Nitkellmu ma’ Maria Vella Wilson
Żgur li ħafna jiftakru lil Maria bħala attriċi fuq it-televiżjoni u l-palk. Interpretat bosta karattri differenti iżda fuq it-televiżjoni kienet l-aktar magħrufa għall-partijiet drammatiċi, bħal fis-serje ta’ Eileen Montesin “UC5″ u fil-mini series “Nirien ta’ Mħabba”, fost ħafna oħrajn. Iż-żewġ karattri fis-sensiliet imsemmija t-tnejn spiċċaw ħażin għaliex f’wieħed mietet u fl-ieħor inqatlet! Tgħidilna li tant kienet type-cast li xi nies kienu laqmuha “il-bikkejja”.

Fuq il-palk, speċjalment meta kienet ma’ l-Atturi Salesjani ta’ tas-Sliema, għalkemm ħadmet partijiet drammatiċi wkoll, kienet l-aktar magħrufa għall-partijiet komiċi. Ħadmet ukoll ma’ diversi kumpaniji oħra, mal-mibki Lino Grech fil-Kummiedja soċjali “F’Baħar Wieħed”, u “L-METRONPAĠĠ”, kummiedja li ttellgħet fit-Teatru Manoel, fost oħrajn.
Kellha diversi esperjenzi fuq ir-radju wkoll, fir-radjudrammi. Fejn jidħol il-palk, idderiġiet ħafna kummiedji fejn kienet responsabbli għat-traduzzjonijiet ukoll.
Imma wara dawk il-karattri kollha li interpretat, min hi eżattament Maria Vella Wilson?
Omm Maria hija Taljana filwaqt li missierha (illum mejjet), Malti. Iltaqgħu u żżewwġu l-Ingilterra fejn hemmhekk Maria twieldet proprju ġewwa Londra fl-1954. Ta’ tlett snin kienet tmur lezzjonijiet tal-ballet imma sfortunatament, kellha stage-fright kbira waqt l-ewwel rappreżentazzjoni quddiem il-pubbliku u għalhekk ma komplietx tmur.
Ommha kienet taħdem ma’ diversi familji bħala house-keeper u kienet taħdem ma’ bniedem magħruf ħafna fuq it-televiżjoni Ingliż (Nicholas Parsons). “Ġieli kienet teħodni magħha u kont inħobb nitħallat ma’ diversi personaġġi tat-televiżjoni li kienu jmorru għand Nicholas għall-parties. Minn hawn nahseb li nibtet l-imħabba tiegħi biex nidher fuq it-television u biex nirreċta.” tgħidilna Maria.
Meta Maria kellha 6 snin, emigraw lejn Malta u hawn tirrakkuntalna kif ma kienet taf l-ebda kelma bil-Malti. “Bdejt fi skola privata fejn l-Malti kien ipprojbit u allura sibtni komda. Imma meta għaddejt għas-sekondarja kelli bil-fors nitgħallem il-Malti u għall-ewwel kienet iebsa wisq. Imma stinkajt fil-grammatika u sa rnexxieli nġib il-GCE bil-Malti. Imma kien bis-saħħa tal-palk u r-reċtar, li sirt nitkellem sew bil-Malti wkoll.”
Maria tiddeskrivi lilha nnifisha bħala introverta, perfezzjonista, ikkumplikata, persuna li tehwden u taħseb wisq imma fl-istess ħin impulsiva. Ta’ qalb kbira imma żżomm ħafna fil-komma wkoll! L-aktar ħaġa li ddejjaqha hija l-ipokrezija u tistqarr mindu marret l-Amerika iltaqat ma’ ħafna minnha fejn jidħlu l-politika u r-reliġjon.

“Għalkemm introverta, il-palk kont inħobbu wisq għax kont nilbes karattri differenti u “nistaħba warajhom”. Ma mort l-ebda skola biex nitgħallem nirreċta. Kont nuża r-reċtar xi kultant bħalha terapija. Minbarra li kif għidt, il-palk għeni ħafna wkoll biex nitgħallem nitkellem bil-Malti, iltqajt u għamilt ħafna ħbieb matul il-karriera tiegħi tar-reċtar. Iltaqjt ukoll ma’ min għamilli ħafna deni. Ma nixtieqx insemmi ismijiet.” tgħid Maria.
L-ewwel żwieġ tiegħi spiċċa wara 27 sena imma bqajt “close” ħafna mar-raġel sa ma miet ftit snin ilu. Minn dan iż-żwieg kellna tifla, Margot li llum tgħix l-Ingilterra. Għamlitna nanniet seba’ snin ilu, b’tifla li jisimha Millie u li hija l-mimmi ta’ għajnejja!
Wara s-separazzjoni, spiċċajt waħdi għal seba’ snin u ħsibt li hekk kont se nibqa’. Imma grazzi għall-kompjuter u l-internet, li daħħalt biex inkun nista’ nikkomunika aħjar mat-tifla, sibt ukoll r-raġel li dalwaqt se nagħlaq għaxar snin miżżewwġha lilu. Amerikan, u b’hekk spiċċajt l-Amerka.
Fejn Malta kelli karozza u kont independenti, hawnhekk nibża insuq. Mhux ħabba t-traffiku (għax ngħix f’post rurali ħafna), imma minħabba l-immensita’ tal-post. B’hekk niddependi ħafna fuq ir-raġel. U din hi r-raġuna għala ma ndenjajtx ruħi nidħol ma’ xi kumpanija tad-drama għax m’għandix trasport u fejn ngħix m’hemmx trasport pubbliku. Imma, leħni għadni nużah billi meta jmissni, naqra waqt il-quddies. U peress li għandi aċċent partikolari, n-nies jibqgħu attenti u msammrin! LOL!
Qattajt l-ewwel anniversarju tat-tieġ l-isptar ġewwa Wisconsin fejn ngħix. Kelli “colo-rectal cancer” u kelli żewġ operazzjonijiet kbar. Nirringrazzja lil-Mulej li laħħquni fil-ħin u illum nfejjqha. Kien f’dan iż-żmien ukoll li sirt naf li biex tgħix l-Amerka irid ikollok “medical insurance” tajjeb għax inkella ma tkampax. L-marda tiegħi ġiegħlitni nirrealiżża kemm aħna xxurtjati Malta.
Jiena “cradle Catholic” kif isejħulna. Imma ironikament, sirt tassew napprezza r-reliġjon tiegħi meta sibt ruħi l-Amerka, mdawwrha b’nies li jħarsu lejna l-Kattoliċi mhux b’mod favorevoli. Sibt ruħi niddefendi l-fidi tiegħi, ħaġa li qatt ma ħlomtha f’mitt sena! Steve, ir-raġel tiegħi, ma kienx Kattoliku meta ltqajt miegħu imma kien interessat li jitgħallem u wara ħafna studju, u kontroversji, tgħammed fl-Għid tal-2016.

Maria tgħidilna wkoll kif il-kompjuter u l-midja soċjali jagħmlu differenza fil-ġranet tagħha ta’ kuljum..
“Mindu sirt “ħbieb” ma’ l-internet u l-kompjuter m’għadnix naqra kif kont darba, imma issa sirt “addict” ta’ Facebook fejn inqatta’ ħafna ħin. Nikkunsidra Facebook bħala l-“life-line” tiegħi (mindu ġejt l-Amerka). Jiena “late-learner” fejn tidħol it-teknoloġija tal-kompjuter imma tgħallimt ħafna u kollox waħdi. Tant li issa, l-aktar passatemp li għandi huwa li “nilgħab” bir-ritratti fis-sens li naqbad ritratti u nirranġhom, inżejjinhom jew inneħħi d-difetti.”
Illum Maria għandha tlett ċittadinanzi INGLIŻ, MALTI u aktar reċenti, AMERIKAN. Tgħix ġewwa Plymouth, Wisconsin. Post ta’ ftit ‘l fuq minn 8,000 popolazzjoni. Ftit bini imma ħafna kampanja. Squirrels, ċriev u kull tip ta’ għasfur imaġinabbli.
“Meta kont ngħix l-Ingilterra kont tant inħobb l-isquirrels u Malta kont nimmissjahom ħafna. Issa squirrels jiġu wara biebi! Kont nimmissja l-borra wkoll u issa għandi kemm irrid! Anzi wisq! Jiena l-unika persuna minn Malta, li ngħix f’dan il-post. Fil-fatt ħafna nies hawnhekk, qatt ma semgħu b’Malta. Il-pjaċir tieghi li nispjega fejn hi Malta, li għandna l-ilsien tagħna, il-konnessjoni bejn Malta u l-Amerika fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, u li San Pawl spiċċa Malta! Għalhekk insejjaħ lili nnifsi speċi ta’ ambaxxatriċi għal Malta. Ħafna nies fil-fatt, wara li nkellimhom dwar Malta, imorru d-dar u jfittxuha fuq l-Internet.”
Il-biża’ ta’ Maria hija li titlef il-memorja.
“Ommi għandha bidu ta’ dimensja u nibża’ li nispiċċa bħalha. Diġà qed ninnota ċerti mumenti li qed iħassbuni. Wara kollox, m’għadnix żgħira. Forsi għalhekk għandi din l-imħabba lejn ir-ritratti. Huma prezzjużi ħafna għalija. Inħares lejhom u ntenni kif kien jgħid Dun Karm (jekk m’inix sejra żball), li l-ħajja hija ħolma.”

Direttriċi u Editriċi