‘Il-Milied it-Tajjeb’ hija frażi li bla dubju sejrin nisimgħuha ta’ spiss matul il-jiem li ġejjin. Imma hija wkoll il-frażi li ispirat lit-tim tal-produzzjoni tal-programm popolari tas-Sibt filgħaxija ‘The Entertainers’ biex fis-sitt staġun tiegħu jniedi kanzunetta oriġinali tal-Milied bħala rigal lill-poplu Malti u Għawdxi, b’mod speċjali lill-eluf ta’ telespettaturi leali li jsegwu l-programm ta’ kull nhar ta’ Sibt fuq Net Television.

Il-kanzunetta, li tnediet ftit tal-ħin ilu waqt il-programm tal-lum is-Sibt 12 ta’ Diċembru, għandha mużika tal-kompożitur u direttur mużikali tal-programm, Mark Spiteri Lucas u lirika ta’ Emil Calleja Bayliss. Fiha jieħdu sehem il-kantanti Janvil, Mark Spiteri Lucas, Michela Galea, Ivan u Krista Spiteri Lucas. Il-produzzjoni u l-arranġament mużikali huwa ta’ Andrew Zammit minn Tone Studios filwaqt li l-vidjo tal-kanzunetta. huwa xogħol id-direttur viżiv tal-programm, Jasper Azzopardi.

Il-Milied it-Tajjeb hija kanzunetta mexxejja u tal-widna u twassal messaġġ pożittiv ta’ tama u kuraġġ speċjalment lil min qed ibati fis-skiet.

Mark Spiteri Lucas, il-kompożitur tal-kanzunetta u wieħed mill-imħuħ wara l-programm ‘The Entertainers’ qalilna hekk: “Din il-kanzunetta wellidniha biex tibqa’. L-għan huwa li nirregalaw kanzunetta oħra tal-Milied lir-repertorju festiv Malti bit-tama li tkun tista’ tindaqq fuq l-istazzjonijiet tar-radju fil-gżejjer Maltin u tgħinna nifhmu aħjar li l-ispirtu tal-Milied mhux xi ħaġa temporanja li ngħixuh matul Diċembru u nieqfu hemm… Imma għandna ngħixu l-Milied flimkien u ma’ xulxin matul is-sena kollha”.

Nawguraw il-Milied it-tajjeb lil kulħadd u żommu l-appuntament tagħkom mal-programm The Entertainers kull nhar ta’ Sibt filgħaxija mit-20.30 ‘il quddiem fuq Net TV.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks