“Nistgħu f’dan il-Milied naqsmu l-ferħ tagħna ma’ ħaddieħor, bħal ma nagħmlu ta’ kull sena bit-talent tagħna?” – Din kienet il-mistoqsija f’moħħ l-istudenti u l-għalliema ta’ Future Voices Studio fil-Gudja, taħt id-direzzjoni ta’ Ms Iona Dalli b’assistenza ta’ Ms Marija Bellia.

Future Voices Studio hija għaqda taħt id-direzzjoni ta’ Ms Iona Dalli bl-assistenza ta’ Marija Bellia li toffri lezzjonijiet tal-kant u sessjonijiet ta’ recordings u produzzjoni tal-mużika fil-Gudja.Fiha jattendu ammont ta’ kantanti solisti u anke żewġ korijiet; wieħed magħmul minn tfal ta’ eta żgħira, u ieħor minn adoloxxenti.

Iona Dalli, għandha 26 sena, mill-Gudja u ilha tmexxi dan l-istudio għal madwar 11-il sena. Minbarra li tagħti l-lezzjonijiet tal-kant, Iona għandha l-karriera ta’ għalliema tal-ewwel sena primarja. Hija tgħid li tqis ħajjitha bħala waħda mimlija, però mimlija b’affarijiet li tħobb immens li huma l-edukazzjoni u l-mużika.

Marija, li għandha 17-il sena, toqgħod il-Gudja wkoll u hija studenta fil-Junior College. F’din l-aħħar sena ngħaqdet ma’ Iona bħala kollega fl-istudio fejn hi wkoll tagħti xi lezzjonijiet tal-kant. Barra minn hekk, hija wkoll mużiċista u tipprattika d-daqq tal-kitarra, il-pjanu u l-kurunetta.

Kemm Iona, u kemm Marija, iħaddnu passjoni kbira għall-mużika, u ilhom snin jaħdmu f’dan il-qasam, Marija tikteb il-lirika għall-kanzunetti oriġinali tagħha, u Iona tipproduċi l-mużika.

Din is-sena iddeċidew li jieħdu x-xogħol tagħhom pass ‘il quddiem, u jinkludu lill-istudenti ta’ Future Voices fil-prodott finali tal-mużika li joħorġu.

Permezz tal-proġett bl-isem “Għażiż Milied” li jikkonsisti f’kanzunetta oriġinali, b’lirika u mużika ta’ Marija Bellia u Iona, diġà ġew miġbura 400 ewro mill-parteċipanti, li se jmorru għal tfal morda bil-kanċer b’kollaborazzjoni mal-Malta Community Chest Fund. Dawn huma l-flus illi s-soltu jinġabru għar-recording tal-kanzunetta.

“Għażiż Milied” hija kantatha minnhom flimkien ma’ ‘l fuq minn 30 student u studenta ta’ Future Voices. Ftit tal-ħin ilu ġie mniedi l-vidjo mużikali ta’ din il-kanzunetta miġbud b’mod volontarju minn Kurt Cauchi Videography.

U mhux hekk biss! Dawn it-tfal ħadu l-inizjattiva li jagħmlu ġest ma’ tfal inqas ixxurtjati minnhom li jinsabu fil-kenn tal-istituti billi jnaqqsu minn dak li se jirċievu huma fil-Milied, u jagħtuh bħala rigal lil dawn it-tfal. Fuq kollox, huma jaħsbu li mhuwiex il-materjaliżmu li se jwassal il-ferħ, iżda l-ħsieb. Fil-fatt, fil-kanzunetta jitwassal dan l-istess messaġġ.

Flimkien mar-rigali se jkunu qed jibgħatu ittri personalizzati fejn jgħaddu x-xewqat tagħhom. S’issa qiegħdin f’kuntatt ma’ 6 istituti tat-tfal u diġà nġabru ‘l fuq minn 100 rigal mill-parteċipanti, il-familjari u l-ħbieb tagħhom.

L-appell tagħhom huwa li kull min jixtieq jingħaqad magħhom f’dan il-ġest sabiħ tad-donazzjoni tar-rigali, għandu jagħmel dan billi jibgħat email lil Iona Dalli fuq iona_music@hotmail.com jew jibgħat messaġġ fuq 79291704. Hekk tkunu tistgħu tagħmlu donazzjoni monetarja jew inkella tieħdu d-dettalji ta’ xi tifel/tifla mill-istitut flimkien mal-età tagħhom sabiex tkunu tistgħu toffru rigal u nota mill-qalb.

L-ewwel sett ta’ donazzjonijiet u rigali se jingħataw fit-23 ta’ Diċembru, u għal min ma jlaħħaqx, hemm ukoll data oħra biex jitqassmu t-tieni sett, fid-29 ta’ Diċembru.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks