Kull darba li ngħaddi minn quddiem il-post………kull darba donni nibża’.
Forsi ta’ min jibża’. Forsi le. Lanqas naf x’naqbad naħseb.
Iżda dik il-ġrajja ma nista’ ninsiha qatt. Le, se tibqa’ ittimbrata f’moħħi sal-aħħar nifs! Għaliex dakinhar inbidlet ħajti. Dakinhar donni bdejt nemmen li hemm xi ħaġa ħafna ikbar milli wieħed jista’ jaħseb.
Dakinhar.
Il-ħanut tal-merċa.
Il-ħanut li kelli jiena.
Jiena jisimni Salvinu. Għaddejt tfuliti kollha ngħin lill-familja tiegħi fil-ħanut iċ-ċkejken tal-merċa, li kien jinsab kantuniera mal-pjazza f’raħal twelidi. Ma kienx ħanut kbir. Imma għal dak iż-żmien, għal dak iż-żmien kien fih kollox.
Il-familja tiegħi kienu jiftħu kmieni ħafna filgħodu, u għalkemm għan-nies kienu jagħlqu għal xis-seba’, konna ndumu ftit hemm sakemm nerġgħu nimlew l-affarijiet fuq l-ixkafef, nirranġaw kollox f’postu u nżommu l-prodotti friski u l-ħanut nadif.
Meta mietu l-ġenituri tiegħi, il-ħanut tal-merċa għadda għandi. U għalija, għalija kien bidu ta’ xogħol illi jiena kont nieħu gost nagħmel minn meta kont għadni żgħir.
Il-ħanut tal-merċa.
Kien id-dinja ċkejkna tiegħi. Hemm kienu jiġu jixtru n-nies tar-raħal kollu. Kienu jieqfu jgħidu kelma miegħi; min jiftaħ qalbu, min jibki, min jgħidli ġrajjiet kurrenti, min jiġi jieħu gost izekzek fuq xi ħadd mir-raħal u min jiġi jixtri mingħajr qatt ma qalli bonġu jew bonswa. Insomma, f’ħanut kont niltaqa’ ma’ ħafna nies u kulħadd għandu l-karattru tiegħu.
Imma dakinhar………
Dakinhar ma nista’ ninsiha qatt………
Dakinhar rajtha għall-ewwel darba.
U dik. Dik il-mara bidlitli ħajti.
Dakinhar kien li bdejt nemmen li hemm xi ħaġa ikbar milli qatt kont naħseb. Bdejt nemmen li l-imħabba hija l-iskop ewlieni tal-eżistenza umana.
Dakinhar. Iva, dakinhar.
Kont għalaqt il-ħanut. Sakkart il-bieb. Ħaddiema miegħi ma kellix. Kollox waħdi kont nagħmel. Dejjem laħħaqt. U għalhekk kont qiegħed waħdi.
Ftaħt il-kexxun tal-flus u bdejt ngħodd il-liri. Dak iż-żmien konna għadna bil-lira Maltija. Malli billejt subgħajja ma’ lsieni u bdejt ngħodd, smajt ħoss.
Ħarist ‘il barra minn ġol-bieb tal-ħġieġ u ndunajt li kienet qabdet ix-xita.
Ħoss. Ħoss ieħor. Sajjetta. Xegħel kullimkien.
Inħsadt.
Dak il-ħin rajtha. L-ewwel darba.
Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla……

Avukata u Awtriċi