Aġenzija Sapport hija l-aġenzija nazzjonali li toffri firxa wiesgħa ta’ servizzi għal persuni b’diżabilità u l-familjari tagħhom, u dejjem tara kif tista’ toħloq inizjattivi u opportunitajiet għall-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità fis-soċjetà.

L-Aġenzija timxi fuq erba’ valuri prinċipali li huma:

  • ugwaljanza, għażliet u opportunitajiet għal persuni b’diżabilità
  • inklużjoni ta’ dawn il-persuni fl-oqsma kollha tas-soċjetà
  • servizz ħolistiku mfassal fuq il-ħtiġijiet tal-individwu
  • sapport reċiproku nifhmu li kemm il-persuni b’diżabilità kif ukoll is-soċjetà għandhom x’jiggwadjanaw mill-involviment tal-istess persuni b’diżabilità.

Is-servizzi li toffri Aġenzija Sapport jinkludu:

  • Servizz ta’ assessjar u interventi ta’ ħidma soċjali, inkluż servizzi tat-tfal
  • Servizzi fil-Komunità
  • Servizzi Residenzjali
  • Servizzi ta’ Matul il-Jum
  • Numru ta’ skemi
  • Interpretazzjoni tal-Lingwa tas-Sinjali
  • Assessjar u gwida fuq l-użu ta’ teknoloġija assistiva
  • Monitoraġġ u għajnuna finanzjarja biex persuna b’diżabilità tkun tista’ tqabbad carer tal-għażla tagħha
  • Assessjar fejn jidħol użu ta’ apparat assistiv bħal wheelchairs, kif ukoll lezzjonijiet tas-sewqan fuq karozzi modifikati

Xi trid tagħmel persuna li tixtieq tibda’ tieħu servizz?

Biex persuna tibda tibbenefika minn xi wieħed jew aktar minn dawn is-servizzi, wieħed hu mħeġġeġ sabiex jagħmel kuntatt mal-Aġenzija fuq il-Helpline billi jċempel Freephone 153 u jagħfas in-numru 5. Minn hemm, persuna jitteħdulha d-dettalji sabiex profesjonisti jkunu jistgħu jevalwaw il-każ. Dawn is-servizzi jingħataw kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.

Professjonisti oħra li jkunu diġà qed jaħdmu mal-persuna, jistgħu jirreferuha wkoll lejn is-servizzi tal-Aġenzija.

Min jista’ jibbenefika mis-servizzi ta’ Aġenzija Sapport?

Ħafna minn dawn is-servizzi jistgħu jintużaw minn persuni li għandhom diżabilità, li tista’ tkun intellettwali u/jew fiżika u li l-età tagħhom tvarja mit-twelid sa sittin sena. Għal uħud mill-iskemi kif ukoll għas-servizz tal-interpretazzjoni tal-lingwa tas-sinjali, dawn il-parametri tal-età ma japplikawx.

X’għandu jistenna xi ħadd meta jagħmel l-ewwel kuntatt mal-Aġenzija?

Meta persuna tagħmel kuntatt mal-Aġenzija u turi li tixtieq tibda tirċievi s-servizzi, din tiġi mitluba biex tipprovdi ċerti dettalji. Isir assessjar komplut minn professjonisti bħal ħaddiema soċjali, fiżjoterapisti, occupational therapists u speech & language pathologists. Dan sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-bżonnijiet kollha tal-persuna. Minn hemm, il-persuna tkun tista’ tiġi referuta lejn is-servizzi li teħtieġ.

Kuntatti tal-Aġenzija
Helpline: Freephone 153
T: 22568000 (Malta); 21569909 (Għawdex)
Website: www.sapport.gov.mt
email: sapport@gov.mt
Facebook: Agenzija Sapport

Informazzjoni mogħtija lilna minn Aġenzija Sapport.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks