Min kienet din biex setgħet tieħu post l-għażiża tewmija tiegħi?
“Meta jingħalaq bieb, jinfetħu mija,” kont smajthom jgħidu l-iskola.
“Qed tara, xorta għandek oħtok…..” kienu jgħiduli n-nies u t-tfal l-oħra.
Anke r-ritratti, l-affarijiet kollha li kellha l-għażiża oħti Helen, kienu ġabruhom kollha f’kexxun imsakkar ħalli ma jiftakrux fiha.
Dan kien iweġġagħni. Ħadd ma kien jifhimni!
“Tgħidilhiex lil Helen b’dak li ġara……” kienu qaluli. Ma riedux li oħti tkun taf bit-traġedja kbira li kienet ġratilna.
U jien ma ridtx naċċettaha. Din ma kinitx Helen.
Ir-rabja li kelli fija ma riditx titlaq.
Sakemm…….
Sa dakinhar.
Dakinhar li oħti ż-żgħira ħarġet magħna għal għand tal-merċa għall-ewwel darba.
Konna mexjin minn quddiem it-triq li tagħti lejn il-ħanut ta’ Duminka. Jiena, ommi u oħti. Oħti bilkemm kienet għadha timxi sew, allura minħabba fiha, konna qiegħdin nimxu bilmod. Ħarist lejn ommi u ħassejtni nirrabja. Ommi kienet qiegħda tħares lejn oħti u titbissem. Mhux sew. Mhux sew. Mhux suppost li kien hemm hi. Suppost kien hemm oħti Helen. Żgur ma kontx se nħobbha daqs oħti l-oħra.
Eżatt xħin wasalna quddiem il-ħanut, billi kienet l-ewwel darba li kienet qiegħda timxi fit-tul, rajt lil oħti togħtor minn sieq waħda, tinfixel tħares lejn il-ħanut ta’ Duminka u taqa’ mal-art.
Għajnejha mtlew bid-dmugħ u rajtha qed iżżomm ġo fiha biex ma tibkix.
Komplejna nimxu lejn it-triq. Imn’alla ommi ma għamlitx plejtu u qagħdet tfissidha! Hekk kien jonqos!
Dak il-ħin, qalbi għamlet tikk.
F’dak il-preċiż post. Ġurnata fost l-oħrajn. Ġurnata sabiħa bħal illum.
Dakinhar.
Memorji.
Bdejt niftakar.
Il-ħsejjes tal-karozzi għaddejjin daħlu f’qalbi.
Tifla…….karozza……..ambulanza………demm.
Għafast idejn ommi. Ħarist lejn Helen.
Helen waqfet bilwieqfa. Lanqas biss riedet tiċċaqlaq. Rajtha tħares lejja. Rajtha tħares lejn ommi. Ommi kienet qiegħda tistenna li jgħaddu l-karozzi.
“Mama……żommli idejja,” qaltilha Helen. Pawża. Pawża twila.
Bqajna t-tnejn inħarsu lejha. It-tnejn li aħna siekta.
“Mama’ żommli jdejja……..għax jiġrili bħad-darba l-oħra,” qaltilha.
Ħassejt lil ommi tiksaħ, tiċċassa. Rajt xufftejha jirtogħdu. Riedet titkellem iżda ma feltħitx.
Iva, hekk hu.
Għax din kienet oħti Helen.

Avukata u Awtriċi