F’Malta nsibu madwar 19-il speċi. Tista’ titfaċċa wkoll id-damiġella li hija speċi simili ta’ daqs iżgħar u li għandha dehra fraġili ħafna. Il-parti l-kbira tagħhom għandhom ġisimhom ta’ lewn aħmar, ikħal, isfar jew oranġjo. Tara aktar kuluri milli fil-fatt hawn speċi għax in-nisa u l-irġiel għandhom ilwien differenti u jinbidlu wkoll meta jkunu qed jikbru.

Id-damiġella

Il-mazzarelli u d-damiġelli tarahom viċin l-ilma. Iżommu ma’ dan it-tip t’ambjent għax ħajjithom tiddependi fuq l-ilma. Il-bajd ibiduhom fl-ilma u l-ewwel stadju tal-ħajja jgħadduha taħt wiċċ l-ilma. Għadajjar kbar jew żgħar, xi vaska, xmara jew nixxiegħa. Kull ambjent għandu speċi partikolari assoċjati miegħu.

Għalkemm xi speċi huma komuni, ħafna Maltin ma jafu kważi xejn dwarhom. Bilkemm l-isem mazzarell ma jafu! Filwaqt li f’xi lokalitajiet għandhom ismijiet oħra, pereżempju, in-naħa taċ-Chadwick Lakes jgħidulhom ‘ċikku ġwiebi’, il-Baħrija smajthom jgħidulu ‘fumfumeru’ u qrajt ukoll li kien hawn min jgħidilhom ‘farfett tal-għejjun’.

Il-mazzarelli ilhom jeżistu fuq din id-dinja għal miljuni ta’ snin tant li nstabu fossili ta’ speċi ġganteski li kienu jgħixu miljuni ta’ snin ilu.

Il-mazzarell jingħaraf mid-damiġella għax huwa akbar u għax meta jkun wieqaf iżomm il-ġwienaħ miftuħin fuq kull naħa ta’ ġisimhom. Id-damiġella mill-banda l-oħra iżżomm il-ġwienah magħluqin għat-tul fuq ġisimha.

Il-mazzarelli huma predaturi liema bħalhom. Jikkaċċjaw insetti żgħar bħal nemus u dubbien irqiq waqt li dawn ikunu qegħdin itiru. Jiġru warajhom b’veloċita’ kbira, jaħtfuhom b’saqajhom u jikluhom mingħajr ma jieqfu jtiru.

Bħal predaturi oħrajn, il-mazzarelli għandhom vista tajba ħafna.. Għajnejhom huma l-akbar fost l-insetti u tant huma kbar li kull għajn tokkupa nofs ir-ras. Il-vista tal-mazzarelli tant hija tajba li dan l-insett kapaċi jilmaħ il-preda tiegħu minn distanza ta’ 12-il metru. L-għajnejn huma tant żviluppati li ħadu post l-antenni li f’insetti oħra jintużaw l-aktar għax-xamm.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks