L-attriċi Pia Zammit tilfet il-kawża ta’ libell fuq storja ippubblikata s-sena l-oħra mill-gazzetta It-Torċa, li b’mod indirett torbotha man-Nażismu, ibbażata fuq ritratt li kien ittieħed backstage waqt produzzjoni komika.
L-istorja kienet ibbażata fuq ritratt ta’ Pia fil-kostum Nażista, meħud backstage waqt il-provi għal produzzjoni teatrali tal-kummiedja tal-gwerra ‘Allo ’Allo, sitcom popolari tal-BBC tas-snin 80 u 90, imtella’ fit-Teatru Manoel lura fl-2009.
F’reazzjoni għal dan, il-Malta Entertainment Industry and Arts, MEIA, qalet li tinsab imħassba ħafna bis-sentenza dwar il-każ ta’ libell ippreżentat mill-attriċi. “Jekk il-qrati tal-liġi ma jistgħux jagħmlu distinzjoni bejn l-artist u l-karattri li jinterpretaw, allura llum stabbilixxejna preċedent perikoluż u serju li jhedded ix-xogħol tal-artisti u l-libertà ta’ espressjoni kreattiva. Aħna nesprimu s-solidarjetà tagħna ma’ Pia Zammit. Meta wieħed minna ma jkunx protett, allura ħadd minna ma jkun. MEIA se tieħu l-azzjoni kollha meħtieġa biex tipproteġi l-artist Malti.”
Bosta atturi fuq il-midja soċjali esprimew solidarjetà ma’ Pia Zammit permezz ta’ posts fejn juru diversi karattri li interpretaw filwaqt li jenfasizzaw li l-ebda minn dawk il-karattri ma jirriflettu l-personalità reali tagħhom. Fl-aħħar tal-posts jinkludu wkoll hashtag – #istandwithpia
Bħal dejjem u f’kollox, kulħadd ikollu opinjoni.
Iżda wieħed jistaqsi, x’inhu l-messaġġ li qed jitwassal mill-awtoritajiet dwar l-atturi u l-qasam innifsu?
Din kawża li tilfet l-attriċi Pia Zammit bħala individwu, jew inkella hija telfa għal kull attur, għas-satira u ċ-ċittadin inġenerali?
X’inhu l-messaġġ li qed jingħata lill-pubbliku fejn diġà teżisti mentalità fost uħud li ma jagħmlux distinzjoni bejn il-karattru li jiġi interpretat u dak reali?
