għax se nitkelmu fuq is-sess, jiġu għax għandhom ċerti aspetti tas-sesswalità li jixtiequ jitgħalmu fuqu.

Ma nemminx li s-sess għadu tabù, u dan nikkonfermah meta nagħti konsulenzi lil għaqdiet f’pajjiżi oħra li jfakkruni fejn konna aħna snin ilu.

Jekk għandkom xi mistoqsijiet li tixtiequ tistaqsu jew suġġett partikolari li tixtiequ li nitkellmu dwaru, ibgħatulna fuq info@skoperta.net

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks