Għalkemm aħna l-Maltin għandna r-riċetta tradizzjonali tagħna tal-istuffat tal-qarnit, li ħafna minna nieħdu pjaċir inżewquha ma’ xi platt spagetti jew biċċa ħobż tal-Malti tqarmeċ, huwa interessanti li nkunu nafu wkoll kif huwa msajjar u servut fil-kċejjen ta’ pajjiżi oħra, kif ukoll xi fatti dwar il-qarnit.
Minbarra li huwa baxx fil-kaloriji, huwa sors tajjeb ta’ vitamina B3 u B12, u ta’ potassju. Barra minn hekk, l-irjus tal-qarnit jipprovdu aktar mill-ammont rakkomandat li għandna bżonn kuljum ta’ selenju. Però l-qarnit jista’ jkun ukoll sors ta’ kadmju li hu tossiku għall-bniedem. Dan jista’ jakkumula fil-qarnit minħabba r-rata għolja ta’ inġestjoni ta’ fawna bentika li tinsab f’postijiet affetwati minn vulkaniżmu, ħruq ta’ karburanti fossili, u mill-użu taż-żebgħa antifouling tad-dgħajjes u l-vapuri. Però studju fuq il-qarnit li sar f’Malta wera li l-livelli tal-kadmju fil-qarnit lokali huma baxxi u konformi mal-liġi tal-Ewropa, għalhekk huma tajbin għall-konsum mill-bniedem.
Dwar kif jittiekel, ovvjament hemm varjazzjonijiet f’pajjiżi differenti. Mod favorit kif jittiekel fil-Korea huwa li sempliċement tqatta’ l-qarnit nej, tħawwru malajr bil-melħ u l-ġulġlien u tieklu waqt li jkun għadu jiċċaqlaq avolja mejjet.
F’pajjiżi oħra bħall-Mawrizju, it-Turkija, il-Greċja, Spanja, il-Portugall u t-Tuneżija, l-qarnit huwa spiss mixwi jew inkaljat b’abbundanza ta’ ħwawar tradizzjonali tal-pajjiżi rispettivi u jiġi servut bħala mezze jew dixx ewlieni.
Fil-Ġappun ovvjament huwa ingredjent għas-sushi, iżda wkoll għal dixx famuż imsejjaħ Takoyaki, li huwa snack bil-forma ta’ ballun magħmul minn panura ta’ dqiq tal-qamħ mimli b’ikkapuljat tal-qarnit, ġinġer immarinat u basal aħdar. Fl-aħħar jiġi mżejjen biz-zalza ta’ takoyaki, strippi rqaq ta’ seaweed, u frak irqiq ta’ ħut imnixxef.

Naħseb li din tal-aħħar ta’ min jippruvaha 🙂

Kontributriċi