Dan l-aħħar iltqajt ma’ persuna li ili nafha mhux ħażin. Mara veru sempliċi, dejjem bi tbissima fuq fommha, iżda qarrieqa. Qarrieqa għaliex il-karattru tagħha ma jixhedx minn xiex għaddiet. Kapaċi titbissem u tferraħ lil ħaddieħor iżda minn ġewwa tkun l-iktar mara mnikkta u jirnexxilha tibki dmugħ inviżibbli.
Ma xtaqitx turi l-identità tagħha biex tissalvagwardja l-familja tagħha, avolja ma ssib l-ebda oġġezzjoni taqsam magħkom il-qarrejja l-ġrajjiet tagħha. Madanakollu bagħtitli xi ftit ritratti ta’ tfulita għaliex bil-qajla tingħaraf u apparti hekk il-ġrajja li rrakkontatli ġrat f’dak iż-żmien.
Ħajtek ma kinitx faċli u naf li kienu diversi l-battalji li għaddejt minnhom. Fejn se teħodna?
Se neħodkom miegħi fi tfuliti li ma kellix…mhux se tkun faċli għax meta naħseb fiha nitnikket. Donni għad għandi ferita li mhix magħluqa. Għadni nsofri r-riperkussjonijiet ta’ sitwazzjoni li ġejt fiha ntortament.
Lesta li taqsamha magħna?
Naf biċ-ċert li se nagħmel il-ġid għal min forsi għaddej mill-istess sitwazzjoni, allura iva. Aħfirli jekk kultant nieqaf innewwaħ ftit, iżda ma jkollix kontroll.
Kelli 6 snin. L-età tenera fejn jibda jinbena s-sub-konxju ta’ persuna u għaldaqstant suppost li ma tkunx esposta għal ebda disturbanza. Il-kbira minn tlett aħwa u l-ewwel wild mill-familja tan-naħa t’ommi.. Tista’ timmaġina x’bokka kellhom bija. Ommi kienet bin-negozju u missieri kien telaq mix-xogħol biex jieħu ħsiebna. Ma kien jonqosna xejn. Finanzjarjament konna miżmumin tajjeb ħafna. Konna niffrekwentaw skejjel privati, insiefru safra twila darba fis-sena, jekk mhux tnejn u tista’ tgħid li konna l-għira ta’ kull min kien jafna.
Kont fil-kamra tas-sodda nistenna lil ommi ġejja mix-xogħol. Missieri bħas-soltu kien laħaq temana u daħħalna fis-sodda biex norqdu. Din kienet l-unika ħaġa li kienet iġġiegħel lil ommi tgerger. Kienet tilmenta ta’ sikwit ma’ missieri għax kif tiġi mix-xogħol kienet issibna diġà reqdin u għaldaqstant ma tantx kienet tgawdina. Kienet tħoss li qed titlef it-trobbija tagħna u kienet veru taqa’ ħażin. Lil ħuti kienet tmur għajnhom bihom iżda jien, ta’ makakka li kont, dejjem kien jaqbadni l-bżonn li mmur it-toilet!
Dakinhar, missieri kien liebes pulit u ħsibthom se joħorġu. Ma kinitx se tkun l-ewwel darba li tiġi l-kuġina tiegħi toqgħod magħna. Ommi u missieri kienu jagħmlu ħilithom biex ikollhom ftit ħin ta’ kwalità bejniethom. Però dakinhar ma ġie ħadd…Kif inżilt mis-sodda u tajt is-salt biex noħroġ għal ġol-kcina smajt tisbita kbira. Inħsadt u waqaft quddiem il-kuritur. Ħuti qamu u hija ż-żgħir li kellu biss sentejn beda jibki. Instabat il-bieb ta’ barra…sabtuh. Sabtitu ommi hekk kif bdiet taqbad lil missieri mill-kaxxa ta’ sidru u tgħajjat u tolfoq u titolbu bil-ħniena biex ma jitlaqx. Dik ix-xena ma ninsiha qatt…

Għaliex ried jitlaq missierek?
Domt ma sirt naf. Kelli 10 snin fil-fatt meta sirt naf. Missieri kien ċempilli u qalli li se jgħaddi għalija għax għandu bżonn ikellimni. Ommi u missieri kienu ilhom diġà 4 snin mifrudin però fil-weekend baqgħu joħorġuna flimkien.
Kienu xi l-ħamsa ta’ filgħaxija u missieri għadda għalija, tlajt fil-karozza u lanqas kelli idea ta’ fejn konna sejrin. Qalli li xtaq ikellimni għaliex jien kont il-kbira u kien wasal iż-żmien li nsir naf il-verità fuq ir-raġuni għalfejn kellu jitlaq mid-dar. Xtaq li din il-verità toħroġ minn fommu. Qalli “Jien gay”. Niftakar li bqajt ċassa nħares lejh għax lanqas kont naf x’jiġifieri. U bil-paċenzja kollha qagħad jispjegali li l-ġibdiet sesswali tiegħu kienu lejn l-irġiel u mhux lejn in-nisa u li lil ommi kien iħobbha bħala l-ikbar ħabiba tiegħu. Għalkemm kont għadni żgħira kont inkwiżittiva immens iżda missieri ma xtaqx jirrakkontali għaliex iħossu hekk u minn meta beda jħossu hekk. Eventwalment dawn huma kollha risposti li sirt nafhom mingħand ommi maż-żmien, u missieri ma jinnegahomx.
F’dawk l-4 snin kienu għadhom joħorġuna flimkien, biex ma jagħmlulniex iktar ħsara, kien mingħalihom. Wara sirt naf li ommi baqgħet tħobbu u m’aċċettat qatt is-sitwazzjoni. Fil-fatt konna nitolbu lil Alla kuljum biex ‘id-daddy jerġa’ jiġi lura d-dar’…. Ommi tgħid li missieri qatt ma kien wera sinjali omosesswali u għalhekk kienet ħaditha bi kbira ħafna. Ma rathiex ġejja…

Inti tiftakar lil ommok u l-missierek jiġġieldu. Kif saret taf ommok?
Ommi mara sewwa ħafna u intelliġenti immens iżda lil missieri kienet tafdah b’għajnejha magħluqa. Darba fost l-oħrajn irċeviet telefonata anonima mingħand raġel. Qalilha sentenza u qata’ l-linja: “ċerta li żewġek qed imur jara lil ommu?” Ma kienet qaltlu xejn lil missieri, iżda bdiet tagħmillu l-għassa. LE, ma kienx imur jara lil ommu……Kien imur għand ħabib tiegħu, u kien ilu ġimgħat sħaħ, sakemm fl-aħħar waslet il-ġurnata li ġiet mix-xogħol u kif daħlet rat lil missieri liebes pulit lest biex joħroġ. Ma felħitx iktar u qaltlu.
Kienet skopriet li l-persuna li kien ittanta lil missieri kien ħabib tal-familja u li kienu għenuh kemm-il darba finanzjarjament għaliex kellu negozju u falla. Ħassitha ttraduta u felħitx wisq għaliha. Ftit jiem wara pruvat tikkommetti suwiċidju….belgħet il-pilloli kollha li kellha fil-‘medicine chest’. Però Alla ried itiha missjoni akbar f’ħajjitha. It-tobba salvawlha ħajjitha u għexet. Però kienet għadha m’għarfitx x’irid minnha l-Mulej. Kienet mara mdejqa u tagħli għax jisbaħ. L-imħabba li kellha għal missieri baqgħet b’saħħitha u m’għalqet qatt il-kapitlu tar-relazzjoni tagħhom. Batiet ħafna u mardet ukoll. Missieri kien jibki jipprova jfiehma li m’għandux kontroll fuq l-emozzjonijiet tiegħu u li qatt ma ried iweġġagħha.
Ommok kienet bin-negozju meta missierek telaq mid-dar. Ma min kontu toqgħodu?
Din kienet xokk fuq il-familja kollha, kemm tan-naħa t’ommi u kif ukoll tan-naħa ta’ missieri. Iz-zijiet, ħut missieri, ħaduha ħafna bi kbira u ma baqgħux ikelmu lil missieri. Missieri kien jiġi ghalina xi drabi iżda kien iħossu wisq ħażin biex jidher quddiem il-bieb t’ommi. Kellna nuqqas kbir tiegħu fil-fatt. Ħuti u jien lanqas qatt ma konna nfridna però waslet dik il-ġurnata fejn kellna ninfirdu minn ma’ xulxin. Ommi kienet tatni ċ-ċavetta tad-dar meta kelli 9 snin. Fost il-ġimgħa kont nasal mill-iskola d-dar, waħdi, nagħmel il-HW u nistudja għall-Junior Lyceum u kif inlesti nibda naħsel l-art ħalli meta tiġi ommi ssib kullimkien nadif. Kienet tasal xi l-għaxra ta’ bil-lejl għajjiena mejta. Kienet tpoġġi fuq is-sufan u tnixxi żewġt demgħat. Qatt ma rajtha titbissem iktar.
Darba marret tkellem lis-sorijiet tal-istitut. Xtaqet li jżommuna kuljum sakemm tasal lura mix-xogħol ħalli ma ninfirdux. Kif rawha ħasbuha mara msawta. Kienet għolbot ħafna u ddgħajfet immens. Ma ridux iżommuna. Iżda mbagħad iz-zijiet ftiehmu bejniethom u kienu għamlu roster. Nhar ta’ Tnejn ommi ma kinitx taħdem. Għalija kienet l-isbaħ ġurnata fost il-ġimgħa. Naslu mill-iskola u nsibu lil ommi d-dar. Konna nkunu qisna rbaħna l-lotterija, ferħanin….

Mingħajr ma niżvela kemm għandek żmien, qabel, li tkun ‘gay’ kienet taboo. Missierek kien ħareġ fl-apert jew le?
Ma kienx ħareġ fl-apert però n-nies kollox ikunu jafu, u emminni meta ngħidlek li n-nies kapaċi jkunu kattivi. Kont niġi bullied ħafna l-iskola wkoll u kont nibki. Il-preċiż diskors kien ‘missierek pufta’ u kienu jafu qabel ma kont naf jien!! Kemm kont inweġġa’ nara l-ġenituri ta’ sħabi flimkien u tiegħi le… X’qatt kont għamilt jien biex jistħoqqli hekk?
Taħseb li għadha taboo illum il-ġurnata jew le?
Hawn min huwa homophobic iva iżda s-sitwazzjoni nbidlet ħafna llum. Hawn iktar edukazzjoni u anki drittijiet li jipproteġu lill-persuni LGBTIQ. Illum inħares lejn dawk li kienu jgħajruni u kważi kollha għandhom lil xi ħadd LGBTIQ fil-familja. Allaħares nibqgħu b’dik il-mentalità fuq l-orjentazzjoni sesswali tal-individwi. Imma ovvjament hemm lok għall-progress.
Fil-bidu semmejt li għadek issofri riperkussjonijiet. X’tip ta’ riperkussjonijiet issofri?
Ħafna wkoll. Meta kbirt u ġejt biex nagħżel l-imħabba ta’ ħajti, ma kontx sana biżżejjed fid-deċiżjoni. Għażilt persuna li kienet ‘father figure’ iktar milli raġel li jħobbni. Dak kien in-nuqqas li kelli f’ħajti. U dak il-vojt għadu hemm. Missieri għadu jagħmel parti kbira minn ħajti u nħobbu ħafna, iżda dik it-toqba li ħalla fi tfuliti għadha vojta u ma jimliha ħadd u xejn.
X’messaġġ tixtieq tgħaddi lil min għaddej mill-istess sitwazzjoni?
Nifimhom u nibki magħhom. Ma tantx nista’ nkun ta’ sulliev għalihom għaliex is-sabar biss irid ikollhom. Dan bħal meta jmutlek xi ħadd. Mhux se ġġibu lura. Trid taċċetta li jkun qed jiġri, taħfer u tibqa’ tħobb, u jekk ikun hemm it-tfal involuti, jaħdmu flimkien biex it-tfal ibatu mill-inqas. Wieħed irid iżomm f’moħħu wkoll li min ikun omosesswali jkun qed ibati wkoll għaliex ma jkunux iridu jweġġgħu lil min iħobbu. Diffiċli tifimha jekk ma tkunx għaddejt minnha.
Irringrazzjajt minn qalbi lil din il-mara ta’ dan ir-rakkont u wegħditni li xi darba tirrakkontali xi ġralha f’żogħżitha.
Jekk għandek xi storja li tixtieq taqsam magħna, anki b’mod anonimu, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Kontributriċi