Select Page

Nitkellmu ma’ Narcy Calamatta

Narcy, riċentament erġajt irritornajt bħala attur fuq it-televiżjoni, fis-sensiela L-Ispettur. X’inhuma l-ħsibijiet tiegħek dwar din is-sensiela? Kif tħossok bir-ritorn tiegħek?

Frustrat. Kelli parti żgħira f’episodju wieħed. Dan ma nħossux ritorn fuq it-TV. Din is-sensiela hija imsejsa fuq serie ta’ kummiedji għat-teatru li jien rajt uħud minnhom. Bħala teatru kellhom suċċess kbir iżda dan ma jfissirx li awtomatikament se jkollom l-istess rispons fuq it-televiżjoni.

Kif kien ir-rispons tal-pubbliku?

Jien m’inhix noħroġ u ma smajt xejn. Xi ħbieb tal-mistjier qaluli li jien għoġobthom fil-mixja li kelli liebes il-kappell iswed.

Minn fejn nibtet l-imħabba tiegħek għat-teatru?

Meta waqa it-Teatru Rjal inbena ir-Radio City Opera House fil-Hamrun. Missieri kien impressarju u kien itella’ l-opra bil-Maltin. Jien u ż-żewġ ħuti konna nieħdu sehem f’dawk l-opri li kien ikollhom kor tat-tfal bħal ‘Carmen’ ta’ Bizet. Jien tlajt fuq il-palk fl-1946 jew 74 sena ilu. Ifisser li jien għandi l-itwal karriera teatrali f’Malta kollha.

Il-passjoni tiegħek hija l-Commedia Dell’Arte. Din il-passjoni esprimejtha f’diversi produzzjonijiet li tellajt u anki kotba li ippubblikajt. Għal min mhux daqstant familjari ma’ din it-tip ta’ arti, għidilna ftit dwar il-Commedia Dell’Arte u l-oriġini tagħha…

Il-Commedia dell’Arte daħlet Malta fi żmien il-Kavallieri. Meta jkun ġej iċ-ċirklu aħna ngħidu ‘ġejja l-kummiedja’ għaliex l-ewwel ‘entertainment’ ġej minn barra minn Malta kienet il-Commedia dell’Arte. Ngħajjru lil xulxin purċinelli meta rridu ngħidu lil xi ħadd li ma jkunx serju. Din ġejja mill-isem tal-buffu tal-Commedia dell’Arte, Pulcinella, li ghadu popolari sal-lum. Il-’Commedia’ kienet ibbażata fuq improvizzazzjoni. Mela l-attur kien irid bilfors ikun jaf jikteb, jagħmel l-aċċenti tar-reġjuni, jaf ikanta u jiżfen u jkun akrobatiku. L-attur tal-’Commedia’ irid ikun eċċellenti f’kollox. Il-’Commedia’ hija l-bażi ta’ dak li kienu jsejħulu teatrin hawn Malta. Il-’Commedia’ hija fenomenu Malti wkoll u għalhekk ħdimt ħafna jien biex ma nħallihiex tinqered mill-identità kulturali ta’ Malta.

Xi jfisser li ttella’ produzzjoni fuq stil ta’ Commedia Dell’Arte? X’responsabilitajiet iġġorr magħha biex tkun ċert li qed tirrapreżenta l-valur u l-kwalità ta’ din l-arti?

Il-’Commedia’ hija teatru tat-triq. Tinħadem fil-pjazza tar-raħal. Aħna ilna 12-il sena nagħmluha għal Żejt iż-Żejtun. L-udjenza mhix marbuta mal-formalità u d-dixxiplina ta’ meta tkun f’teatru. Fil-’Commedia’ in-nies fl-udjenza jistgħu jinterrompu lill-atturi u jaqilgħulhom l-argumenti. L-attur irid ikun jaf jagħmel reazzjoni tajba u jdaħħak b’li jgħid u fis ikompli bix-xena li jkun qed jagħmel. L-attur irid ikollu talent speċjali biex iħeġġeġ lill-udjenza tieħu sehem. Lill-udjenza trid turihom li tħobbhom u tapprezzahom u huma jħobbuk lura.

Liema mill-produzzjonijiet li tellajt huma l-aktar għal qalbek?

Morna tlett darbiet naħdmu barra minn Malta. Darbtejn Munich il-Ġermanja u darba l-Iżrael. Dejjem tellajna kummiedji li ktibt jien. Fl-Iżrael kellna attriċi Lhudija magħna u ħdimna bl-Ingliż, bil-Malti, bl-Ebrew u bl-Għarbi. Uħud mill-Maltin marru jitgħallmu ftit Għarbi Palestin qabel morna. Ippreżentajna l-kummiedja, Mistura taż-żogħżija għal Arlecchino, 8 darbiet fi tliet bliet Arab, Jaffa, Sahknin u Betlehem. B’kollox ġew jarawna 2,000 ruh. F’Gaffa ħdimna fit-teatru jismu, The Arab Hebrew Theatre of Jaffa. Dan ifisser li nistgħu ngħixu fis-sliem flimkien bis-saħħa tal-arti u l-kultura. Ferħan ħafna b’din l-esperjenza unika.

X’avvanzi saru fil-qasam tat-teatru mill-bidu tal-karriera tiegħek sal-lum?

F’dak li hu teknoloġija u makkinarju lħaqna daqs l-aqwa fid-dinja. Fejn jidħol kontenut morna lura ħafna. Fit-tmeninijiet bix-xogħol ta’ Politeatru konna nħeġġu lill-popolin isegwi l-klassiċi bħal Ibsen, Lope de Vega, Brecht, O’Neil, Fo u kommedjografi Maltin bħal Guze Chetcuti u Alfred Sant. Illum qisna vapur bla tmun.

X’tgħidilna dwar il-Fondazzjoni ZarArti? Tħoss li b’xi mod jirnexxilkom tilħqu l-għan ewlieni ta’ din il-fondazzjoni?

Le l-għan ewlieni tal-fondazzjoni ZARARTI ma lħaqniehx. Din kellha tgħaqqad iż-żgħażagħ mill-oqsma kollha tal-arti bħal dik viżwali, mużika, żfin u drama u tħejjijhom biex jibdew karriera professjonali u internazzjonali. Illum hawn ħafna flus jiġru fl-idejn u jitqassmu bla kont ta’ xejn. Kull min jippretendi li hu artist jidħol jissielet fit-taqtiegħa ta’ min se jilħaq il-borża tal-flus l-ewwel. Għalhekk naraw ħafna ilsna tan-nar jagħmlu ħafna ħoss u wara ftit jintfew għal dejjem. ZARARTI qatt ma ħadet għajnuna mingħand ħadd.

Taħseb li t-teatru huwa meqjus bħala parti mill-kultura ta’ pajjiżna u apprezzat biżżejjed mill-Maltin u l-Għawdxin?

It-teatru huwa fenomenu tan-natura tal-bniedem. Għalina tal-Punent beda 2,500 sena ilu fil-Greċja iżda fiċ-Ċina u fil-Canada qalb dawk li ngħidulhom Red Indians jeżisti wkoll. It-teatru huwa ħaġa intrinsika mill-kultura tal-bniedem. Għalkemm minn żmien għal żmien jinbidel minn teatru tat-triq għal palk bil-’proscenium arch’ u jerġa’ lura dan se jibqa’ dejjem f’xi forma jew oħra. Il-Maltin m’għandhomx triq oħra ħlief jikkupjaw lill-barranin sa ma jitfaċċa xi messija li joħloq xi ħaġa unika għal Malta biss.

Narcy mal-attriċi Jane Marshall

Liema tikkunsidra bħala ‘highlights’ tal-karriera tiegħek?

Jien ma nemminx bil-highlights u l-popolarità. Artist sinċier qatt ma jkun kuntent b’li jagħmel waqt ħajtu. Ħalli li wara li jmut kulħadd joħroġ jibkih għal ftit ġranet. Xogħol ta’ artist jitwieled bi tbatija bħal tarbija li tista’ tikber u jkollha ħajja għaliha. Id-dinja materjalistika trid tbellagħhielna li film ikun suċċess skont kemm idaħħal dollars fl-ewwel weekend li jintwera. Ħalfa moqżieża kontra dak kollu li hu tabilħaqq artistiku.

Hu fatt magħruf li int għandek il-kundizzjoni tad-dislexia, imma daqstant ieħor magħruf il-fatt li ma ħallejtx din il-kundizzjoni b’xi mod taffettwa l-karriera ta’ suċċess tiegħek. Kif irnexxielek tagħmel dan? U x’messaġġ tgħaddi lil min jgħix b’din il-kundizzjoni?

Kull min jitwieled b’xi kundizzjoni speċjali jitgħallem waħdu minn tfulitu jikkumpensa għal xi nuqqas. Jien kelli erbgħin sena meta smajt il-kelma ‘dislexia’ l-ewwel darba. Din il-kelma hija magħmula mill-kelma ‘lexia’ jew il-ħila li taqra u ‘dis’ li hija fin-negattiv li tfisser bla ħila li taqra. Jien minn tfuliti ma nħobbx naqra iżda id-dislexia timpedik minn affarijiet oħra bħal memorja.

Fl-iskola jien ma kontx inħobb ir-reliġjon, il-poeżiji, l-istorja u l-ġeografija jew aħjar is-suġġetti kollha li trid titgħallem id-dettal bl-amment. Nippreferi naqra ġurnal bil-kolonni dojoq milli li meta nasal fit-tarf tal-paġna ma nkunx nista’ nsib il-linja li jmiss.

Kif ta’ għoxrin sena sibt ruħi fuq il-palk li bilfors irrid nitgħallem il-linji bl-amment kelli nagħmel sforz speċjali. Iżda jien ma nistax nitgħallem il-linji ta’ Shakespeare jew xi kliem imkejjel bir-ritmu u imqiegħed bla loġika. Iżda fejn tidhol matematika speċjalment il-gjometrija fejn tidħol il-loġika insib ruħi komdu ħafna. Meta għamilt il-kummiedja Enrico IV ta’ Pirandello kelli nitgħallem 500 linja. Ħdimt ħafna u tgħallimthom bis-sħiħ. Id-dislexia għamlitni b’saħħti fil-viżwal. Meta nara diagram jew tifsila jew xi pjanta ma ninsihom qatt. Għalhekk inħobb l-arti u l-kritika ta’ l-arti. Meta nara kummiedja fuq il-palk jew nara film qisni qed nikkupjah ġo moħħi fuq USB. Għalhekk nixtieq ngħid li kull minn jgħidulu li għandu din il-karatteristika speċjali li jgħidulha ‘dislexia’ biex jagħmel kuraġġ u juża din il-kundizzjoni biex jissaħħaħ f’talenti oħra.

Kemm hu importanti li wieħed jibqa’ attiv anki wara li jilħaq ċerta età?

Il-bniedem maħluq biex jaħdem u jaqsam dak li jagħmel għall-ġid tal-oħrajn. L-industrijalizzazzjoni kapitalista trid tbellagħhielna li ta’ ċerta età l-bniedem ma jibqax jiswa. Qerq dan! Qerq kbir. Iktar ma jixjieħ il-bniedem iktar ikollu ħila jaħseb ħalli jsib soluzzjonijiet għall-isfidi tal-ħajja. Dan l-aħħar kienu qed jitkellmu fuqi u żagħżugħ li għadu kif laħaq staqsa, ‘Imma Narcy għadu flessibli ta’ 81 sena?’ Jien bgħattlu risposta li tgħid li l-Papa Franġisku ikbar minni. Barra minn hekk sfidajtu biex nagħmlu dibattitu fuq it-televiżjoni jien u hu bis-suġġett li jagħżel hu u lili jgħidli x’inhu meta npoġġi bilqiegħda quddiem il-kamera. Tistaqsini imma ix-xjuħ ma jimirdux? Iva anke iż-żgħażagħ. Iżda dawk li jkunu artisti u jkunu jieħdu deċiżjonijiet kull daqqa ta’ pinzell għomorhom kollu, jibqgħu flessibli minkejja l-mard. Naqtgħuha. Hawn min kiteb ktieb li għamel ħafna ġid lin-nies u jkun kitbu waqt li jkun maqful go artificial lung.

Narcy mal-attriċi Mary Rose Bonello f’Wenzu u Rożi

Liema kwistjonijiet inġenerali taħseb li hemm bżonn inqajmu aktar kuxjenza dwarhom?

Tnejn: L-ewwel ħobb lil Alla u t-tieni, ħobb lil proxxmu tiegħek bħalek innifsek.

Wieħed mill-isbaħ mumenti li kellek matul il-karriera tiegħek..

Kont qed naħdem f’dar tax-xjuħ biex inħeġġiġhom jiċċaqalqu u jkantaw u jidħku flimkien waqt li jkunu fuq il-wheelchair. Xogħol iebes u diffiċli anke għal attur/regista ta’ ħafna esperjenza. Kellna residenta ta’ 96 sena li qatt ma tkellmet jew ħarset lejna. Konna qed nilagħbu logħba nitfgħu l-bżieżaq lil xulxin. Lil sħabi għidtilhom jieħdu ħsieb lill-oħrajn u lil din is-sinjura jħalluha f’idejja. Bdejt nixħtilha l-bużżieqa mill-viċin u hi kienet milwija ganċ b’subgħajha maqfulin f’ponn. Jien għamilt tabirruħi li hi kienet qed titfagħli l-bużżieqa ġo wiċċi. Bdejt taparsi qed inweġġa’ u nibki għax weġġgħatli mnieħri. Wara ftit il-ħabiba taghna bdiet tidħak. Staqsejt lit-tifla ta’ bintha li kienet ġiet taraha meta l-aħħar li qatt rata tidħak lin-nanna. Qaltli li fi 12-il sena li kienet ilha magħluqa hemm qatt ma kellmithom jew għamlet xi reazzjoni. Dakinhar ħadt l-Oscar jien.

X’inhu l-messaġġ li dejjem xtaqt tesprimi u twassal permezz tal-karriera tiegħek?

Għixu fis-sliem tal-arti u l-kultura. Inħallilkom is-sliem tiegħi. Ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks