Nitkellmu ma’ Fiona Cauchi

Fiona, magħrufa l-aktar bħala kantanta u kitarrista. Minn fejn nibtet il-passjoni tiegħek għall-mużika? U kif bdiet il-karriera tiegħek?

Il-passjoni tiegħi għall-mużika minn dejjem kienet hemm. Minn dejjem inkanta, minn mindu tlaqt ilsieni, jiġifieri ta’ ftit xhur. Dak iż-żmien, il-ġugarell tiegħi kien it-tape recorder. Inkanta u noqgħod nisma’ lili nnifsi. Dik it-tip ta’ teknoloġija kienet taffaxxinani. Ejja ngħidu li l-karriera bdiet minn hemm imma sewwa sewwa ħriġt fil-pubbliku fl-ewwel kunċert tiegħi f’April tal-1997 meta kelli 19-il sena. U għalija dak kien l-isbaħ kunċert ta’ ħajti!!

Kif sirt familjari mal-ġeneru ta’ mużika li tkanta llum il-ġurnata?

Il-fatt li ndoqq il-kitarra iddettali ħafna mill-ġbdiet mużikali tiegħi. Mingħajr ma naf, sibt ruħi attirata lejn dan l-istil. Però fil-verità , jien jogħġbuni ħafna stili ta’ mużika, b’referenza għall-jazz u aktar il-blues. Infatti, kelli opportunità li nkanta ma’ Rockabilly band, fejn l-istil iqarreb għal dak ta’ Johnny Cash, li għalija huwa mużiċist kbir ħafna.

Int tikteb ukoll diversi kanzunetti. X’jispirak l-aktar biex tikteb?

Jiddependi minn ħafna affarijiet. Il-burdata kif ukoll il-melodija tad-diska. Jien nippreferi jiktbuli melodija u nżejjen il-kliem jien, għax inħoss li l-mużika li nista’ nikteb bil-qalb tinsab fil-ħoss tal-lirika.

Liema kanzunetti milli ktibt s’issa huma l-aktar għal qalbek? U għaliex?

“Sun and Rain”……hija t-tieni diska li għaliha ktibt il-lirika u nħobbha ghax hi reali u tittratta dwar relazzjoni li spiċċat u li fiha hemm karba ta’ qalb muġugħa li qed tittama li xi darba terġa’ ssib l-imħabba. Ħafna mit-tbatijiet ta’ telfa huma meta jmutlek xi ħadd li tkun tħobb imma dritt wara dik hi li tispiċċa relazzjoni li tkun ħafna għal qalbek. U din tittratta eżatt dwar dan.

Kitba ta’ Fiona Cauchi, mużika ta’ Rene Mamo

Hemm xi strument ieħor li tixtieq titgħallem iddoqq?

Il-Vjolin. Għalija huwa estensjoni tal-vuċi. U li bih nista’ nimraħ fejn bil-vuċi ma nasalx.

X’impatt tixtieq tħalli bil-mużika tiegħek?

Jien nixtieq li kull min jisma’ l-mużika tiegħi jħoss li mhuwiex waħdu li jħoss dan kollu. Bħal pereżempju jekk il-kanzunetta tkun tittratta dwar xi ħadd li bata imma rnexxielu jqum fuq saqajh, nixtieq li jekk ikun hemm xi ħadd għaddej minn xi għawġ, jisma’ d-diska u l-kliem tiegħi u jagħmel il-qalb.

Ksibt suċċess ukoll bħala attriċi. Tixtieq li tkompli tevolvi f’dan il-qasam?

Il-qasam tad-drama lili jogħġobni ħafna u, ngħidlek il-verità kollha, kienet ħolma qabel ma kien il-kant peress li kellna drama team l-iskola. Nixtieq inkompli f’dan il-qasam għax inħoss li għandi ħafna x’nista’ noffri.

Min hi eżattament Fiona? Kif tiddeskrivi lilek innifsek?

Jiena persuna kwieta u nħobb il-kwiet. Daqskemm nobgħod indejjaq lil ħaddieħor nobgħod li jdejjaqni ħaddieħor. Ma nkobbhomx l-argumenti għax joħolqu ħafna tensjoni. Qalbi żgħira ħafna u nibki malajr. Inħobb ngħin lil min ikun f’diffikultà, u din tal-aħħar spiss iddaħħalni fl-inkwiet għax ikun hemm min jinterpretaha kif ifettillu. M’hemmx x’tagħmel. Jien hekk magħmula.

Liema tqis li kienu l-akbar kisbiet tiegħek s’issa?

Fl-2010 kelli l-opportunità li nagħmel dwett ma’ David Knopfler, kantant internazzjonali u co-founder tad-Dire Straits u mingħandu tgħallimt ħafna fejn tidħol il-ħajja tal-artist.

Fl-2018 kelli l-opportunità, flimkien mal-kitarrista bravu Jeremy Micallef, indoqq f’Teatru Unplugged ġewwa t-Teatru Manoel. Peress li l-istil tiegħi jissejjaħ Unplugged, għalija kont fis-seba’ sema għax kien kunċert li xtaqt ħafna nieħu sehem fih.

Jien dejjem xtaqt ikolli involviment mużikali fil-kamp klassiku u għalkemm m’inhix imħarrġa fil-klassiku, fl-2018 ġietni l-opportunità, flimkien mal-arpista brava Dr Lydia Buttigieg, li ngħaqdu duo bl-isem ta’ Classique meets Pop, fejn inżewġu l-elementi klassiċi ma’ dawk pop bi stil partikolari. U tant hu partikolari li trid tisimgħu biex tifhem eżattament x’irrid infisser! Insomma, xi ħaġa kreattiva li skoprejt li nistgħu nimirħu sew fiha. Għal min għandu kurżità jista’ jfittex CLASSIQUE MEETS POP DUO fuq YouTube; għandna diversi clips li wieħed jista’ jisma’.

Għalkemm semmejt dawn it-tliet opportunitajiet, jien inqis li kull opportunità li ndoqq hija kisba kbira għax dik tfisser li xi ħadd japprezza dak li nagħmel. Xi ħaġa li ssewwidli qalbi; bħalissa minħabba l-COVID sparixxiet minn ħajti.

Ritratt meħud minn Therese Debono

L-isbaħ u l-agħar mumenti ta’ ħajtek s’issa..

L-isbaħ mumenti ta’ ħajti huma kuljum meta nirrealizza li għandi lil min iħobbni, post fejn ngħix, ikel x’niekol, ħbieb ġenwini u xogħol għal qalbi. Ma nafx nistax qatt inkun aktar iffurtunata minn hekk.

L-agħar mumenti ta’ ħajti huma dawk meta ndunajt li kien hemm min irid jieħu vantaġġ minn fuqi u drabi oħra meta tlift għeżież minn ħajti. Imma bħalma ngħidu bl-Ingliż, “life goes on”.

L-aktar mument imbarazzanti li kellek…

Kont imsiefra, nirrappreżenta lil Malta fil-Bulgarija u konna għamilna ħbieb mar-rappreżentanti ta’ pajjiżi oħrajn. Wieħed minnhom li kien fit-tim tal-Portugall, (u ma kienx jifhem kelma bl-Ingliż!) fettillu jiġi warajja u jmissli l-handbag waqt li konna mexjin fil-pjazza prinċipali ta’ Varna. Jien ħsibtu pick pocket u m’għandniex xi ngħidu, bellajtlu xebgħa tajba, tant li kellhom iwaqqfuni. Peress li ma kienx jaf jitkellem bl-Ingliż ma setax jgħidli biex iġibni konxja u jien bid-dagħdiha li kelli għamejt. Naturalment, meta ndunajt bl-iżball tgħidx kemm stħajt u domt nitolbu skuża!!

Xi jferħek u xi jbeżżgħak l-aktar?

Nifraħ nara lil min jieħu gost, speċjalment it-tfal, u nibża’ li nitlef lill-għeżież tiegħi u nispiċċa waħdi.

L-aktar persuni li tammira jew li jisipirawk.. u għaliex?

Nies sempliċi li jgħinu lil ħaddieħor mingħajr daqq ta’ trombi. Dawk in-nies li huma umli u li dejjem lesti jagħtu qalbhom. Dawk li dejjem lesti jxerrdu l-ferħ. Dawk li ma jħossuhomx il-fuq mill-oħrajn. Dawk in-nies li jifirħu jaraw lil ħaddieħor kuntent.

Xi jfisser il-partner tiegħek Malcolm għalik u x’differenza jagħmel f’ħajtek?

Malcolm, jew aħjar Micio, kif inħobb ngħajjatlu (u kif kulħadd spiċċa jgħajjatlu!!) huwa tassew ir-rigal tiegħi mingħand il-Bambin. M’għandix kliem biex nispjega, imma jkolli nammetti li ħajti saret sabiħa minn mindu daħal fiha hu. Qalbi sabet is-serħan minn mindu sirt nafu…..jekk inżid aktar kliem ma’ dan li diġà għidt inkun qed nirrepeti…….nispera li spjegajt ruħi sew!

Liema kwistjonijiet int l-aktar sensittiva dwarhom? U għaliex?

L-inġustizzji fil-ħajja lili jdejquni. U jistgħu jkunu kullimkien. Ma niflaħx nara t-tbatija; u din issibha kullimkien, kultant fl-inqas postijiet li tistenniha. Kull fejn kont u rajtha, ma flaħthiex u waqaftilha.

Il-Milied, xi jfisser għalik?

Il-Milied għalija huwa żmien speċjali li ngħozz tul ħajti kollha. Aħna trabbejna ngħozzuh il-Milied minħabba t-twemmin tagħna u minħabba li dejjem konna midħla tal-mużika, konna nkantaw fil-quddies ta’ nofsilejl. Nammetti li meta konna żgħar kienu jagħmluhulna maġiku, għax l-iskola kien ikollna ħafna parties u rigali u niltaqgħu ma’ tal-familja u nilbsu ħwejjeġ ġodda.

Hemm xi ħaġa li tixtieq tagħmel u li s’issa qatt ma kellek l-opportunità li tagħmilha?

Nixtieq li jkolli aktar ħin liberu. Aktar mixi fil-kampanja u ħin naqra l-kotba u forsi wkoll nintefa nikteb. Aktar ħin napprezza n-natura u l-kwiet. U aktar ħin ma’ Malcolm.

X’messaġġ tgħaddi lis-segwaċi u l-qarrejja ta’ skoperta.net?

Il-ħajja hija prezzjuża. Ejjew ingawduha u nħallu lil min. Jekk hemm xi ħadd li għandu bżonn l-għajnuna, ejjew ngħinuh. Naturalment, ma nkunux tapiti tan-nies, imma tajjeb li nippruvaw nagħmlu l-ħajja ta’ ħaddieħor isbaħ minn kif kienet qabel ma ltaqa’ magħna. M’hemmx għalfejn affarijiet tad-dinja l-oħra; kultant anke sempliċi tbissima u daqqa t’id taf tfisser ħafna għal dak li jkun. Ma nippruvawx inbiddlu d-dinja imma nippruvaw intejbu lilna nfusna l-ewwel.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks