Rajt mara niexfa, liebsa libsa bajda, twila, perpura ttir mar-riħ u tixxarrab bix-xita. Kienet qiegħda tħares lejja minn barra. Wiċċha mal-ħġieġ. Donnha kellha bżonn l-għajnuna.
Bla ma qgħadt naħsibha darbtejn, ġrejt lejn il-bieb u ftaħtilha.
Daħlet tistkenn fil-ħanut. Sajjetta. Rajtha sew.
Kienet tidher pallida, ħuġġbejha rqaq wisq, idejha kienu qiegħdin jirtogħdu. Kienet imxarrba għasra u l-libsa bajda li kellha fuqha kienet tidher imwaħħla magħha.
“X’għandek bżonn?” staqsejtha, hekk kif rajtha tħares madwar il-ħanut.
Lil din il-mara qatt ma kont rajtha qabel.
“Żewġ fliexken ħalib.” Leħinha kien baxx. Ma ħarsitx f’wiċċi. Donnha kienet qiegħda tevita li tħares f’għajnejja. Forsi kienet qiegħda tistħi.
Tbissimtilha għaliex kont naf li kien għad fadalli żewġ fliexken ħalib fil-friġġ ta’ wara l-bank. Dak iż-żmien, il-ħalib kien għadu jiġi fil-fliexken. U għalhekk, bla ma qgħadt naħsibha, mort quddiem il-friġġ u tajtha dak li talbitni.
Sellmitli. Bla kliem u bla sliem telqet ‘il barra.
Mhux għax stennejtha tħallasni. Kont indunajt li l-mara kienet tidher li tinsab fil-gwaj.
Telqet.
L-għada, għamilt ġurnata xogħol normali, u bejn ħaġa u bejn oħra, kont insejt l-avveniment tal-ġurnata preċedenti.
Sa xħin…….
Sa xħin kont erġajt għalaqt u kont qed nerġa ngħodd il-flus.
Din id-darba smajt tektika żgħira mal-ħġieġa tal-bieb. Illum ma kinitx xita u għalhekk smajtha ċara iżjed mill-ġurnata ta’ qabel. Mort inħaffef lejn il-bieb.
Ftaħtilha.
Indunajt li donnha llum kellha d-dmugħ nieżel minn għajnejha. U kienet bl-istess libsa ta’ lbieraħ.
Miskina, bdejt ngħid bejni u bejn ruħi. Din il-mara għandha bżonn l-għajnuna.
“Tista’ jekk jogħġbok…………” bdiet tgħidli b’leħen kemmxejn maħnuq, rasha baxxuta lejn l-art.
“Ħalib?” staqsejtha.
Għamlitli iva b’rasha.
Bla ma għidtilha kelma oħra, mort fil-friġġ u newwiltilha żewġ fliexken ħalib frisk.
Sellmitli u telqet.
Bqajt hemm inħares warajha, hekk kif innutajt li kienet qasmet it-triq u intilfet hemm barra fid-dlam tal-lejl.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla……

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks