Is-siġra tal-Milied hija parti mit-tiżjin tradizzjonali tista’ tgħid kważi kullimkien.

Għamilna kuntatt ma’ personalitajiet li ċertament huma popolari magħkom is-segwaċi u l-qarrejja ta’ skoperta.net u rnexxilna niskopru kif iżejnu s-siġra tal-Milied tagħhom.

Staqsejnihom ukoll xi jfisser għalihom żmien il-Milied.

Patrick Tanti: Din is-sena nemmen li l-Milied se jkun iktar awtentiku, fejn wara dak kollu li għaddejna minnu nistgħu napprezzaw aktar il-valur tas-semplicità u l-għożża ta’ dawk li nħobbu u li jkunu dejjem hemm għalina.

Keith Demicoli: L-2020 għallmitna ħafna affarijiet fosthom kemm il-familja u n-nies l-aktar għeżież u qrib tagħna huma tassew importanti f’ħajjitna. Il-Milied u l-familja jmorru id f’id. Din is-sena se tkun diffiċli ħafna li ma nkunux kollha flimkien bħala familja. Minkejja dan, konvint kemm il-pandemija kienet opportunità biex nagħrfu tassew x’inhu importanti f’ħajjitna u nibdew nagħtu importanza akbar lill-familja. Il-Milied 2020 se nużah biex lil dawn l-għeżież niktibilhom kelmtejn biex nurihom kemm napprezza li huma parti minn ħajti u qed jinfluwenzawha b’mod daqstant pożittiv.

Angie Laus: Il-Milied għalija jfisser familja, u fejn imqar għal ġurnata nkunu kollha f’daqqa. Din is-sena ftit differenti imma jekk Alla jrid inpattu bil-kbir is-sena d-dieħla.

Vince Micallef Pule: Għalija l-Milied ifisser Familja u Solidarjetà mal-batut u min hu inqas ixxurtjat minna.

Richard Micallef: Dan iż-żmien għalija jfisser għaqda u opportunità biex tapprezza u tgawdi l-preżenza u l-valur tal-familja.

Cassandra Spiteri: Il-Milied għalija huwa żmien li apparti li tingħaqad iktar mal-familja tiegħek, tingħaqad ukoll man-nies li huma speċjali għalik u li ilek ma tara.
Huwa żmien ukoll fejn jien niġġennen biex narma d-dar mill-ewwel ta’ Novembru, bis-siġra u l-fairy lights, kif ukoll meta nara l-armar ta’ barra. Iqajjimli aspett hieni ħafna!
Dicembru huwa wkoll mument fejn nirrifletti dak li esperjenzajt matul is-sena kollha, kemm in-negattiv u kif ukoll l-pożittiv, biex kemm jista’ jkun nitgħallem minn dak li għamilt u nkompli nkun iktar ambizzjuża bil-miri li jkolli ippjanati għas-sena l-ġdida.

J’Anvil: Il-festa tal-Milied, aħna bħala familja niċċelebrawha dejjem flimkien. U wkoll bħala familja li nħaddnu r-reliġjon tagħna, niċċelebraw il-Milied sabiex niftakru fil-ġrajja tat-twelid tal-iben t’Alla li sar bniedem u bata għalina. Din is-sena se nħossu n-nuqqas tal-atmosfera tal-quddies ta’ nofsilejl. Min-naħa l-oħra, normalment bħala kantanti f’dawn iż-żminijiet inkunu impenjati ħafna bix-xogħol u allura minħabba ċ-ċirkostanzi li qiegħdin fihom se jkollna aktar ħin biex ingawdu lil xulxin. Għall-anqas għandna xi ħaġa pożittiva!

Ryan u Josmar: Il-Milied għalina jfisser għaqda u paċi fil-qalb.

Itfa’ ritratt tas-siġra tal-Milied tiegħek fil-kummenti hawn taħt 👇 u għidilna xi jfisser għalik il-Milied 🗣💬

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks