Diċembru huwa xahar speċjali ħafna. Xahar li huwa assoċċjat mat-twelid ta’ Ġesù Bambin u bħala poplu nisrani huwa għal qalbna ħafna. Bħala poplu nemmen li għandna qalbna kbira ħafna, altruisti u dejjem lesti biex ngħinu lil min hu inqas ixxurtjat minna, speċjalment fejn jidħol mard. Fil-fatt Diċembru huwa assoċċjat ukoll ma’ dan u għaldaqstant kull sena tiġi organizzata l-ikbar maratona għall-ġbir ta’ fondi, l-Istrina.
L-istorja li għandi llum hija storja li fl-Istrina nisimgħu ħafna bħalha. Iżda l-każijiet ma jissemmewx kollha. Dan huwa wieħed minnhom.
Min hi Anika?
Jiena mara ta’ 39 sena, miżżewġa u għandi zewgt itfal subien, wieħed ta’ 11-il sena u ieħor ta’ 3 snin. Naħdem bħala beauty therapist u għandi karattru ferrieħi ħafna, tant, li meta nara lil xi ħadd imdejjaq jew għaddej minn xi problema nara x’nagħmel biex inferħu. M’ghandix kwiet u qisni nieħu l-irwol ta’ buffu kull fejn immur 😊 L-hena tiegħi nara lil kulħadd jitbissem u jiddispjaċini ferm meta nara n-nies ibatu.

Għaddejt minn esperjenza li ġabitek wiċċ imb’wiċċ mal-mewt. Aqsam magħna din l-esperjenza.
Meta l-ħajja tkun kollha ward u żahar, qajla tgħaddilek minn moħħok li qatt tista’ ġġarrab xi saram! U għalkemm dejjem issimpatizzajt ma’ min ibati, xorta ma tkunx tista’ tifhem eżatt minn xiex ikun għaddej, sakemm ma tmissx lilek.
Kollox beda fit-28 ta’ Diċembru tal-2019, meta kont qed ninħasel u eżaminajt ftit sidri. U hawnhekk nixtieq nieħu l-opportunità li nirringrazzja lil min hu ikkonċernat mis-settur tas-saħħa ta’ kemm jieħdu ħsieb li jedukaw il-poplu. Ħassejt boċċa taħt dirgħajja u qalbi waqfet. Għamilt appuntament biex immur nagħmel ultrasound minnufih biex inserraħ rasi u anki ras il-familja tiegħi. Minn hemm, ir-radjoloġista bagħtitni għal aktar testijiet u fis-16 ta’ Jannar ta’ din is-sena (jiġifieri 11-il xahar ilu) tawni aħbar li ħadd ma kien qed jistenna. Qaluli li kelli kanċer tas-sider, u l-agħar li wieħed jista’ jimmaġina. Kanċer aggressiv u ‘malignant’. Kanċer li skont l-istatistika, persuna tista’ titlef il-battalja miegħu fi żmien tliet xhur u anki xahrejn!
Fi żmien erba’ ġimgħat għamluli t-testijiet kollha neċessarji u lestewni għall-operazzjoni. Kienet diffiċli biex jiddeċiedu x’se jagħmluli u dan għaliex deċiżjonijiet bħal dawn jistgħu ifissru ħajja jew mewt! Però xi ħaġa ġewwa fija dejjem kienet tgħidli li se jgħaddili. Mill-bidu kelli spirtu qawwi ta’ kuraġġ. Kont inħares lejn żewġi u wliedi u kont ngħid ‘ma tarax! Jien se ngħix. Ma rridx immut!’
Il-professur ried jiltaqa’ miegħi qabel l-operazzjoni biex jispjegawli x’kienu se jagħmluli. Ħasda kbira….mastectomy kienu se jagħmluli, jiġifieri jaqtgħuli sidri barra. B’hekk biss setgħu jneħħu l-iktar ċelloli ikkankrati possibbli!
Is-sensazzjoni li tħoss hekk kif tiġi f’sensik u tmiss sidrek u tiskopri li m’għadux hemm hija xi ħaġa inspjegabbli, iżda fl-istess ħin irringrazzjajt lil Alla li llum il-ġurnata x-xjenza tant kibret li salvatli ħajti..mingħajr ma ninsa ngħid li t-talb għandu qawwa kbira u li Alla huwa ikbar minn kollox u minn kulħadd.

Ġieli bżajt li se tmut?
Inkun qed nigdeb jekk ngħidlek li m’għadditlix minn moħħi, ghaliex kienet l-ewwel ħaġa li ħsibt meta tawni l-aħbar li jien marida. Però, tant kelli rieda kbira biex ngħix li l-mewt ma tajthiex spazju tidħol fi ħsibijieti. Ix-xewqa tiegħi li ridt noħroġ rebbieħa fuq din il-marda kienet kbira wisq.
X’żammek hajja? Minn fejn ġibtu dan l-ispirtu kuraġġuż?
Żammewni ħajja t-tfal u l-familja. Is-sapport u l-imħabba ta’ dawk kollha li b’ xi mod jew ieħor kienu hemm għalija f’dan iż-żmien tant diffiċli. Il-kuraġġ iva ġibtu għal dawk ta’ madwari. Bqajt kemm jista’ jkun għadejja bir-rutina normali daqs li kieku ma kelli xejn, anki meta kont qiegħda nieħu l-kura tal-kimoterapija. Iddeċidejt li nħares lejha mhux bħala xi ħaġa li ġabitli ħafna uġigħ iżda bħala xi ħaġa li se tmexxini lejn il-fejqan. Ħaġa waħda ngħid. Il-moħħ kollox! Jekk moħħok ikun b’saħħtu biżżejjed jegħleb kull forma ta’ marda.

X’taspira għall-futur?
Għandi ħafna aspirazzjonijiet għall-futur, fosthom li nara lil uliedi jirnexxu. Iżda nixtieq nagħmel differenza fil-ħajja ta’ dawk li għaddejjn mill-istess sitwazzjoni. Nixtieq inkun ta’ għajnuna. Nixtieq naqleb is-saram li għaddejt minnu f’xi ħaġa pożittiva. U minnufih sibt l-opportunità grazzi għalikom ta’ skoperta.net biex inkun nista’ naqsam din l-esperjenza mal-qarrejja.
X’messaġġ tixtieq tgħaddi lil kull min għaddej minn sitwazzjoni simili?
Il-messaġġ tiegħi huwa sempliċi imma mhux faċli biex twettqu. Qatt taqtgħu qalbkom. Il-marda hija kiefra ħafna, veru, u l-kimoterapija fiha t-tbatija taghha wkoll. Biss kull bidu fih it-tmiem. Issa sta għalikom tiddeċidux li t-tmiem għandu jkun tmiem ħajjitkom jew tmiem il-marda! Dejjem ħarsu ‘I quddiem u mhux lura. Agħmlu l-kuraġġ u qawwu qalbkom u jekk taħsbu li għandkom bżonn iktar għajnuna itolbuwha. Hawn ħafna anġli fuq din l-art lesti li jagħtu l-għajnuna tagħhom. U ta’ dan ngħid grazzi minn qiegħ qalbi, anki f’isem familti.
Tisma’ kemm tisma’ bħalha din l-istorja qatt mhu biżżejjed. Din is-sena kienet diġà kiefra bil-pandemija. Ejjew inwarrbu dik ix-xi ħaġa żgħira biex biha nsalvaw il-ħajja ta’ ħaddieħor. L-Istrina fil-qrib. B’xi ħaġa żgħira mingħand il-ħafna nerġgħu nlissnu tbissima fuq fomm il-batut.
GRAZZI
Jekk għandek xi storja li tixtieq taqsam magħna, anki b’mod anonimu, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Kontributriċi