Il-ħbiberiji jistgħu jaffettwaw b’mod pożittiv il-ħajja tan-nies u huma importanti ħafna. Madankollu, dan huwa qasam ta’ tħassib għal persuni b’diżabilità, speċjalment għal dawk b’diżabilità intellettwali.
Għalkemm il-ħbiberiji jistgħu jkunu sors importanti ta’ appoġġ u jistgħu jgħinu persuni b’diżabilità biex jittrattaw is-solitudni, dawn isibu li m’għandhomx opportunitajiet biex jiżviluppaw u jżommu ħbiberiji.
Fost l-ostakli li jiffaċċjaw, hemm in-nuqqas ta’ pjattaformi disponibbli fejn jistabbilixxu ħbiberiji u relazzjonijiet. Persuni b’diżabilità għandhom inqas possibilità li jidħlu f’attivitajiet soċjali u ta’ divertiment, u meta jagħmlu hekk, adulti, jew professjonisti spiss jakkumpanjawhom. Uħud huma miċħuda l-possibbiltà li jqattgħu ħin mal-ħbieb, oħrajn m’għandhomx privatezza, hemm ukoll ostakli relatati mat-trasport u l-appoġġ finanzjarju. Minħabba n-nuqqas ta’ ħbiberiji regolari, huwa magħruf li l-persuni b’diżabilità ħafna drabi jqisu nies li jitħallsu biex jaħdmu magħhom u membri tal-familja, bħala l-ħbieb tagħhom.
Diċembru huwa x-xahar meta jiġi ċċelebrat il-jum internazzjonali tal-persuni b’diżabilità u d-drittijiet umani tagħhom. Huwa importanti li jiġu inklużi persuni b’diżabilità fir-riċerka sabiex wieħed isir jaf x’inhuma l-opinjonijiet u l-esperjenzi tagħhom dwar dan is-suġġett Huwa importanti li naħdmu lejn modi li bihom persuni b’diżabilità jistgħu jegħlbu dawn l-isfidi u l-ostakli. Huwa għalhekk neċessarju li l-appoġġ meħtieġ għal persuni b’diżabilità biex jiffurmaw u jżommu ħbiberiji u relazzjonijiet jiġi stabbilit.

Kap tad-Dipartiment tal-Istudji dwar id-Diżabilità,
fi ħdan il-Fakultà għall-Benessri Soċjali tal-Università ta’ Malta,
li tagħha hija wkoll Viċi Dekan.