Ċertament, il-Prof. Oliver Friggieri ħalla impatt fuq ħafna minna, b’mod partikolari dawk li kienu viċin tiegħu. Għamilna kuntatt ma’ Mario Micallef u staqsejnih dwar il-ħbiberija u l-esperjenzi li kellu miegħu.
Dan hu dak li Mario qasam magħna…
Lil Oliver ilni nafu mill-bidu tas-snin 90. Niftakar li kien attenda jara waħda mill-produzzjonijiet li l-kumpanija tiegħi ‘Talenti’ kienet ippreżentat fit-Teatru Manoel f’dak iż-żmien. L-għada ta’ dik il-produzzjoni kien ċempilli d-dar u talabni li xtaq jiltaqa’ miegħi u talabni mmur nara fl-uffiċċju tiegħu l-Università. Kienet sorpriża għalija din it-telefonata. Mort, qalli kemm ħa gost bil-produzzjoni li tellajt u ħeġġiġni biex inkopmli ntella’ produzzjonijiet oħra ta’ dak il-livell. Staqsieni dwar il-karriera kulturali tiegħi. Dik il-laqgħa kienet il-bidu ta’ ħbiberija li aktar ma għadda ż-żmien aktar issaħħet bejnietna. Il-laqgħat li ġew wara, kollha bdew isiru fid-dar tiegħu fi Fleu-deLys, B’Kara, fejn baqa’ joqgħod sakemm miet fiha wkoll.
Fl-1993 il-kumpanija ‘Talenti’, ippreżentat l-ewwel xogħlijiet ta’ Oliver fit-Teatru Manoel. Żewġ drammi f’serata waħda. ‘’L-Onor. Tar-Raħal’’ u ‘’Padruni u Qaddejja’’, żewġ dramm qawwija li mhux biss ippakkjaw it-teatru Manoel għal tlett rappreżentazzjonijiet, imma li ntlaqgħu tajjeb ħafna kemm mill-udjenzi, kif ukoll mill-kritiċi.
Fl-Lulju tal-1999 wasal id-dramm klassiku ta’ Oliver ‘’Rewwixta’’, li jien ippreżentajt flimkien mad-dipartiment tal-kultura, f’Sant’Iermu l-Belt fl-apert. Dan id-dramm ukoll kien intlaqa’ tajjeb ħafna ukoll.
Wara dan id-dramm, bdejt niġi mistieden biex naqra xi poeżiji ta’ Oliver f’diversi serati li kienu jsiru minn żmien għal żmien, għalhekk kemm għal ħaġa, kif ukoll għal oħra, bqajt inżomm kuntatt miegħu kważi l-ħin kollu.
Fis-sena 2000, Oliver kien irregalali ir-rumanz li kien għadu kif ħareġ, ‘’It-Tfal Jiġu bil-Vapuri’’. Niftakar li kien qalli li meta naqrah ngħidlu x’jidhirli minnu. Niftakar li dak in-nhar, qabel ma rqadt bdejt naqra dan ir-rumanz. Issaħħart fuqu, li ma kienx għan-ngħas kbir li kien qabadni kont inkompli naqrah. Komplejtu l-għada, u f’jumejn qrajtu kollu. Ċempilt lil Oliver u tlabtu biex immur narah. Hekk għamilt l-għada wara x-xogħol. Tajtu l-veduti tiegħi dwar ir-rumanz, għidtlu kemm għoġobni kemm bħala kitba, plot, kif ukoll ir-ritmu mgħaġġel tiegħu, u kemm żammni naqrah. Kien ħa gost ħafna niftakar. Wara li tkellimna anke fuq xi affarijiet oħra, qabel ma tlaqt minn għandu għidtlu: ‘’Oliver, dan ir-rumanz għandu potenzjal qawwi biex nagħmlu f’serje għat-televiżjoni’’. Niftakar li qatt ma stennejt ir-risposta li tani dak in-nhar, ħasadni u b’ċerta determinazzjoni qalli. “Le Mario, żgur li le. Ma tarax. Dak ktibtu bħala rumanz u hekk nixtiequ li jibqa’.” Deher determinat b’li qalli, għalhekk ma komplejtx ninsisti.
Niftakar li xi ħmistax-il ġurnata wara dik il-laqgħa, kif dħalt id-dar wara rehearsal li kelli l-Manoel, Nathalie qaltli li ċempel Oliver u ried li l-għada mmur id-dar tiegħu biex ikellimni. Hekk għamilt wara x-xogħol. Sinċerament ħsibt li ħareġ xi ktieb ieħor u ried jagħtini kopja, kif baqa’ jagħmel sal-aħħar. Kif dħalt poġġieli quddiemi flixkun birra, kif baqa’ jagħmel dejjem, u qalli: Spjegali dwar il-ħsieb tiegħek fuq It-Tfal Jiġu bil-Vapuri għal fuq it-televiżjoni. Hemm indunajt li x-xilep ġewwa. Għidtlu bil-ħsieb tiegħi li nagħmlu 13-il episodju minn dan ir-rumanz. Wara ħafna mistoqsijiet li għamilli, ġiegħelni nwiegħdu li ngħid li din kienet idea tiegħi u mhux tiegħu. Aċċettajt. Tlabtu biex jaddatta u mill-ewwel qalli li le, m’inhiex kapaċi li nagħmel dak ix-xogħol għat-televiżjoni. Dak il-ħin stess għidtlu li mela sa ngħid lil Lino Grech, bniedem li minbarra li kien attur tajjeb ħafna, kien għamel diġà ħafna xogħlijiet għat-televiżjoni. Ħa gost ħafna b’Lino. Niftakar li meta kellimt lil Lino Grech, għall-ewwel ma aċċettax għax qalli ‘’min jien? Naddatta xogħol ta’ Oliver Friggieri?. Ġiegħelt lil Oliver iċempillu biex jipperswadieh, u hekk għamel. U spiċċajna li minn sensiela ta’ 13-il episodju, tant kien suċċess, li għamilna żewġ sensiliet oħra ta’ 13-il episodju ieħor kull wieħed, għal Net TV. B’kollox kellna 39 episodju. Naturalment ma stajniex nagħmlu dan bl-ewwel rumanz li ħareġ Oliver, għalhekk, kellu jikteb żewġ rumanzi oħra. ‘’Dik id-Dgħajsa f’Nofs il-Port’’ u ‘’La Jibnazza Niġu Lura’’. U spiċċa li kiteb triloġija. Ma ninsa qatt il-ferħ ta’ Oliver meta ra s-suċċess ta’ dawn is-sensiliet. Kien hemm drabi li kien jiġi jarana niffilmjaw u kien ikun fis-seba’ sema. Dan it-teleserial klassiku, intlaqa’ b’suċċess kbir, u minn dakinhar sal-lum, Net TV, irrepetewh kemm-il darba.
Dan ix-xogħol tani wisq sodisfazzjon lili. L-aktar meta kont ħadt il-‘’Best Actor TV Award’’, għal parti prinċipali li jien għamilt fih, dik ta’ ‘Dun Grejbel’.
Wara, dan ir-rumanz, il-Klabb Kotba Maltin, ħarġu l-ktieb bħala triloġija. Tlett snin ilu, tħajjart li dan it-teleserial noħorġu wkoll bħala photo rumanz. Oliver ħa gost ħafna b’din l-idea. Kellimt lil Joseph Mizzi tal-Klabb Kotba Maltin. Aċċetta mill-ewwel li jieħu l-inkarigu li joħorgu hu, anke għall-ħbiberija kbira u r-rispett li minn dejjem kellu għal Oliver. U proprju sentejn ilu, fl-2018, ħareġ dan il-photo rumanz, li ntgħoġob ħafna.

F’dawn l-aħħar snin, kienu bosta l-okkażżjonijiet li jien organizzajt serati musico/letterarji ad unur ta’ Oliver Friggieri. Fil-fatt, l-aħħar serata kienet f’Settembru tas-sena l-oħra, fil-palazz ta’ San Anton, taħt il-patroċinju tal-President Dr. George Vella. Serata li ntlaqgħet tajjeb ħafna mill-udjenza numeruża li attendiet. Din is-serata kienet ta’ sodisfazzjon u ferħ kbir għal Oliver, għax fiha jien kont ġiegħelt liż-żewġ neputijiet tiegħu jaqraw poeżija tan-nannu. Niftakar li waqt li kienu qed jaqraw, ħarist lejh, innutajt demgħa nieżla minn għajnejh.

Dan l-aħħar, minħabba s-sitwazzjoni xejn sabiħa ta’ saħħtu, ma kienx possibbli li nikkumunikaw bil-fomm, konna qed ninqdew bl-emails. Proprju l-aħħar email li bgħatli kienet nhar l-Erbgħa 11 ta’ Novembru, ħin: 17:42, għaxart ijiem qabel miet. Fost affarijiet li kitibli, ferħan qalli li għadhom kemm ħarġulu żewġ kotba, ‘’Fil-Parlament Ma Jikbrux Fjuri’’, bil-Franċiż, u ‘’Ġiżimin li qatt ma jiftaħ’’, bl-Ingliż f’Londra. Qalli li warrabbli kopja tagħhom, kif jagħmel is-soltu.
It-telfa għallarieda ta’ Oliver, kienet xokk kbir nazzjonali. Malta tilfet biċċa minnha. F’dawn il-jiem, il-poplu wera l-imħabba tiegħu lejn dan ir-raġel. Tlifna poeta, ġentlom, raġel tal-familja, bniedem li ħlief ġid m’għamilx f’ħajtu, u fuq kollox tlifna bniedem umli u maħbub minn kulħadd.
Grazzi Oliver ta’ kull m’għamilt miegħi. Grazzi tal-ħbiberija sinċiera u onesta li dejjem tajtni. Grazzi li aċċettajtni bħala wieħed mill-ħbieb l-aktar qrib tiegħek. Grazzi tal-pariri siewja li dejjem tajtni. Inħobbok Oliver. Ma ninsik qatt. Nixtieq li jkolli post ħdejk ħalli nkompli nisma’ l-għerf tiegħek ħiereġ minn fommok. Sa ma nerġgħu niltaqgħu, strieħ fis-sliem ħabib ta’ veru.

Direttriċi u Editriċi