Din id-data hija l-festa tat-twelid ta’ Marija Santissima li hi importanti ħafna għall-knisja Kattolika. Iżda din il-ġurnata daħlet fl-istorja ta’ pajjiżna u l-poplu tagħna b’avvenimenti li ġraw mall-medda tas-snin li fihom kollha naraw kif il-poplu Malti ħeles minn saram kbir proprju fit-8 ta’ Settembru.

Fl-1565 jiġi fi tmiemu l-assedju l-kbir li kien determinant għas-sopravivenza tal-poplu Malti u tal-Ordni ta’ San Gwann. Wara tliet xhur ta’ taqbid , tbatija u taqtigħ il-qalb fejn rajna attakki qalila fuq il-Forti Sant Iermu li ċediet nhar it-23 ta’ Ġunju fl-1565. Wara saru attakki minn kullimkien fuq il-Birgu u l-Isla li rnexxilhom jirreżistu kull attakk. Nhar it-8 ta’ Sertembru l-imperu Ottoman iċedi u jaħrab minn Malta.

Fl-1800, wara sentejn ta’ imblokk kontra l-qawwiet Franċiżi li l-Maltin waħedhom irnexxilhom jasedawom fil-Belt Valletta u fil-Kottonera. F’din l-ispeċi ta’ gwerra civili mietu eluf ta’ Maltin li ċarċru demmhom għal art twelidhom. Wara li waslet l-għajnuna Ingliża jasal il-jum tat-8 ta’ Settembru meta Alexander Boll akkumpanjat mill-mexxejja Maltin jidħlu lura fil-Belt Valletta rebbieħa wara li ċedew il-Franċiżi.

Fl-1943, waqt il-purċissjoni ta’ Marija Bambina ġewwa l-Isla nhar it-8 ta’ Settembru jitħabbar li l-Italja kienet ċediet .Dan kien ifisser li għal Malta kien wasal it-tmiem tat-tieni gwerra dinjija.

Il-poplu Malti għal tliet darbiet isalva minn saram kbir nhar it-8 ta’ Settembru jum it-twelid ta’ Marija Santissima.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks