Select Page

Nitkellmu ma’ Alison Bezzina

Għidilna ftit dwarek…

Jien ilni attivista tal-annimali għal ħafna snin. Minn dejjem kont inħobbhom u dejjem kont nipprova ngħin, imma wara ftit bdejt ninduna li l-problema ta’ moħqrija, abbandun u abbuż hija ħafna ikbar milli kont naħseb, u li kien hemm bżonn tibdil minn fuq, fis-sistema, u fl-imħuħ tan-nies. Ma bqajtx sodisfatta billi nsalva kelb jew xi qattus ‘l hemm u ‘l hawn, ridt nagħmel xi ħaġa iżjed long term u li tħalli impatt akbar. B’hekk bdejt ninvolvi ruħi fl-attiviżmu għat-trattament xieraq tal-annimali. Għal ħafna snin kont nikteb fil-gazzetti. U għalkhemm kont nikteb fuq suġġetti kurrenti kemm-il darba ktibt fuq l-annimali. Imbagħad tlett snin ilu iddeċidejt li nikkonċentra biss fuq il-qasam tal-annimali u ftaħt il-blog tiegħi www.iwillnotgoaway.com. Lil hinn mill-attiviżmu jien gradwata mill-Università ta’ Londra b’Masters fil-komunikazzjoni, ħdimt għal ħafna snin fil-qasam tat-telekomunikazzjoni u mal-Inspire Foundation.

Għadek kemm ingħatajt il-kariga ta’ Kummissarju għat-trattament xieraq tal-annimali. Xi tfisser għalik din il-kariga ġdida tiegħek?

Ir-rwol tal-kummissarju mhuwiex daqshekk differenti minn dak ta’ attivista tal-annimali. Id-differenza tinsab fil-metodu ta’ kif naħdmu.

Bħala kummissarju naħdem mat-tim tiegħi, (għandi tim ta’ esperti), biex nagħtu pariri u tagħrif direttament lill-awtoritajiet dwar it-trattament xieraq tal-annimali biex flimkien, nippruvaw intejbu l-kwalità tal-ħajja tal-annimali f’Malta u Għawdex.

Dan ma jfissirx li l-pariri li nagħtu dejjem jiġu milqugħa u implimentati, imma Gvern li jinvesti f’Kummissarju, ikun għaqli li juża l-għarfien u l-esperjenza tat-tim li jkun investa fih biex jieħu deċiżjonijiet u azzjonijiet iżjed għaqlija f’dan ir-rigward.

Bħala kummissarju, ir-responsabilitajiet huma varji. L-iżjed li nikkunsidra importanti huma li nqajmu kuxjenza fost il-pubbliku, li nedukaw u noħolqu djalogu soċjali dwar id-drittijiet tal-annimali u li nsaħħu l-infurzar tal-liġi.

Nixtieq niċċara li r-rwol tal-kummissarju mhuwiex ir-rwol tad-direttur tad-dipartiment tal-animal welfare. Dawn huma żewġ rwoli differenti ħafna. Għalkemm iż-żewġ rwoli għandhom l-għan li jtejbu l-ħajja tal-annimali tagħna, il-kummissarju m’għandux setgħat eżekuttivi.

Fejn tħoss li hemm bżonn isir l-aktar progress?

Bla dubju hemm ħafna xi jsir, u l-bulk tax-xogħol jikkonsisti f’edukazzjoni tal-pubbliku, f’infurzar tal-liġi li diġà teżisti anka fir-rigward ta’ farm animals, u rehoming centre iżjed adekwat għall-bżonnijiet tal-annimali tagħna.

Issa li ngħatajt din il-kariga, se tkun f’pożizzjoni li tagħmel differenza ikbar. Fejn qed taspira li tasal?

Personalment nemmen bis-sħiħ li l-annimali m’għandhom qatt ikunu għall-użu tal bniedem, u bħala Kummissarju din tibqa’ l-pożizzjoni tiegħi. Naspira li xi darba l-annimali ma jibqgħux ikkunsidrati bħala oġġett jew propjetà, iżda sakemm naslu hemm xogħli se jkun li ntejjeb il-ħajja ta’ dawn l-annimali.

Minkejja li fil-maġġoranza magħrufin għall-imħabba lejn l-annimali, iżda min-naħa l-oħra r-rati ta’ moħqrija u inġustizzji huma għoljin. X’taħseb li hi l-problema ewlenija?

Nemmen li l-problema ewlenija hija nnuqas ta’ għarfien u nuqqas ta’ edukazzjoni. Storikament l-annimali konna nikkunsidrawhom biss għall-użu tagħna u ma konniex niġu mgħallma sew fuq il-bżonnijiet u l-ħtiġijiet tagħhom. Ħafna kienu jemmnu pereżempju, li żżomm kelb marbut mhijiex moħqrija, jew li tneħħi d-dwiefer ta’ qattus biex ma jqattax sufan mhjiex moħqrija. L-affarijiet inbidlu, imma n-nies mhux neċessarjament inbidlu bl-istess pass. It-tieni l-akbar problema hija l-infurzar tal-liġi. Minħabba nuqqas ta’ riżorsi u sistemi antiki, l-awtoritajitiet isibuha diffiċli li jinfurzaw il-liġi li diġà teżisti.

Xi rwol għandhom l-annimali fil-ħajja personali tiegħek?

Naħseb li nista’ ngħid li l-annimali għandhom rwol prinċipali ferm fil-ħajja tiegħi. Apparti li għandi żewġt iklieb li dawwart ħajti biex ikunu komdi, kemm bħala attivista u issa bħala kummissarju, il-parti l-kbira tal-ġurnata tiegħi tinvolvi b’xi mod jew ieħor l-annimali.

Alison tikkonkludi l-intervista b’dan il-messaġġ

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks