Għandek bżonn: (għal 20 gallettina)
350g dqiq plain
125g butir, imqatta’ f’biċċiet
Kuċċarina bikarbonat tas-soda
Żewġ kuċċarini trab tal-ġinġer
Kuċċarina trab tal-kannella
Bajda
175g zokkor ismar
4 mgħaref Golden syrup
Metodu:
Agħrbel id-dqiq, il-bikarbonat tas-soda, il-ġinġer u l-kannella flimkien.
Żid il-butir, u ħawwad sakemm it-taħlitiet tiġi bħal frak tal-ħobż.
Żid iz-zokkor ftit ftit u ħawwad sew.
Ġo skutella żgħira ħabbat il-bajda u l-golden syrup flimkien.
Imbagħad żidhom mat-taħlita tal-gallettini.
Ħallat kollox sew u mbagħad għaġen l-għaġina b’idejk għal ftit sekondi.
Aqsam l-għaġina f’żewġ biċċiet u kebbeb kull biċċa fi clingfilm.
Agħfas kull biċċa b’idejk sakemm jiġu forma ta’ disc irqiqa.
Dan jgħin biex l-għaġina tiksaħ u tgħaqad aktar malajr.
Poġġi l-biċċiet tal-għaġina fil-friġġ u ħallihom għal mhux inqas minn siegħa.
Saħħan il-forn u ipprepara żewġ pjanċi tal-forn miksijin b’kartoforno.
Oħroġ l-għaġina u iftaħha għal madwar 0.5cm ħxuna.
Din l-għaġina xorta se tkun xi ftit iddellek. Allura uża dqiq kemm għandek bżonn biex tkun tista’ tiftaħha sew.
Bl-użu ta’ cutter, aqta’ l-forom tal-gingerbreadman u poġġihom fuq il-pjanċa tal forn. Dejjem ħalli ftit spazju bejn kull wieħed biex ma jeħlulekx ma’ xulxin jekk jikbru xi ftit fil-forn.
Aħmihom għal bejn 12 u 15-il minuta, jew sakemm jieħdu kulur kannella dehbi.
Ħallihom jiksħu kompletament qabel ma żżejjinhom.
Imbagħad iżżejjinhom skont il-gosti tiegħek….b’xi ħelu, jew biċ-ċikkulata mdewba, jew bir Royal icing.
Biex tagħmel daqs kikkra Royal icing:
Ħabbat żewġ abjad tal-bajd ma’ nofs kuċċarina ta’ essenza tal-vanilla sakemm ittella’ qisha ragħwa ħafifa.
Imbagħad żid żewġ kikkri icing sugar u ħawwad sakemm il-ġelu jgħaqad ftit.
Aqsam it-taħlita fi skutelli żgħar u żid kulur tal-ikel differenti skont il-gosti tiegħek.

L-ikla t-tajba 🙂
Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Kontributriċi