Il-Milied għandu sinjifikat differenti għal kulħadd. Partikolarment għal dawk li jħaddnu r-reliġjon Kattolika l-Milied ifisser it-twelid ta’ Ġesù Bambin u allura l-presepju għandu valur importanti għal dawn tal-aħħar.
Illum se nlaqqgħukom ma’ Vince Busuttil.
Il-kreattività u x-xogħol tal-idejn minn dejjem kienu parti kbira u importanti għal Vince, fil-fatt kemm-il darba għamel xogħlijiet ta’ dan it-tip, minn tpinġija għal arranġamenti ta’ fjuri u anki garden landscaping. Iżda minn wara li rtira huwa skopra passjoni oħra, dik li jagħmel il-presepji.

Kemm minħabba limitazzjonijiet tat-tip ta’ xogħol li seta’ jagħmel kif ukoll l-imħabba tiegħu għat-tradizzjonijiet, li jibda jaħdem il-presepji kienet deċiżjoni naturali. L-hena tiegħu joħloq xi ħaġa daqshekk sabiħa prattikament mix-xejn. Kif tagħtih biċċa njama jgħidlek li diġà qed jarah kif se jkun meta jlestih! Il-presepji li jaħdem iqishom bħala t-trabi tiegħu.

Bħala tipi ta’ presepji hemm dawk li jissejħu standard, li ma jkunux mekkanizzati u hemm dawk li jkunu mekkanizzati jiġifieri li jkollhom nixxigħat tal-ilma, water wheels, u raddiena kollha jaħdmu.
Kull presepju jkollu d-dawl f’kull kamra u postijiet strateġiċi fosthom ħuġġieġa.

Bħala qisien huma varjati għaliex Vince jagħmel kull daqs, inklużi tondi. Jiddependi skont kif wieħed ikun jixtiequ. Il-klient jista’ jagħżel ukoll il-features li jrid u fejn jixtieq li jkunu fil-presepju tiegħu.

Ix-xogħol hu kollu magħmul bl-idejn sal-inqas dettall u kemm jista’ jkun jintużaw materjali naturali. Pereżempju z-zkuk u l-ġebel fost oħrajn ikunu kollha naturali. Ma jintużax jablo biex kemm jista’ jkun jinżammu tradizzjonali.

Il-materjal biex isir il-presepju nnifsu hu bażi ta’ kartun miksi b’tafal u ramel, u aktar tard proċessi ta’ żebgħa eċċ. Vince saħansitra jagħmel anki l-bricks hu bil-ġibs u mbagħad jaqtagħhom skont il-bżonn.
Bħala ħin jiddependi mill-kobor tal-presepju u jekk ikunx mekkanizzat jew le. Bejn wieħed u ieħor, il-mekkanizzati jieħdu bejn 3 u 4 ġimgħat u jaħdem fuqhom għal madwar 5 u 6 sigħat kuljum filwaqt li l-presepji standard jieħdu madwar ġimgħatejn biex jitlestew. Il-presepju t-tondi li jkollhom anki bini fuq wara jieħdu ftit aktar xogħol u ħin.

Minkejja li forsi wieħed jaħseb li kmieni wisq iżda Vince diġà qed jieħu l-ordnijiet għall-presepji għas-sena li ġejja! Għaldaqstant jekk int imħajjar li tordna wieħed minn dawn il-presepji, aħseb kmieni u għamel l-ordni tiegħek issa.
Dan jista’ jsir b’kuntatt ma’ Vince billi ċċempel fuq 99370464 jew inkella permezz tal-paġna ta’ facebook:
