Select Page

Wieħed mill-agħar flaġelli li kienu jħabbtu wiċċhom magħhom missirijietna kienet l-imxija ta’ mard jittieħed li kien iħalli ħafna vittmi. Waħda mill-iktar imxija krudili kienet il-pesta li kienet magħrufa bħala l-mewt is-sewda. Sfortunatament din il-marda qerrieda ħakmet lil pajjiżna kemm-il darba u dejjem ħalliet devastazzjoni fost il-poplu. Propju 200 sena ilu bħal din is-sena kienet spiċċat l-imxija tal-pesta li kienet faqqgħet f’April tas-sena 1813. Malta dak iż-żmien kienet għadha kemm għaddiet minn gwerra waqt l-imblokk tal-Franċiżi. Il-ħakma Ingliża kienet għadha fil-bidu tagħha u l-poplu kien għadu qiegħed jaddatta ruħu għall-ħakkiema l-ġodda li kellhom mentalità differenti ħafna minn dawk ta’ qabilhom. Barra minn hekk l-Ingliżi kienu protestanti u għalhekk ma kinux Kattoliċi bħal Maltin. Din il-ħaġa kienet qiegħda toħloq diversi kunflitti bejn il-Gvernatur u l-Isqof. Imma meta faqqgħet il-pesta kulħadd Kellu jiġbed ħabel wieħed biex iwaqqaf din l-imxija li f’sitt xhur qerdet 4,500 ruħ minn popolazzjoni ta’ 116,000.

Il-Gvernatur Oakes beda joħroġ regolamenti li kienu ibsin ħafna fosthom li min kien ikun infettat kien jiġi iżolat kompletament. Ħwejġu kienu jinħarqu ma’ dak kollu li kien jipposjedi. L-ebda biċċa tal-baħar ma setgħet tidħol fil-Port il-Kbir jekk l-ewwel ma tagħmilx perjodu ta’ iżolament fil-Port ta’ Marsamxett u l-ekwipaġġ magħluq ġewwa Lazarett.


Min kien jaħbi lil xi ħadd marid kien jingħata l-forka. Ingħalqu l-knejjes, it-teatri, il-ħwienet u l-qrati. Ħadd ma seta’ jiltaqa’ f’postijiet jew jiffurmaw folol ta’ nies. Twaqqfet il-produzzjoni tal-Qoton u ngħalqu s-swieq u ħadd mill-irħula tal-kampanja ma seta’ jidħol fl-ibliet ibiegħ ħalib, ħxejjex u frott.


L-irħula bdew jiġu iżolati bil-barrikati u ħitan. Il-Belt Valletta nqasmet fi tmien distretti u dawn ġew kollha iżolati minn xulxin permezz ta’ barrikati biex in-nies ma jitħalltux. Il-Gvernatur kien talab lill-Isqof biex joħroġ pastorali li fiha kien jordna li min jinqabad ma jobdix l-ordnijiet tal-Gvern kien jingħata d-dnub il-mejjet.


F’dan il-perjodu l-Gvernatur Oakes temm il-kariga tiegħu bħala Gvernatur ta’ Malta u minfloku laħaq il-Gvernatur Mailand li kompla ħarrex il-miżuri biex iwaqqaf din il-marda. Inġiebu tobba Ingliżi u Lhud biex jassistu lill-morda imma l-Maltin ma ħadux pjaċir bihom għax ma kinux Kattoliċi. Il-ħabsin inħarġu mill-ħabsijiet u ntbagħtu jġorru l-mejtin u jidfnuhom. Dawn ma damux ma ttieħdu u mietu wkoll. Għalhekk inġiebu merċerinarji minn Sqallija li Kienu nies bla ġieħ u ta’ qattagħni. Ħadd ma kien jingħata trattament differenti, la jekk ikun nobbli, saċerdot jew jekk ikunu ġejjin minn familja fqira. Kif bniedem jittieħed il-familja tiegħu kollha u dawk li kellhom kuntatt miegħu kienu jisfaw iżolati u dak kollu li kien tagħhom kien jinħaraq.

Madwar Malta u Għawdex kollu tħaffru ċimiterji li kienu ffurmati minn ħofra kbira li fiha kienu jintefgħu l-katavri u jitgħattew bil-ġir u wara jintradmu. Bil-mod kif bdiet is-sena 1814, il-marda bdiet tbatti sakemm bdiet tinqata’ minn ċertu rħula u bliet. Il-belt tal-Isla kienet baqgħet l-unika post f’Malta kollha li ma ntlaqtitx minn din l-imxija qerrieda. Iżda din ma kinitx ix-xorti tal-kumplament ta’ pajjiżna. Meta l-marda bdiet tbatti dawk il-postijiet li kienu għadhom maħkuma bdew jiġu aktar iżolati mill-kumplament tal-irħula. L-aħħar żewġ irħula li ħelsu mill-pesta kienu Ħal Qormi f’Malta u x-Xagħra f’Għawdex. Biex jiżguraw li ħadd ma joħroġ minn Ħal Qormi biex il-marda ma terġax tinxtered, dan ir-raħal kien imdawwar b’żewġ ħitan li wieħed kien għoli 10 piedi u l-ieħor kien 6 piedi. Dawn il-ħitan kienu mgħassa mit-truppu li kellhom l-Ordni u jekk xi ħadd jipprova jaqbeż il-ħitan kienu jisparaw fuqu. San-nofs is-sena 1814 Malta u Għawdex kollha kienu iddikjarati meħlusa mill-marda tal-pesta u għalhekk reġa’ beda l-kuntatt ma’ Sqallija.

Hekk naraw li l-ħajja reġgħet bdiet ġejja għan-normal wara dawk il-problemi kollha. Imma minkejja li fiż-żmien tal-pesta kulħadd ingħaqad biex kienet megħluba din il-marda hekk kif spiċċat kulħadd reġa beda jiġbed il-ħabel tiegħu.
Dan jidher ċar kif inqala’ diżgwid kbir bejn il-Gvernatur Sir Thomas Maitland u l-Isqod Ferdinando Mattei fuq min kellu l-preċedenza fil-KonKatidral ta’ San Ġwann biex jitkanta t-Te Deum ta’ ringrazzjament għall-ħelsien minn din il-marda qerrieda. Din kienet ir-realtà li pajjiż Kattoliku ferventi bħal Malta kellu jitmexxa minn ħakkiema protestanti u ħlief waqt xi problema bħalma kienet dik tal-pesta, dawn iż-żewġ estremi dejjem baqgħu distakkati u jiġbdu lejhom.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks